B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 960 rigward Mużew tad-Dwana u restawr tal-Bini tad-Dwana, jista'l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk sarx rapport jew ġiex ikkumissjonat rapport rigward dan u jekk iva, jista' dan ir-rapport jiġi ppreżentat għal konsiderazzjoni ta' din il-Kamra?
Response (DALLI, JOHN)
M`hemmx żviluppi x`wieħed jirraporta mit-tweġiba li kienet ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 960. L-ispazju fil-bini tad-Dwana huwa ristrett u kif inhu magħruf dana bilkemm hu biżżejjed biex jaqdi l-ħteġijiet ta` l-amministrazzjoni ċentrali tad-Dipartiment tad-Dwana.
Dwar xi restawr li jista` jsir f`dal bini storiku d-Dipartiment se jfittex li jressaq dan il-punt quddiem l-awtoritajiet li jistgħu jkunu indikati f`din is-sitwazzjoni.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kotba ġew stampati mill-istamperija tal-Gvern mill-1945 sal-lum, liema huma t-titoli tagħhom u kemm minnhom inbiegħu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena infurmat li l-informazzjoni li tista' tinġabar tmur
lura għall-aħħar ftit snin biss.
Id-dettalji li għadhom qed jinġabru jingħataw f'xi seduta
oħra.
Jista' l-Ministru jinkariga rappreżentanti tad-dipartiment tat-toroq sabiex jieħdu ħsieb jagħmlu rapport ta' l-istat tat-toroq ġewwa r-raħal tax-Xgħajra billi minn dawn hemm numru li ġew asfaltati u hemm oħrajn li għadhom ma ġewx asfaltati u hemm bżonn li jsiru?
Response (GALEA, ĊENSU)
Għaddejt is-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tat-Toroq biex issir l-ispezzjoni.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm kirjiet u ċnus mogħtija mil-Lands Department lill-pubbliku in ġenerali li huma 'l fuq minn Lm100 iżda li ma jaqbżux il-Lm200 bħala ħlas fis-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' kirjiet u ċnus li jirċievi l-ħlas tagħhom id-Dipartiment ta' l-Artijiet minn għand il-pubbliku in ġenerali li huma l' fuq minn Lm100, iżda li ma jaqbżux il-Lm200 fis-sena hu ta' 2,239.
Dan in-numru jinkludi kirjiet u ċnus dwar flats, djar u plots li jiġu allokati mid-Dipartiment tas-Social Housing u l-Awtorita' tad-Djar.
14.01.99
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm kirjiet u ċnus mogħtija mil-Lands Department lill-pubbliku in ġenerali ta' fortizzi u partijiet minn fortizzi u jippreżenta elenku ta' l-imsemmija bid-data ta' meta dawn bdew u meta jispiċċaw?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' kirjiet u ċnus ta' fortizzi u partijiet minn fortizzi mogħtija mid-Dipartiment ta' l-Artijiet hu ta' (22) tnejn u għoxrin. Id-dettalji mitluba mill-Onor. Interpellant huma kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
14.01.99
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx ippjanat mid-dipartiment li jsir tibdil ta' katusi tad-drenaġġ ġewwa l-Fgura, Zabbar u Xgħajra tul is-sena 1999?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li hemm ħsieb li jinbidlu l-katusi fi Triq in-Nissieġ, Żabbar u ħdejn Cottoner Avenue, l-Fgura.
Barra minn hekk, qed isir 'adjudication' ta' tender għall-master plan design fuq is-sistema tad-drenaġġ tas-South, fejn ix-xogħol ta' infrastruttura propja jibda fi żmien tlett snin.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hemmx maħsub li l-għassa tal-pulizija ġewwa l-Fgura tiġi mkabbra għall-ħtiġijiet u esiġenzi preżenti tal-post, li kull sena jibqa' jikber?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi għalissa għad m'hemmx dan il-ħsieb.
11.12.98(pm)
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta hi l-aħħar darba li saritilha manutenzjoni l-għassa tal-pulziija ġewwa r-raħal ta' Wied il-Għajn u jekk kemm-il darba hemmx il-ħsieb li din tiġi ċeduta għal skopijiet kulturali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ilu ħafna ma' jsir mauntenzjoni f'din l-Għassa prinċiparjament minħabba l-fatt illi kien hemm il-ħsieb illi l-Għassa tal-Pulizija kienet se tkun inkorporata fil-bini taċ-Ċentru Ċiviku li kellu jinbena. Jiena nfurmat ukoll li hemm il-ħsieb illi parti minn dan il-bini jibda jintuża mill-Girl Guides tal-lokal.
11.12.98(pm)
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm kirjiet u ċnus mogħtija mil-Lands Department lill-pubbliku in ġenerali li ma jaqbżux il-Lm100 bħala kera fis-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' kirjiet u ċnus mogħtija mid-Dipartiment ta' l-Artijiet lill-pubbliku in ġenerali u li l-kera/ċens tagħhom hija Lm100 jew anqas huwa ta' 16,613.
11.12.98(pm)
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hemmx il-ħsieb li peress li s-sena li ġejja jaħbat l-anniversarju mill-mewt ta' l-artist Mattia Preti, issir esibizzjoni speċjali tal-pitturi li għandu f'idejh l-Istat?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif qal tajjeb l-Onor. Kollega, is-sena li ġejja jaħbat it-tielet ċentinarju mill-mewt ta' Mattia Preti, il-pittur kbir tal-Barokk li ta kontribuzzjoni verament straordinarja lill-wirt kulturali Malti, b'mod partikolari fil-kamp ta' l-arti.
Bħal reġjuni oħra fejn Mattia Preti kien attiv, Malta wkoll, permezz ta' inizjattivi tad-Dipartiment tal-Mużewijiet, ħejjiet programm kommemorattiv għal dan l-avveniment.
Fost l-inizjattivi li ttieħdu s'issa, wieħed jista' jsemmi s-sett ta' erba' Telecards li ħarġet il-Maltacom, li jirriproduċu pitturi magħrufa ta' Preti. Reċentament Maltapost Ltd ħarġet ukoll sett t'erba' bolli b'xogħlijiet ta' l-istess artist, waqt li l-Air Malta ipprerparat kalendarju għal 1999 bil-pitturi ta' Preti li qegħdin fil-Mużew ta' l-Arti.
Bejn 23 ta' Diċembru 1998 u 15 ta' Frar 1999 il-Mużew ta' l-Arti se jorganizza żewġ wirjiet importanti - waħda tikkonsisti f'disinji oriġinali ta' Preti - xi wħud minnhom mislufin minn Mużewijiet barranin - u l-oħra ta' artisti kontemporanji li se jkunu mistiedna jinterpretaw l-ispirtu tax-xogħol ta' Mattia Preti.
Fis-7 ta' Jannar hu maħsub li ssir ċerimonja reliġjuża kommemorattiva fl-Oratorju ta' San Ġwann, il-Knisja li Preti ttrasforma f'wieħed mill-aqwa monumenti ta' l-arti Barokka u fejn Preti nnifsu jinsab midfun.
Qed isiru wkoll preparazzjonijiet biex wirja ta' pitturi ta' Mattia Preti imħejjija mill-Museo Civico di Taverna tinġieb pajjiżna f'April u Mejju 1999. Din il-wirja intitolata 'Il Giovane Mattia Preti' tikkonsisti f'xogħlijiet li dan l-artist ipproduċa qabel ma wasal Malta u, għalhekk, tikkomplimenta sew ix-xogħlijiet tiegħu diġa' familjari għalina hawn Malta. Mhux eskluż li ssir wirja oħra b'xogħlijiet ta' Preti. Fil-Budget tad-Dipartiment tal-Mużewijiet għas-sena 1999 hemm ivvotata s-somma Lm15,000 biex ikopru l-ispejjeż konnessi ma' dawn l-attivitajiet.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra f'liema stadju ta' restawr wasal il-Palazz ta' l-Inkwiżitur ġewwa l-Birgu u jekk tul is-sena d-dieħla huwiex se jkun lest il-proġett kollu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol ta' restawr fil-Palazz ta' l-Inkwiżitur miexi skond ir-riżorsi disponibbli. Bħalissa qed jinbarxu l-ħitan minn qoxra ħoxna ta' tibjid antik. Qed jitneħħa terrapien mirdum f'ċerti kmamar u qed ikun mibdul jew restawrat ġebel u ċangatura, jinfetħu bibien u twieqi li kienu mblukkati u qed jinbnew faċilitajiet sanitarji ġodda għall-viżitaturi.
Matul l-1998 tlesta l-laboratorju u depożitu għall-kollezzjoni tal-ħwejjeġ.
Hu maħsub li x-xogħol strutturali jitkompla matul l-1999. Il-proġett mhux ser ikun lest is-sena d-dieħla.
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma lil din il-Kamra li l-uffiċċji preżentement okkupati mill-Avukat Ġenerali huma żgħar wisq u hemm bżonn li jinsab post alternattiv fejn ikun hemm l-uffiċċju sħiħ miġbur bil-possibbilta' ta' żieda ta' avukati u mpjegati oħra?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nikkonferma dak li jgħid l-Onorevoli Interpellant fil-
mistoqsija tiegħu. Ninsab infurmat li l-post fejn għandu
jsir l-uffiċċju l-ġdid diġa ġie individwat u l-pjanti huma
lesti u ħarġu l-permessi neċessarji. Din is-sena ġiet
ivvotata somma żgħira biex biha jkompli jsir ix-xogħol
preliminari u hu ttamat li x-xogħol propja jinbeda fis-sena
2000.
Jista' l-Ministru jgħid u jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba sarx studju tal-ħsara lill-Fortizza Della Grazzja ġewwa x-Xgħajra għandha u x'hemm bżonn biex tiġi rranġata? Hemm il-ħsieb fil-futur viċin li fil-partijiet li huma tajba jsir fihom espożizzjonijiet ta' l-arti jew oġġetti marbuta ma' l-istorja militari tal-post?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli, inwieġeb f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid u jinforma lill-Kamra bil-pożizzjoni li tinsab fiha l-iskola tal-Junior Lyceum Verdala, xi ħsara jew traskuraġni kien hemm u jekk kien hemm, x'passi qed jittieħdu għal dan in-nuqqas?
Response (GALEA, LOUIS)
Tlabt lis-Segretarju Permanenti jirraporta dwar il-kawżi tad-diffikultajiet li din l-iskola qed taffaċċja.
Ta' min jgħid li l-proġett ta' l-iżvilupp u r-riabilitazzjoni ta' din l-iskola fuq skala kbira qed jitkompla. Diġa' sar id-development brief mill-konsulenti tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni wara survey li kienet saret fuq il-bini ta' l-iskola kollha. Kien hemm konsultazzjoni dwar dan il-brief ma' l-istaff ta' l-iskola. Dan il-proġett qed jingħata l-priorita' li tistħoqlu.
Jista' l-Prim Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba jistax jiġi kkonsidrat li l-ħlasijiet ġewwa r-reġistri superjuri u inferjuri ġewwa l-Qrati ta' Malta jsiru permezz ta' l-użu tal-credit cards li qed jiġu wżati mill-poplu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-Awtoritajiet tal-Qorti huma lesti li
jikkunsidraw l-effiċjenza fil-ġbir tal-multi. Iżda l-użu
tal-credit cards għall-pagamenti ta' ħlasijiet allokati
lill-Gvern trid l-ewwel tiġi studjata sew mill-Ministru tal-
Finanzi qabel tkun tista tiġi applikata.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 966, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il-darba l-wirja tal-kostumi Maltin li ġiet mtella' tant tajjeb mill-Fond Patrimonju Malti hijiex se tiġi kkonsidrata biex tiġi mtella' fuq bażi permanenti ġewwa l-Auberge d'Angleterre fil-Birgu billi jista' jkun li l-ispejjeż involuti għal dan m'humiex impossibbli?
Response (GALEA, LOUIS)
Iva qed nikkondraw fejn nistgħu npoġġu l-wirja permanentement f'xi post.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 555, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk huwiex previst li fil-futur qarib isir it-tindif tal-partijiet prinċipali interni u esterni tal-Knisja tal-Madonna tas-Sokkors ġewwa Bormla u tal-Mina ta' Santa Liena li kienet ġiet restawrata sew minn Gvern Nazzjonalista preċedenti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant qed ikun ikkunsidrat.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra meta l-aħħar li sar manutenzjoni fuq il-Berġa tax-Xgħajra u jekk kemm-il darba jiġix ikkonsidrat li tiżdied il-frekwenza ta' ftuħ u ta' servizzi billi hemm parti sostanzjali tal-popolazzjoni ta' l-imsemmi raħal li qed tavvanza fl-eta' u ssibha diffiċli biex tmur post ieħor?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-aħħar manutenzjoni li saret fuq il-Berġa tax-Xgħajra kienet fil-bidu tal-1998, meta saret tiswija tal-bieb ta' barra.
Manutenzjonijiet isiru skond kif jintalab.
Bħalissa skond ir-riżorsi li għandna u l-prijoritajiet tad-Dipartiment, ma hemmx ħsieb li tiżdied il-frekwenza fil-ftuħ u s-servizzi f'din il-Berġa.