Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm u hemm preżentement impjegati ġewwa d-Dipartiment ta' l-Informazzjoni (DOI) tul dawn l-aħħar ħames snin u jista' jindika jekk minnhom kienx hemm min kien bi grad universitarju?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra f'liema stadju waslet il-Kappella tal-Konservatorju ġewwa Bormla u cioe' jekk kemm-il darba hijiex se tinfetaħ kif stabilit jew inqalgħax xi dewmien imprevist?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ix-xogħol fil-kappella tal-Konservatorju ġewwa Bormla huwa fi stat avvanzat u hemm il-ħsieb li din tkun lesta fi żmien sitt ġimgħat oħra.
8.2.99
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra f'liema stadju wasal il-ftuħ ta' l-hekk imsejjaħ Job Centre f'Bormla, proġett ta' Gvern Nazzjonalista, u ċioe' jekk kemm-il darba hux se jinfetaħ kif stabilit jew inqalgħax x'intopp imprevist?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Wara li saret sejħa pubblika għall-tenders sabiex jiġi re-furbished il-post, il-kuntrattur li ġie assenjat lilu l-proġett beda x-xogħol minnufih.
Sakemm ma jinqalgħux xi ntoppi imprevvisti ir-Regional Job Centre ta' Bormla għandu jibda jiffunzjona fil-bidu ta' April ta' din is-sena.
8.2.99
Jista' l-Ministru jgħid u jinforma lill-Kamra jekk sarx studju jew rapport rigward l-possibbilta' tal-ftuħ taċ-Ċimiterju tal-Lhud ġewwa l-Kalkara għal pubbliku?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ċ-Ċimiterju tal-Kalkara huwa monument storiku tas-seklu tmintax u li llum m'għadux jintuża bħala post tad-dfin.
Għaldaqstant m'hemm ebda oġġezzjoni għal-ftuħ ta' dan is-sit għall-pubbliku sakemm in-natura sensittiva ta' dan il-post tiġi rispettata. Id-Dipartiment tal-Mużewijiet m'għandu ebda studju speċifiku rigward il-ftuħ ta' dan is-sit għall-pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid u jinforma lill-Kamra jekk sarx studju jew rapport rigward il-possibbilta' tal-ftuħ ta' l-hekk imsejjaħ Ċimiterju tat-Torok ġewwa l-Marsa għal pubblika?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ċ-Ċimiterju Iżlamiku ġewwa l-Marsa (magħruf bħala ċ-Ċimiterju tat-Torok) huwa monument storiku tas-seklu dsatax u għadu qed jiġi użat attivament bħala post tad-dfin mill-komunita' Iżlamika ta' Malta.
Għaldaqstant mogħti l-parir li dan il-post m'huwiex addatat għall-ftuħ għall-pubbliku ġenerali.
Jista' l-Ministru jgħid u jinforma lill-Kamra jekk sarx studju jew rapport rigward il-possibbilta' tal-ftuħ taċ-Ċimiterju tal-Lhud ġewwa l-Marsa għal pubbliku?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li -Ċimiterju tal-Lhud ġewwa l-Marsa huwa monument storiku li nbena fis-Seklu dsatax. Dan iċ-Ċimiterju għadu qiegħed jintuża attivament bħala post ta' dfin mill-komunita' Ebrajka ta' Malta.
Għaldaqstant mogħti l-parir, li dan il-post m'huwiex addatat għall-ftuħ għall-pubbliku ġenerali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru żviluppi fuq ir-rapport ippreżentat mill-mibki Perit Joseph Huntingford rigward l-istat ta' l-imtieħen ġewwa Malta u Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasallix, ser ikolli nwieġeb f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx possibbilta' li matul din is-sena l-problemi li l-ilma tax-xita qed jikkaġuna fit-Triq it-Turetta, Kalkara jiġu studjati u solvuti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq sabiex jinvestiga il-problema biex ikun determinat x`hemm bżonn isir.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk tistax tiġi eżaminata u studjata l-possibbilta' li l-parti tat-triq li qegħda f'Wied Għammieq, Kalkara tiġi bit-tarmac billi x-xogħol li sar f'Awissu li għadda jidher li sar mgħaġġel u din il-parti tħalliet barra?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol mill-Onor. Interpellant ser isir skond il-prijoritajiet tax-xogħol tad-Dipartiment wara li jiġi assigurat li s-servizzi fil-post huma permanenti.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk huwiex possibbli li l-librerija ġewwa l-Auberge d'Angleterre, il-Birgu, tkun miftuha sas-7.00 p.m. matul il-ġimgħa u s-Sibt filgħodu sabiex tippermetti lil min jaħdem li jkun jista' jissellef kotba billi din tagħlaq mal-5.00 p.m.?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ħinijiet li qed tiftaħ il-Librerija tal-Birgu mit-Tnejn sal-Ġimgħa, għalissa jidher li huma suffiċjenti. Dan hu bażat fuq l-ammont ta' self ta' kotba li jsir minn din il-librerija. Wieħed irid jinnota li l-ħinijiet ta' din il-librerija reġjonali huwa l-istess bħal-libreriji reġjonali l-oħra.
Qed isir arranġament biex il-librerija tal-Birġu tibda tiftaħ is-Sibt fil-għodu wkoll biex dawk il-persuni li jkunu jixtiequ jagħmlu użu minnha u ma jkunux jistgħu fil-jiem l-oħra minħabba xogħol, skola eċċ. ikunu jistgħu jinqed is-Sibt.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li fi żmien qasir jieħu ħsieb li jiġi nstallati l-bozoz neċessarji għad-dawl ġewwa Triq Ġdida fi Triq il-Fortizza, Xgħajra u fl-istess Triq il-Fortizza, Xgħajra billi hemm numru ta' residenti li qed ibatu minħabba dan in-nuqqas?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
In vista tar-risposta numru 3292, jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra jekk jikkonsidrax t-twaqqif ta' kumitat ad hoc li permezz tiegħu l-ewwel issir ir-riċerka kollha neċessarja biex tinġabar l-informazzjoni mitluba billi din tieħu numru sew ta' snin lura, u li t-tieni jagħmel suġġerimenti u proposti għal kif dan l-materjal jista' jiġi wżat b'vantaġġ akbar lil poplu Malti u Għawdxi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-eżerċizzju li qiegħed jissuġġerixxi l-Onor Membru jitlob
żmien twil ta' riċerka u jista' jkun li l-ġbir ta'
informazzjoni li tmur lura ħamsin sena jammonta għal
spejjeż sostanzjali. Madankollu, din il-proposta qed tiġi
studjata.
Jista' l-Ministru jgħid u jinforma lill-Kamra jekk ġewwa l-Auberge d'Angleterre fil-Birgu hemmx numru ta' kotba li m'humiex in espożizzjoni għax għad ma marx impjegat tal-libreriji sabiex jikkatagolahom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ġewwa l-Librerija tal-Birgu bħalissa m'hemmx kotba li m'humiex in espożizzjoni minħabba katalogar. Dan ix-xogħol isir fil-Librerija Ċentrali tal-Floriana minħabba raġunijiet ta' uniformita' li jitlob il-Katalogar.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm libreriji pubbliċi ġewwa Malta u Għawdex u jekk hemmx ħsieb li jinfetħu oħrajn speċjalment f'postijiet ġodda bħal, per eżempju, Pembroke?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li taħt ir-responsabbilta' tad-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji Nazzjonali insibu dawn il-libreriji pubbliċi:-
a) Il-Librerija Pubblika Ċentrali tal-Floriana u l-Gozo
Lending Library ta' Victoria Għawdex.
b) Sitt (6) Libreriji Reġjonali li huma dawk tal-Mosta,
Paola, Qormi, Rabat, Vittoriosa u Luqa.
c) Tliet (3) Libreriji fl-isptarijiet Żammit Clapp,
St Vincent de Paule u l-Isptar Ġenerali t'Għawdex.
d) Ħamsin (50) Libreriji Fergħat f'ħamsin lokalita',
differenti imxerrdin ma' Malta u Għawdex.
Huwa l-ħsieb tad-Dipartiment li fil-ġejjieni jestendi dan is-servizz f'lokalitajiet oħra li żviluppaw fl-aħħar snin, biex il-poplu kollu Malti u Għawdxi jkollu aċċess għas-servizz mogħti. Żgur li l-inħawi ta' Pembroke jibbenefikaw minn din l-espansjoni.
Qed isiru wkoll diskussjonijiet mad-Dipartiment responsabbli mill-Kunsilli Lokali dwar tmexxija aktar effettiva ta' diversi libreriji lokali.
Jista' l-Ministru jgħid u jinforma lill-Kamra jekk sarx studju jew rapport min-naħa tal-kultura rigward l-ispejjeż involuti fir-restawr tal-Knisja tas-Salvatur ġewwa l-Kalkara?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif meħtieġ għadu ma wasallix, ser ikolli nagħti tweġiba f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġew imħawwlin siġar matul dawn l-aħħar ħames snin mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura? Jikkunsidra l-Ministru li jitwaqqaf kumitat ad hoc sabiex jirrapporta u jistudja fuq il-pjanijiet futuri f'dan l-iskop?
Response (ZAMMIT, NINU)
Is-siġar li tħawwlu f'Malta minn 1994 sa 1998 kienu hekk:
Sena Numru ta' Siġar
1994 15,467
1995 14,295
1996 12,247
1997 8,969
1998 6,402
In-numru ta' arbuxxelli u pjanti li ġew imħawwla matul l-istess perjodu kien minn sitta sa tmien darbiet aktar. Is-suġġeriment tal-Onor. Interpellant qed jiġi kkonsidrat.
Jista' l-Ministru jikkunsidra li jiżdiedu n-numru ta' mpjegati ġewwa d-Dipartiment ta' l-Agrikoltura ħalli jieħdu ħsieb il-bżonnijiet normali tat-Tieni Distrett, billi jidher li ma jistgħux ilaħħqu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-parti l-kbira tal-Kunsilli Lokali fit-Tieni Distrett m'għandhomx kuntratt mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura. L-arterji prinċipali li għalihom hu responsabbli d-Dipartiment huma mantnuti b'numru adegwati ta' ħaddiema.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm bdiewa fulltime u part-time reġistrati li joqogħdu fit-Tieni Distrett elettorali? Jista' jagħti din l-informazzjoni post post?
Response (ZAMMIT, NINU)
Skond iċ-ċensiment ta' 1991 in-numru ta' bdiewa full-time u part-time fit-tieni distrett kien hekk:
Belt/Raħal Full-Time Part-Time
Cospicua 0 18
Vittoriosa 3 3
Senglea 0 1
Kalkara 2 53
Fgura 11 73
Xgħajra/Żabbar 59 439
Il-figuri ta' Ħaż-Żabbar u x-Xgħajra jinkludu wkoll il-parti ta' Ħaż-Żabbar li hi eskluża mit-tieni distrett.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm sajjieda fulltime u part-time reġistrati li joqogħdu fit-Tieni Distrett elettorali? Jista' jagħti l-informazzjoni post post?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Istatistika tad-Distretti li jżomm id-Dipartiment tas-Sajd imqassma skond il-Portijiet.
Inkun f'posizzjoni li nagħti l-informazzjoni mitluba aktar il-quddiem meta r-reġistrazzjoni tiġi strutturata skond il-lokalitajiet.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm, u kemm hemm impjegati jaħdmu u f'liema gradi, ġewwa l-Biblijoteka Nazzjonali l-Belt fi Pjazza Reġina tul is-snin 1995, 1996, 1997 u 1998?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-31 ta' Diċembru tas-snin 1995, 1996, 1997 u 1998 ġewwa l-Biblioteka Nazzjonali, fi Pjazza Reġina, l-Belt, kien hemm dawn l-impjegati:
1995 - 39 ħaddiem
1996 - 38 ħaddiem
1997 - 31 ħaddiem
1998 - 34 ħaddiem
Dawn il-ħaddiema kienu mqassmin f'dawn il-gradi:
GRAD 1995 1996 1997 1998
Director 1 1 - 1
Administrative Officer 1 1 1 1
Assistant Librarian - 2 2 2
Research Officer 3 - - -
Library Officer - - - 1
Library Assistant 1 3 4 3
Casual Library Officer 1 1 1 1
Library Attendant 2 2 1 2
Bookbinder 3 3 3 3
Photographer 3 3 3 3
Principal 1 1 1 1
Executive Officer 1 1 1 1
Clerk 2 4 3 6
Teacher 2 1 1 -
Senior Messenger 1 1 - -
Senior Tradesman - 1 1 1
Messenger 4 3 3 3
Assistant Technical Officer 2 2 1 1
Senior Operative 1 1 1 1
Stone Carrier 1 1 1 1
General Hand 3 2 1 1
Group 'C' 1 - - -
Postman 1 1 - -
Security Officer 1 1 1 -
AWTS Scheme 'A' 2 2 1 1
Technical Officer 1 - - -
Peress li l-informazzjoni mogħtija hija bbażata fuq il-jum partikulari tal-31 ta' Diċembru tas-snin imsemmija, wieħed għandu jqis li n-numru ta' ħaddiema u l-gradi mniżżla, setgħu varjaw bi ftit matul ix-xhur tas-snin in kwestjoni minħabba ċaqlieq, irtirar u ingaġġ ta' ħaddiema li jseħħ matul tnax-il xahar.