Jista' l-Ministru jassigura li s-soċjeta' Maltacom plc tieħu ħsieb tinstalla s-servizz tal-FAX għal użu tal-pubbliku ġenerali fit-tip ta' strutturi magħrufa bħala "coin boxes", speċjalment fl-Airport, fis-Seaport u postijiet strateġiċi oħra, billi dan qed ikun kaġun ta' problemi għal ċerti vjaġġaturi barranin li jiġu f'pajjiżna?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet dwar il-possibilta' li s-servizz li qed jissuġġerixxi l-Onorevoli Interpellant jiġi ntrodott fil-ġejjieni. Jekk jirriżulta li dan is-servizz huwa vijabbli, jibda jingħata mill-fergħat ewlenin tal-kumpanija fejn ikun hemm id-domanda għalih.
Jista' l-Ministru jassigura li s-soċjeta' Maltacom plc tieħu ħsieb li tinstalla apparat tat-telephone pubbliku li jista' jiġi operat bl-użu ta' credit cards internazzjonali billi dan in-nuqqas qed ikun kaġun ta' problemi għal ċerti vjaġġaturi barranin li jiġu f'pajjiżna?
Jista' l-Ministru jassigura li s-soċjeta' Maltacom plc tieħu ħsieb tinstalla apparat neċessarju sabiex il-konsumatur ikun jista' jagħmel il-pagamenti neċessarji permezz ta' l-użu tal-credit cards u dan forsi jnaqqas is-serbut ta' nies li jkun hemm wara l-banek kull l-aħħar tax-xahar?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li kull abbonat jista' jħallas il-kont bil-'credit card' (jew 'debit card') tiegħu billi juża l-parti ta' taħt tal-kont li jintbagħtlu billi jimla d-dettalji tal-card (in-numru, meta tiskadi u l-isem tal-bank li ħareġ il-card) u jibgħat ir-remittance slip lill-Maltacom fis-self addressed envelope li l-Kumpanija tibgħat mal-kont u li għandu l-posta diġa mħallsa.
Barra minn hekk, abbonat jista' jħallas ukoll bil-credit card fl-uffiċċju ewlieni tal-Kumpanija fi Spencer Hill, il-Marsa.
Sadanittant qed isiru arranġamenti biex dan il-mod ta' ħlas ikun jista' jsir ukoll minn fergħat ewlenin tal-Kumpanija.
Minbarra fil-banek, il-klijenti tal-Maltacom jistgħu jħallsu l-kontijiet fil-fergħat kollha tal-Maltacom, fil-fergħat tal-Posta, jew b'ċekk maħruġ fuq Maltacom plc u mibgħut permezz ta' l-envelope li l-Kumpanija tibgħat mal-kont.
Jista' l-Ministru jara li l-Malta Drydocks jieħdu ħsieb li jiżbru u jnaddfu l-parti inizjali li hemm fil-kontroll tagħhom fi Triq Għajn Dwieli, inti u dieħel fil-Kottonera, billi l-istat li qiegħda fiha llum tagħti dehra ta' telqa ġenerali?
Response (BONNICI, JOSEF)
Is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie mgħoddi lill-awtoritajiet ta' l-azjenda.
Jista' l-Ministru jara li l-Malta Drydocks jieħdu ħsieb li jneħħu l-kwantita' kbira ta' corrugated iron li hemm imwaħħla fuq wara ma' l-imħażen ta' No. I Dock u li jisporgu ġewwa Triq San Pawl, Bormla, billi jkerrħu l-ambjent?
Response (BONNICI, JOSEF)
Is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie mgħoddi lill-awtoritajiet ta' l-azjenda.
In vista ta' l-aħħar domanda parlamentari magħmula, jista' l-Ministru jieħu ħsieb u jassigura ruħu li l-hekk imsejjah "south gate" ġewwa Dock No. I fi Pjazza Gavinu Gulia tinżamm miftuħa, speċjalment waqt li tkun qed tagħmel ix-xita u dan għax jekk jibqa' magħluq kif inhu bl-inqas xita jegħrqu d-djar ta' Triq Bormla Wharf, Bormla?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-hekk imsejjħa 'south gate' fil-Baċir numru 1 fi Pjazza Gavino Gulia trid tinżamm magħluqa għal raġunijeit ta' sigurta. Madankollu għar-raġuni msemmija fil-mistoqsija, il-bieb sarulu xi alterazzjonijiet u l-parti t'isfel tiegħu tkun tista' tinfetaħ mill-uffiċjali tas-sigurta' tat-Tarzna meta tagħmel ħafna xita.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra x'faċilitajiet postali hemm fil-fatt illum u x'pjani hemm sabiex l-faċilitajiet postali ġewwa l-belt tal-Birgu jiżdiedu billi bil-proġett tal-Kottonera t-talba għal tali servizz jistgħu jkunu superjuri għal dawk attwali?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ir-residenti u l-istabbilimenti ġewwa Bormla, l-Isla, il-Birgu u l-Kalkara huma moqdija f'dawk li huma servizzi postali permezz ta' fergħa tal-Posta f'Bormla u Sub-Uffiċċju tal-Posta fil-Kalkara.
Għalissa ma hemm ebda pjani biex dawn il-faċilitajiet jiżdiedu. Jekk tinħass il-ħtieġa ta' dan minħabba l-proġett tal-Kottonera, jittieħdu l-passi meħtieġa.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'faċilitajiet postali hemm fil-fatt illum u xi pjani hemm sabiex il-faċilitajiet postali ġewwa l-belt Sengleana jiżdiedu billi bil-proġett tal-Kottonera t-talba għal tali servizzi jistgħu jkunu superjuri għal dawk attwali?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija numru 8637.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hemmx il-ħsieb li l-prattika li jkun hemm erbarju li jikkultiva l-ħwawar hijiex se tiġi msaħħa u jistax jingħad kemm minn dawn illum jeżistu u f'liema ġonna?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-erbarju li kien f'idejn id-Dipartiment fl-Argotti ngħata lura lill-Universita, biss fl-imxietel tad-Dipartiment qegħdin jitkabbru madwar sitt varjeta ta' ħwawar li huma preżenti f'bosta ġonna u toroq, imma m'hemmx inventarju fuq dan.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm xitel tat-tip magħrufa bħala (1) erbabjanka; (2) erbabjanka rumana; (3) erbabjanka taż-żejt, ġewx imwaħħla tul is-snin 1995, 1996, 1997 u 1998 u kemm hemm maħsub li jkun hemm din is-sena kurrenti?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istatistika li nżammet għas-snin imsemmija fil-mistoqsija, ma kienetx tiddistingwi bejn il-varjetatjiet ta' arbuxelli u pjanti, biss il-varjetajiet msemmija tal-erbabjanka m'għadhomx jitnisslu għal-landscaping ta' toroq jew ġonna.
In vista tal-mistoqsija parlamentari numru 3685, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra f'liema belt jew raħal l-aktar li tħawwlu jew inżergħu siġar matul is-snin 1996, 1997 u 1998 f'Għawdex?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija l-Ministru kkonċernat.
In vista tal-mistoqsija parlamentari numru 3685, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra f'liema belt jew raħal l-aktar li tħawwlu jew inżergħu siġar matul is-snin 1996, 1997 u 1998 f'Malta?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istatistika li nżammet għas-snin msemmija fil-mistoqsija ma tiddistingwix partikolarment bejn bliet u rħula, għax din inżammet biss fuq setturi speċifiċi tad-Dipartiment.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm siġar tal-ħarrub tħawwlu matul is-snin 1994, 1995, 1996, 1997 u 1998 f'Malta u f'Għawdex?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istatistika li nżammet għas-snin msemmija fil-mistoqsija kienet tinkludi biss statistiċi globali tas-siġar, u din ma kienetx speċifika għal kull siġra. Għalhekk m'hemmx informazzjoni partikolari fuq il-ħarrub f' Malta. Għal dik fuq Għawdex int ġentilment mitlub tirrivolġi lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm siġar endemiċi u ta' liema tip tħawwlu jew inżergħu skond il-każ matul is-snin 1994, 1995, 1996, 1997 u 1998 fit-tieni distrett elettorali?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istatistika li nżammet għas-snin imsemmija fil-mistoqsijiet ma kienetx tiddistingwi bejn siġar endemiċi u għandha biss totali tas-siġar kollha.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm saru talbiet għar-riċerki testamentarji mir-Reġistru Pubbliku mill-1 ta' Jannar, 1996 sa l-aħħar ta' Mejju 1999 sena b'sena u x'kien id-dħul tal-gvern mill-istess talbiet għar-riċerki?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar riċerki testamentarji mir-Reġistru Pubbliku, sena b'sena, bejn Jannar 1996 u l-31 ta' Mejju, 1999, hu kif ġej : -
Malta Għawdex
----- -------
Sena Numru ta' Dħul Numru ta' Dħul
riċerki riċerki
1996 3,239 Lm4,858.0 16 Lm24
1997 3,439 Lm5,158.50 17 Lm25.50
1998 3,289 Lm8,222.50 5 Lm12.50
1999 * 1,652 Lm4,130.50 xejn xejn
* Sal-31 ta Mejju
Jista' l-Ministru jassigura ruħu l-hekk imsejjaħ south gate ġewwa Dock No. 1 fi Pjazza Gavinu Gulija tinżamm miftuħa speċjalment waqt li tkun qed tagħmel ix-xita u dan għax jekk tibqa' magħluqa kif inhija bl-inqas xita jegħrqu d-djar tat-Triq Bormla Wharf, Bormla?
Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra x'tip ta' xogħol huwa previst li jsir ġewwa l-uffiċini tal-livell tal-pjan terran ġewwa l-Auberge de Castille li fihom se jsir l-użu ta' l-hekk imsejjaħ "gypsum"?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
F'dawn l-aħħar snin sar xogħol estensiv biex jiġu riabilitati l-uffiċini tal-livell tal-pjan terran ġewwa l-Berga ta' Kastilja. L-għan ewlieni kien li l-ispazju jiġi utiliżżat bl-aktar mod effiċjenti waqt li tiġi restawrata l-istruttura oriġinali tal-bini.
Ix-xogħol preżenti jikkonsisti fl-aħħar fażi ta' dan il-progett. Huwa maħsub li l-uffiċini msemmija jiġu attrezzati b'mod identiku għal dak użat għall-bqija tal-proġett sabiex tiġi assigurata l-uniformita fit-terran intier.
Għaldaqstant huwa previst li l-metodu ta' kisi tal-ħitan ġewwa l-uffiċini għandu jitkompla bil-gypsum.
B'riferenza għad-domanda parlamentari numru 4059, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx rapport fuq l-istat ta' l-hekk imsejħa Lower St Elmo u jekk ittieħdux passi biex il-post ikun jista' jinfetaħ għall-pubbliku?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ma sar ebda rapport reċenti dwar l-istat ta' l-hekk imsejjaħ Lower St. Elmo. B'danakollu huwa magħruf minn kulħadd li l-post huwa fi bżonn kbir ta' restawr. Dan ma jistax jibda qabel ma ttieħed deċiżjoni dwar l-użu futur tiegħu.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kotba bil-lingwa Ġermaniża nxtraw tul dawn l-aħħar ħames snin għal-libreriji pubbliċi u kemm minn dawn intbagħtu lil-librerija reġjonali ta' l-Auberge d'Angleterre fil-Birgu?
Response (GALEA, LOUIS)
Matul l-aħħar ħames snin inxtraw 460 ktieb bl-ilsien Ġermaniż għall-libreriji pubbliċi. Minn dawn, 20 ktieb intbagħtu fil-librerija reġjonali ta' l-Auberge D'Angleterre fil-Birgu.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx il-ħsieb li fil-futur viċin l-arloġġ installat mill-Awtorita' tat-Trasport f'Gavinu Gulija, Bormla, jiġi aġġornat u jibda jindika l-ħin tajjeb tal-ġurnata billi ilu wieqaf żmien?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li meta dan l-aħħar tqiegħed `cable` ġdid tad-dawl fl-inħawi, inqatgħet il-provvista ta` l-elettriku għall-arloġġ. Għalkemm kienu bdew jittieħdu l-passi biex il-ħsara tissewwa, il-Kunsill Lokali ta` Bormla dan l-aħħar wera x-xewqa li l-arloġġ jiċċaqlaq minn postu, iżda għadu ma indikax sit alternattiv.