Dipartiment ta' l-Artijiet — Mellieħa - siti ta' natura storika
Question
In vista ta' l-aħħar domanda parlamentari fuq dan is-suġġett, jista' l-Ministru issa jinforma lill-Kamra kemm hemm siti fir-raħal tal-Mellieħa ta' natura storika li qegħdin f'idejn jew il-Lands Department jew il-Joint Office li huma jew mogħtija għal kirjiet u ċnus jew huma f'idejn l-imsemmija dipartimenti?
Dipartiment ta' l-Artijiet — Imġarr - Siti ta' natura storika
Question
Fid-dawl apparenti ta' l-aħħar domanda parlamentari fuq is-suġġett, jista' l-Ministru issa jinforma lill-Kamra kemm hemm siti fir-raħal ta' l-Imġarr, Malta, ta' natura storika li qegħdin f'idejn jew il-Lands Department jew il-Joint Office li huma jew mogħtija għal kirjiet u ċnus jew huma f'idejn l-imsemmija dipartimenti?
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm persuni ta' nazzjonalita' Russa ngħataw il-permess li joqogħdu Malta għal aktar minn tlett xhur fis-snin 1997, 1998 u sa l-aħħar ta' Ġunju 1999? Jista' jiġi speċifikat kemm hemm ta' sess femminili u kemm maskili?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar persuni ta' nazzjonalita` Russa li ngħataw il-permess li joqgħodu Malta għal aktar minn tlett xhur fil-perijodu speċifikat fil-Mistoqsija hu kif ġej : -
Sena Irġiel Nisa
---- ------ ----
1997 59 132
1998 55 162
1999 78 162
(sa Ġunju)
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4059 u wara l-aħħar domanda parlamentari, jista' l-Ministru jieħu s-suġġeriment li fil-post hekk imsejjaħ "Lower St Elmo" jsir post miftuh għall-pubbliku? Jista' jiġi nkarigat uffiċjali fi ħdan id-dipartiment sabiex jipprepara rapport fuq l-istat attwali tal-post, inkluża lista tal-persuni kollha li qed jokkupaw parti b'titolu legali u mingħajru?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li preżentament it-Taqsima tal-Proprjeta` tal-Gvern m'għandiex ir-riżorsi meħtieġa li jistgħu jiġu allokati biex jiġi attwat is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm arretrati ta' kirjiet u ċnus sa l-aħħar ta' Ġunju 1999 li għandu jieħu l-Lands Department? Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm kawżi jew atti eżekuttivi pendenti u fuq liema ammonti sabiex dawn jiġu rkuprati? Kemm minn dan l-ammont hemm ikkonsidrat bħala preskritt?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba s-suġġeriment tajjeb u għaqli li l-persuna li qiegħda tokkupa attwalment il-forti ta' Binġemma tiġi maħtura kuratur, jiġi mwettaq u dan biex wieħed ikun jista' jibda jiftaħha għall-pubbliku?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li peress li l-Fortizza ta' Binġemma hija r-residenza ordinarja tal-persuna li qed tokkupha diġa` saru diversi kuntatti bejn id-Dipartiment ta ' l-Artijiet u dak ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali biex jintlaħaq l-iskop li rrefera għalih l-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra għal-liema raġuni l-aħħar attivita' ta' l-NTOM, fejn fost l-oħrajn kellha ssir espożizzjoni ta' kanuni ta' diversi manufatturi u epoki, ma saritx u jistax jiġi kkonfermat li dan in-nuqqas ta' ftuħ żamm lura l-proġett ta' l-istess organizzazzjoni li nefqet flus fuq materjal pubbliċitarju, b'telf u dannu għat-turiżmu in ġenerali?
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm u kien hemm impjegati mas-soċjeta' Medigrain limited fis-snin 1997 u 1998? Jista' jingħad fuq liema kriterji ntgħażlu erba' ħaddiema ex-impjegati tal-Marina Milling Grain Handling sabiex jaħdmu mal-Medigrain limited f'Settembru 1998? Jikkonsidra bħala ġusti l-proċeduri li bihom kienu magħżula dawn il-ħaddiema? Jista' jara jekk il-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, kenitx inġustament mħollija barra mill-għażla għall-mili ta' dawn l-erba' postijiet?
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm saru investigazzjonijiet mill-Pulizija in konnessjni ma' persuni ta' nazzjonalita' barranija li jinġiebu f'pajjiżna għal skopijiet li l-Kapitolu 63 tal-Liġijiet ta' Malta, u cioe' White Slave Traffic (Suppression) Ordinance, tipprova tikkontrolla?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa` kelli l-okkażżjoni ngħid fi Tweġiba preċedenti dwar dan is-suġġett, il-Pulizija qed twettaq ħidma sabiex ma jkunx hemm l-allegat abbuż. Żgur li l-Onorevoli Interpellant jifhem li din hija ħidma kontinwa u għaldaqstant ma tistax tiġi kwantifikata.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm persuni ta' nazzjonalita' Russa ġew Malta mill-bidu tas-sena sa l-aħħar ta' Ġunju 1999? Jista' jiġi speċifikat l-ewwel kemm kienu ta' sess femminili u maskili u kemm kien hemm familji?
Response (REFALO, MICHAEL)
It-tagħrif mitlub fl-ewwel parti tal-Mistoqsija sa Mejju 1999 huwa kif jidher hawn taħt:
'Tourist Arrivals' mill-Federazzjoni Russa
Xahar Total
Jannar 1999 421
Frar 1999 182
Marzu 1999 455
April 1999 1,067
Mejju 1999 1,321
Jannar-Mejju 3,446
Minħabba li statistika dwar l-għadd ta' turisti, maqsumin bejn irġiel u nisa, tinżamm mat-tluq tagħhom minn Malta, nista' ngħid li bejn Jannar u Marzu 1999 telqu b'kollox 960 persuna ta' nazzjonalita' Russa, 420 raġel u 540 mara. Ma tinżammx statistika dwar it-tagħrif mitlub fl-aħħar parti tat-tieni mistoqsija.
Dipartiment ta' l-Artijiet — Kirkop - Siti ta' natura storika
Question
In vista ta' l-aħħar domanda parlamentari fejn intalab aktar żmien għal tweġiba, jista' l-Ministru issa jinforma lill-Kamra kemm hemm siti fir-raħal ta' Ħal Kirkop ta' natura storika li qegħdin f'idejn jew il-Lands Department jew il-Joint Office li huma jew mogħtija għal kirjiet u ċnus jew huma f'idejn l-imsemmija dipartimenti?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 3540 f'Seduta 55 u 4343 f'Seduta 69 nitolbu jindikali l-proprjeta` jew proprjitajiet partikolari biex id-Dipartimenti konċernati jkunu jistgħu jiġbru l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jassigura li sia l-Enemalta u kemm il-Water Services Corporation jieħdu ħsieb jinstallaw l-apparat neċessarju sabiex il-konsumatur ikun jista' jagħmel il-pagamenti neċessarji permezz ta' l-użu tal-credit cards u dan forsi huwa wkoll inaqqas is-serbut ta' nies li jkun hemm wara l-banek kull l-aħħar tax-xahar?
Jista' l-Ministru jieħu ħsieb li bħalma sar ix-xogħol siewi ta' tisbiħ u manutenzjoni fil-ħajt li hemm wara l-Mina ta' Għajn Dwieli, inti u dieħel il-Kottonera, isir l-istess eżerċizzju fil-ħitan tal-parti ta' qabel u cioe' minn Raħal Ġdid sakemm tilħaq il-mina?
Jista' l-Ministru jieħu ħsieb li jsir it-tindif b'mod regolari tal-parti ta' art li hemm bejn il-Belt Sengleana u l-bieb ta' wara ta' No 1 Dock taħt it-triq li tagħti għax-xatt ta' din il-belt billi dan jinsab abbandunat u traskurat?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7285 (Seduta 110).
In vista ta' l-aħħar domanda parlamentari għar-rigward il-pompa tad-drenaġġ li hemm fir-raħal tax-Xgħajra fi Triq ix-Xatt, għalkemm wieħed jifrah li l-pompi huma ċertifikati tajba, jista' l-Ministru jassigura ruħu li l-ordni ta' prijorita' ġewwa d-dipartiment konċernat tiġi lura għal dak li tissejjaħ loġika u l-post imsemmi jiġi minnufih imsewwi billi dan huwa ta' periklu ambjentali għal dawk li jkunu għaddejjin minn hemm issa speċjalment li n-numru ta' nies jiżdied?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-post imsemmi reġa' ġie eżaminat u ma nstab xejn li jista' jkun ta' periklu għall-pubbliku.
Napprezza jekk l-Onorevoli Interpellant jindika aktar fid-dettal x'inhuma l-affarijiet li għandhom bżonn jiġu rranġati għax huma ta' periklu. Id-Dipartiment tad-Drenaġġ lest li jirranġa laqgħa fuq il-post ma' l-Onorevoli Interpellant biex jiġu vverifikati dawn il-problemi.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba l-imħażen li hemm biswit il-Maċina ġewwa l-belt Sengleana fuq in-naħa tax-xellug fuq ix-xatt ġewwa l-istess belt u mhux barra, humiex mogħtija b'titolu legali lil terzi u jekk iva, taħt liema titolu u kemm qed jitħallas fis-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-istores Nru. 1, 2, 3, 4, 5, fi Sheer Bastion, Triq il-Maċina l-Isla, kienu mikrija lill-Malta Labour Party fid-9 ta' Lulju 1981 għas-somma globali ta' Lm400 fis-sena. Ninsab infurmat ukoll li l-aħħar kera li tħallset kien f'Awissu 1997 u kienet tkopri sa Ġunju 1995.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hemmx il-ħsieb li fil-futur viċin parti mill-fortizza ta' Delimara tingħata lura lill-istat billi hemm kanuni uniċi fid-dinja u ta' min jesponihom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-fortizza ta' Delimara hija soġġetta għal-kirja.
Ninsab infurmat ukoll li qegħdin isiru tentattivi biex jintlaħaq xi forma ta' ftehim bonarju ma' l-inkwilini biex il-fortizza tkun tista` tinfetaħ għall-pubbliku.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba jikkonsidrax li fl-uffiċċji tal-posta kollha ta' Malta u Għawdex, speċjalment f'Bormla, ikun hemm ukoll is-servizz ta' makna tal-FAX u dan biex ikun hemm post ieħor barra l-Maltacom fejn dan jista' jiġi wżat b'aktar faċilita'?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Maltapost qed tikkunsidra l-possibilta li toffri lill-pubbliku s-servizz tal-makna tal-fax mill-fergħat tal-Posta.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba l-uffiċċju tal-Maltacom plc ġewwa Bormla għandux ukoll is-servizz ta' FAX għal użu ġenerali u jekk iva, jikkonsidrax li dawn jiżdiedu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li kull fergħa tal-Maltacom, inkluż dik ta' Bormla, toffri s-servizzi tal-fax lill-klijenti tagħha, kemm biex jirċievu kif ukoll biex jibagħtu. In-numru ta' faxes li jintbagħtu mill-fergħa ta' Bormla huwa żgħir ħafna u l-arranġamenti li hemm bħalissa huma biżżejjed.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm ħaddiema ġewwa l-uffiċċju tal-posta f'Raħal Ġdid u jistax dan l-ammont ikun akbar billi l-bżonnijiet attwali tar-residenti tal-Fgura li jkollhom imorru hemm qed jiżdiedu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fil-preżent hemm 30 ħaddiem fl-uffiċċju tal-Posta ta' Raħal Ġdid. Tajjeb jingħad li bħalissa l-kumpanija għaddejja minn ri-organizzazzjoni biex, fost affarijiet oħra, tiżdied l-effiċjenza fis-servizz postali.