Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #10945 Sitting 174 1999-11-04 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Xgħajra — Ħajt tas-sejjieħ

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hemmx il-possibbilta' li jsir studju sabiex ix-xatt tar-raħal tax-Xgħajra jinbnielu ħajt baxx tas-sejjieħ billi fuq iż-żewġ naħat ta' l-istess hemm biċċiet perikolużi ħafna għall-pubbliku?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Naqbel mas-suġġeriment siewi ta' l-Onorevoli Interpellant biex isir studju sabiex ix-xatt tax-Xgħajra jinbnielu ħajt tas-sejjieħ. Dan l-istudju se jsir mid-Dipartiment tal-Countryside and Country Parks.
Leg 9 PQ #10609 Sitting 164 1999-10-26 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Raħal Ġdid — Tindif

Question

Jista' l-Ministru in vista tad-domanda parlamentari numru 8646 jinforma lill-Kamra meta huwa previst li jibda xogħol ta' manutenzjoni fil-ħajt li hemm qabel il-mina ta' Għajn Dwieli inti u dieħel il-Kottonera u ċioe' minn Raħal Ġdid sakemm tilħaq il-mina billi dan qiegħed jagħti il-ħin kollu dehra tassew negattiva tal-post?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol imsemmi ser jibda fi żmien tliet ġimgħat.
Leg 9 PQ #10610 Sitting 164 1999-10-26 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Bormla — Triq Santa Tereża - Spralli

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra meta l-aħħar li sar it-tindif regolari u sħiħ ta' l-ispralli li jinsabu quddiem il-ħwienet fi Triq Santa Tereża f'Bormla billi m'hijiex l-ewwel darba li dawn ikunu misduda in vista tal-proġetti preżentament għaddejjin u l-ilmijiet li jinġabru jikkaġunaw ħsarat konsiderevoli? F'każ li dan għadu ma sarx kompletament, jista' jieħu nota sabiex dan ix-xogħol jiġi esegwit?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Peress li l-funzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Leg 9 PQ #10611 Sitting 164 1999-10-26 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mużewijiet/Bini storiċi — Żjajjar min studenti

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm studenti tal-primarja marru jżuru l-mużewijiet tagħna jew postijiet storiċi matul il-ħin ta' l-iskola bħala parti mit-tagħlim tagħhom? Jistgħu jiġu ndikati n-numru skond il-mużew jew post storiku?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti, mhux biss tal-primarja iżda l-istudenti kollha li żaru mużewijiet u postijiet storiċi minn Jannar sa Settembru 1999 huwa: MUŻEW STUDENTI Mużew ta' l-Arkeoloġija 1,095 Mużew ta' l-Arti 670 Mużew ta' l-Istorja Naturali 3,433 Mużew ta' l-Antikitajiet Rumani 2,380 Għar Dalam 1,543 It-Tempji ta' Ħaġar Qim 1,103 Il-Palazz ta' l-Inkwiżitur 1,591 Il-Mużew Marittimu 2,035 L-Armerija tal-Palazz 1,348 Il-Kmamar Statali u s-Sala ta' l-Arazzi fil-Palazz 1,049 Il-Katakombi ta' San Pawl 1,041 It-Tempji ta' Ħal Tarxien 1,778 Il-Mużew tal-Gwerra 1,702 Mużew ta' l-Arkeoloġija, Għawdex 837 Mużew tal-Folklor, Għawdex 1,240 Mużew tax-Xjenza Naturali, Għawdex 550 It-Tempji tal-Ġgantija, Għawdex 2,222 Il-Mitħna ta' Kola, Għawdex 1,495
Leg 9 PQ #10603 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Libreriji pubbliċi — Kotba bil-Franċiż

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm intnefqu flus sena b'sena f'kotba bil-lingwa Franċiża għal-libreriji pubbliċi tul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f'dawn l-aħħar ħames snin intefqet is-somma ta' Lm2215 f'kotba bl-ilsien Franċiż, mil-Librerija Pubblika. Din kienet maqsuma hekk: 1995 - Lm610 1996 - Lm550 1997 - Lm475 1998 - Lm310 1999 - Lm270
Leg 9 PQ #10604 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Librerija Pubblika — Self ta' kotba

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġew mislufa kotba mil-librerija pubblika tal-Furjana tul is-sena 1998?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul l-1998, ġew mislufa 262,461 ktieb mil-Librerija Pubblika tal-Furjana.
Leg 9 PQ #10605 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Librerija Pubblika

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hemmx il-ħsieb li l-librerija pubblika tal-Furjana tiġi mċaqilqa għal post akbar u aktar aċċessibbli?

Response (GALEA, LOUIS)

Ġejt mogħti l-parir li ma tkunx xi ħaġa ideali li l-Librerija Pubblika tiċċaqlaq minn fejn hi wara li sar tant attrezzar u immodernizzar fuq l-istess bini sabiex il-pubbliku jinqeda aħjar. Infatti informat li f'dawnl-aħħar ħames snin sar ħafna titjib kif se nispjega hawn taħt: a) xogħol estensiv fl-infrastruttura, fejn fost l-oħrajn inbena blokk ieħor ġdid li qed jakkomoda numru ta' servizzi u oqsma. b) sar aċċess tajjeb għal kulħadd permezz ta' rampi u "railings" ġodda. c) ġew installati l-lifts d) sar tqassim aħjar tal-kmamar fil-blokk amministrattiv e) saru l-"parking bays" b'postijiet riservati għal persuni bi bżonnijiet speċjali. f) upgrading ta' faċilitajiet sanitarji g) xogħol ta' tibjid u soffitti. Ma' dawn ta' min iżid li fil-preżent hemm diskussjonijiet għaddejin sabiex: a) ir-rotta 98 tibda tgħaddi minn quddiem il-Librerija Pubblika b) tikber il-parking area eżistenti.
Leg 9 PQ #10606 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm impjegati fl-Awtorita' ta' l-Ippjanar li għandhom il-pożizzjoni ta' desk officers minn Marzu 1999 sa Settembru 1999 u jistax jingħad mingħajr ma jiġu msemmija ismijiet kemm dawn kellhom applikazzjonijiet pendenti quddiemhom wieħed b'wieħed fl-ewwel ġurnata tax-xhur ta' Marzu 1999, April 1999, Mejju 1999, Ġunju 1999, Lulju 1999, Awissu 1999 u Settembru 1999?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. 25.10.99
Leg 9 PQ #10607 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kalkara — Knisja tas-Salvatur - Restawr

Question

Jista' l-Ministru in vista tal-mistoqsija parlamentari numru 3769, jgħid u jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba sarx xi studju jew rapport min-naħa tal-kultura rigward l-ispejjeż involuti fir-restawr tal-Knisja tas-Salvatur ġewwa l-Kalkara?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-tweġiba għal din il-mistoqsija hija fin-negattiv.

Kalkara — Triq it-Turretta - Ilma tax-xita

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hemmx żviluppi ġodda wara d-domanda parlamentari numru 3774 fejn huwa ġie mitlub jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hemmx possibbilta' li matul din is-sena l-problemi li l-ilma tax-xita qed jikkaġuna fi Triq it-Turretta, Kalkara, jiġu studjati u solvuti, għal-liema domanda kien hemm it-tweġiba li d-Dipartiment tat-Toroq kien ingħata struzzjonijiet sabiex jinvestiga l-każ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ttieħdu passi biex beda l-proċess ta` esproprijazzjoni għal biex tinbena triq qasira bejn Triq it-Turetta u Triq il-Missjoni Taljana sabiex l-ilma tax-xita ikun jista` jgħaddi.

Qorti — Stallazzjoni ta' ħġieġ

Question

Jista' l-Ministru jieħu ħsieb jagħti d-direzzjonijiet neċessarji sabiex l-ħġieġ li ġie ordnat sabiex jiġi nstallat fil-qorti u li għal xi raġuni ma twaħħalx, jitneħħa minn ġewwa t-turġien u kurituri billi huma issa ta' periklu għal pubbliku?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-ħġieġ li ghalih qed jaghmel referenza l-Onorevoli interpellant huwa ta` twieqi ta` sezzjoni li riedu li jitneħħa minħabba li kien qed jikkawza nuqqas ta` arja. Wara li ġiet rizolta problema ta` ħlas bejn il-kumpanija li kienet qed taghmel dan ix-xoghol u l-konsorzju inkarigat mill-proġett ta` l-Embassy, dan il-ħġieg fil-fatt sa llum tneħħa.
Leg 9 PQ #10444 Sitting 159 1999-10-19 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mdina — Banca Giuratale

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba l-Banca Giuratale ġewwa l-Imdina hijiex qegħda tiġi miftuħa regolarment sija għal Maltin kif ukoll għat-turisti? Jikkonferma l-Ministru ukoll li l-pjanijiet ta' l-amministrazzjoni preżenti huma dawk li jkompli jsir espansjoni u żvilupp ta' l-imsemmija Banca bħala arkivju?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat l l-Banca Giuratale ġewwa l-Imdina hija waħda mit-tliet Repositorji ta' l-Arkivju Nazzjonali u tiġbor fiha l-kawżi kollha tal-Qrati tal-perjodu 1530-1899. Sa mill-bidu ta' l-inawgurazzjoni tagħha bħala Arkivju fl-1988 dejjem infetħet skond it-talba tar-riċerkaturi, kemm Maltin kif ukoll barranin. Informat li d-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji għandu l-ħsieb li jkompli jiżviluppa dan il-post bħala Arkivju Nazzjonali. Fil-fatt hu maħsub li fix-xhur li ġejjin tinfetaħ wirja permanenti dwar l-Arkivji Maltin fl-entratura prinċipali tal-Banca Giuratale li sservi ta' attrazzjoni għal viżitaturi dwar il-wirt arkivistiku Malti.

Qrati — Imħallfin

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bid-dmirijiet ta' l-imħallfin u meta dawn ġew fis-seħħ?

Response (GATT, AUSTIN)

Qieghed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra skeda tad-dmirijiet tal-Imħalfin, kif korrentement imqassmin, li ġiet approvata mill-E.T. il-President skond il-legislazzjoni relattiva.

Qrati — Maġistrati

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bid-dmirijiet tal-maġistrati u meta dawn ġew fis-seħħ?

Response (GATT, AUSTIN)

Qieghed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra skeda tad-dmirijiet tal-Magistrati, kif korrentement imqassmin, li ġiet approvata mill-E.T. il-President skond il-legislazzjoni relattiva.

Qrati tal-Ġustizzja

Question

Jista' l-Ministru jieħu in konsiderazzjoni s-suġġeriment li l-bini tal-Qrati tal-Ġustizzja jiġi dikjarat kollu kemm huwa bħala żona fejn m'għandux isir tipjip?

Response (GATT, AUSTIN)

Is-suggeriment tal-Onor. Interpellant ġie notat u jittiehed in konsiderazzjoni.
Leg 9 PQ #10435 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Spetturi - Riżenji

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm spetturi fil-korp tal-pulizija rriżenjaw mill-korp fis-snin 1995, 1996, 1997 u 1998?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn l-1995 u l-1998 irreżinjaw mill-Korp tal-Pulizija ħdax-il Spettur u żewġ Spetturi Kadetti. 18.10.99
Leg 9 PQ #10436 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Spetturi

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm spetturi fil-Korp tal-Pulizija fl-1 ta' Jannar, 1999? Kemm ġew maħtura ġodda din is-sena u kemm hemm kadetti li qed jistudjaw preżentement biex jilħqu spetturi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fl-1 ta' Jannar 1999, kien hemm 66 Spettur fil-Korp tal-Pulizija, filwaqt li f'Lulju ta' din is-sena ġew maħtura 24 Spettur. Fil-preżent ma hemmx uffiċjali kadetti. 18.10.99

Qrati — Faċilitajiet sanitarji

Question

Jista' l-Ministru jieħu ħsieb jagħti d-direzzjonijiet neċessarji sabiex l-faċilitajiet sanitarji ġewwa l-Qrati tagħna jinbidlu kompletament billi jagħtu l-apparenza ta' abbandun?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li t-tlett public conveniences li hemm fil-bini tal-Qrati, kienu nbidlu ftit tas-snin ilu u ma jidhirx li huma fi stat ta` abbandun kif qed jiġi allegat. Infurmat ukoll illi t-tindif ta` dawn il-public conveniences isir minn darbtejn sa tlett darbiet kuljum pero jirrizulta wkoll illi l-pubbliku li juza dan il-lok qieghed ta` spiss iwaddab kull xorta ta` karti u loqom tas-sigaretti li qed jikkawza sadd fid-drain, partikolarment fil-`urinals`. Nixtieq inzid ukoll illi xhur ilu tlabt id-direzzjoni tal-Qorti biex tigi infassla `cleaning plan` professjonali u ċert li l-kumment tal-Onor. Interpellant jittieħed in konsiderazzjoni meta dan isir.
Leg 9 PQ #10353 Sitting 157 1999-10-14 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Kalkara — Triq tal-Kapuċċini

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li jibgħat uffiċjali fi ħdan id-Dipartiment ta' l-Ambjent sabiex t-Triq tal-Kapuċċini ġewwa l-Kalkara mill-bini sal-Kunvent tal-Kapuċċini jiġi kkurat, imnaddaf waħda u sew u jsiru ħajt tas-sejjieħ fuq in-naħa tax-xelluġ inti u tiela' fid-direzzjoni ta' l-istess Kapuċċini?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li t-toroq Santa Liberata u San Rokku se jitnaddfu mill-'Unit Għal Ambjent Nadif'.

Kalkara — Triq il-Missjoni - Toroq

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba huwiex possibbli li tiġi nvestigata f'ċertu dettall il-problema tat-triq li tibda minn Triq il-Missjoni Taljana u li tgħaddi quddiem l-Kunvent tal-Kapuċċċini sa l-aħħar ta' Triq Santa Liberata, il-Kalkara billi din qiegħda tmur lura minkejja li sarulu diversi attentati ta'patching?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-triq ġiet assessjata waqt ix-xogħol li kien qiegħed jitmexxa mill-Konsulenti Ġermaniżi u ngħatat prijorita' skond kif l-istat u l-uzu taghħa jikkompara ma toroq oħra arterjali fil-pajjiż. Għalhekk peress li hemm toroq oħra li għandhom bzonn isir xogħol fihom b'aktar urġenza mhux possibbli li din it-triq tinqala' għalissa. Madankollu, id-Dipartiment tat-Toroq ser jara jistax isiru xogħolijiet ta' manutenzjoni biex ħsara ma' tkompliex issir.