Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #11842 Sitting 200 1999-12-06 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jinforma lill-Kamra kemm hemm preżentement għalliema nisa u rġiel fl-iskejjel primarji u sekondarji li qegħdin fl-aħħar ħames snin ta' servizz tagħhom u kemm għalliema rriżenjaw mis-servizz din is-sena, jiġifieri l-1999?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għadd ta' għalliema li qegħdin fl-aħħar ħames snin ta' servizz huwa 232 maqsuma kif ġej: Għalliema Nisa - 120 Għalliema Rġiel - 112 Informat ukoll li l-għadd ta' għalliema li rriżenjaw mis-servizz matul l-1999 hu ta' 29.

Bormla — Uffiċċju tas-Sigurta' Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra meta huwa pproġettat li jsir ix-xogħol fuq l-Uffiċċju tas-Sigurta Soċjali f'Bormla? Kemm se jintnefqu flus u minn fejn se jingħata s-servizz waqt li jkun qed isir dan ix-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ix-xogħol fuq l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li jinsab Bormla bħalissa miexi b'ritmu mgħaġġel. Hu stmat li l-ispiża fuq dan l-Uffiċċju ser tammonta għal madwar Lm26,000. Minħabba li l-Ufficcju jinsab magħluq, bħalissa qed jingħata servizz ta' natura temporanja minn Ħanut Nru.4 Blokk 1 Bieb Sta Liena, Bormla.
Leg 9 PQ #11844 Sitting 200 1999-12-06 Oral · Interim From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Xgħajra — Fortizza della Grazzja

Question

In vista tal-mistoqsija parlamentari numru 4899, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx xi żvilupp rigward il-ħsarat li għandha l-Fortizza della Grazzja, ġewwa x-Xgħajra?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-Mistoqsija saret fl-1 ta' Diċembru u t-tweġiba trid tingħata fl-uffiċju ta' l-iskrivan illum it-3 ta' Diċembru, ir-rapport meħtieġ għadu ma' wasallix u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #11845 Sitting 200 1999-12-06 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għalliema tal-Ġappuniż

Question

In vista tal-mistoqsija parlamentari numru 5155, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm studenti u għalliema jitgħallmu u jgħallmu l-Ġappuniż fl-iskejjel sekondarji tal-Gvern fis-sena 1999/2000?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-Iskejjel fis-sena skolastika 1999-2000 m'hemm ebda student jew għalliem, jitgħallem jew jgħallem il-Ġappuniż.
Leg 9 PQ #11846 Sitting 200 1999-12-06 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għalliema tal-Grieg

Question

In vista tal-mistoqsija parlamentari numru 5154, jista' l-Ministru jgħid u jinforma lill-Kamra kemm hemm studenti u għalliema jitgħallmu u jgħallmu l-Grieg klassiku fl-iskejjel sekondarji tal-Gvern fis-sena 1999/2000?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-Iskejjel sekondarji fis-sena skolastika 1999-2000 m'hemm ebda student jew għalliem, jitgħallem jew jgħallem il-Grieg.

Drydock — Corrugated iron

Question

In vista tad-domandi parlamentari preċedenti, jista' l-Ministru jissuġġerixxi li fil-futur qasir l-Malta Drydocks jieħdu ħsieb li jneħħu l-kwantita' kbira ta' corrugated iron li hemm mwaħħla fuq wara ma' l-imħażen tan-No.1 Dock u li jisporġu ġewwa Triq San Pawl, Bormla billi dawn qegħdin jkerħu dejjem aktar l-ambjent?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li s-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant ikun possibbli li jiġi attwat matul is-sena d-dieħla, meta huwa ppjanat li jitlesta l-maħżen numru wieħed li fil-preżent qed jinbena mill-ġdid.

Kalkara — Villa Portelli

Question

Jista' l-Ministru jara li l-ġnien li hemm anness ma' Villa Portelli fil-Kalkara preżentement taħt l-MDC jiġi mnaddaf u kkurat aktar billi fuq il-partijiet li jmissu mal-ħitan ta' barra hemm l-impressjoni li dan m'huwiex ikkurat tajjeb?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie mgħoddi lill-Korporazzjoni għall-Iżvilupp ta' Malta biex tieħu l-passi meħtieġa.

Ambaxxati — Spejjeż

Question

Jista' l-Ministru jinforma x'kienet l-ispiża li saret tul is-snin 1996, 1997 u 1998 fl-ambaxxati u High Commissions fil-pajjiżi ta' l-Ingilterra, l-Italja, Franza, Awstrija, Ġermanija, Olanda, Russja u Amerika?

Response (BORG, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant rigward l-ispiża li saret fl-1996, 1997 u 1998 fl-Ambaxxati u Kummissjonijiet Għolja ta' Malta fil-pajjiżi indikati minnu minn barra ta' l-Olanda peress li Malta m'għandhiex u ma kellhiex Ambaxxata fl-Olanda tul is-snin indikati. L-ispejjeż mogħtija jirrapreżentaw l-ispejjeż kollha minfuqa mill-Ambaxxati fil-perjodi rispettivi msemmija.

Djar — Kalkara - Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm applikazzjonijiet ġew preżentati minn residenti tar-raħal tal-Kalkara ma' l-Awtorita' tad-Djar fis-snin 1997 u 1998 u dan billi jiġi ndikati ta' liema tip dawn l-applikazzjonijiet kienu, kemm minnhom ġew effettivament milqugħa u possibbilment kemm flus intnefqu fuq dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Leg 9 PQ #11779 Sitting 197 1999-12-02 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tal-Finanzi

Lottu Pubbliku — Super 5/Scratch and Win

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'mekkaniżmu qiegħed ikun ppjanat biex fondi mil-lotterija Super 5 u Scratch and Win li, skond il-liġi għandhom ikunu mgħoddija għall-għajnuna ta' l-isport u oqsma oħra, ikunu jistgħu jibqgħu jgħaddu għal dawn l-iskopijiet meta d-Dipartiment tal-Lottu jkun privatizzat?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li dawn huma kunsiderazzjonijiet li jittieħdu waqt il-proċess ta` privatiżżazzjoni.
Leg 9 PQ #11780 Sitting 197 1999-12-02 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tal-Finanzi

Lottu Pubbliku — Scratch and Win

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'persentaġġ tad-dħul mil-Lotterija Scratch and Win suppost ikun mgħoddi bil-liġi għall-ħidma fl-isports jew għajnuna soċjali jew għajnuniet oħra? Jista' jingħad ukoll kemm hemm fondi akkumulati mis-snin passati għal dawn l-iskopijiet?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mir-Regolamenti u mhux mill-Liġi joħroġ li d-dħul kollu mill-Lotterija Scratch and Win jgħaddi għall-ħidma fl-isport u oġġettivi ta` natura soċjali u ċivika. L-ammont akkumulat f`dan il-fond u ta` Lm650,000.
Leg 9 PQ #11781 Sitting 197 1999-12-02 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tal-Finanzi

Lottu Pubbliku — Super Five

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'persentaġġ tad-dħul mil-Lotterija Super Five li suppost ikun mgħoddi bil-liġi għall-ħidma fl-isports jew għajnuna soċjali jew għajnuniet oħra? Jista' jingħad ukoll kemm hemm fondi akkumulati mis-snin passati għal dawn l-iskopijiet?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mir-Regolamenti tal-Lotterija Super 5 u mhux mill-Liġi, joħroġ li mill-ammont totali ta` bejgħ tas-Super 5, għaxra fil mija (10%) jiġi allokat biex jitħallsu l-kummissjonijiet fuq il-bejgħ u s-sussidji li jista` jalloka l-Ministru tal-Finanzi għall-attivitajiet sportivi jew xi attivitajiet oħra. Fondi akkumulati minn din il-logħba ma hemm xejn.

Qrati — Għajnuna legali

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm intnefqu flus f'għajnuna legali mill-Gvern fis-snin 1995,1996,1997 u 1998? Jista' wkoll taħt forma separata u mingħajr ma jissemmew ismijiet jiġu annessi listi tad-dħul tal-persuni li pperċepew dawn wieħed wieħed?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ghadha qed tinġabar u risposta tinghata f`seduta oħra.

Qorti — Kotba

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba numru ta' kotba llustrati u sbieħ li kienu ġew konfiskati matul l-gwerra u li kienu jinsabu għal numru ta' snin fl-arkivji tal-Qorti l-Belt humiex miżmuma f'post tajjeb u jekk iva, fejn?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress illi ghad hemm xi riċerki xi jsiru, ir-risposta tinghata aktar tard.
Leg 9 PQ #11809 Sitting 197 1999-12-02 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ċimiterju ta' l-Addolorata — Kappella gotika

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra s-suġġeriment li jibgħat rappreżentant tad-Dipartiment tal-Kultura sabiex jeżamina l-istat tal-kappella gotika li hemm ġewwa ċ-Ċimiterju ta' l-Addolorata billi jidher li hemm xi ħsarat u tkisser?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Dipartiment tal-Kultura m'għandux ir-responsabilita` għal manutenzjoni tal-Kappella ġewwa ċ-Ċimiterju ta' l-Addolorata.
Leg 9 PQ #11669 Sitting 192 1999-11-30 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Stamperija tal-Gvern — Kotba stampati

Question

In vista tal-mistoqsija parlamentari numru 3292, jista' l-Prim Ministru jieħu ħsieb li l-lista li ġiet kumpilata titqiegħed għaċ-ċirkolazzjoni tal-pubbliku in ġenerali, possibbilment ukoll fil-gazzetti lokali sabiex il-pubbliku jiġi mħajjar jakkwista kopja tagħhom?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Lista tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tiġi ppubblikata regolarment fil-Gazzetta tal-Gvern. Kif jaf l-Onor Interpellant, ir-riklamar fil-gazzetti jiswa ħafna flus u għalhekk mhux kunsiljabbli li l-pubblikazzjonijiet imsemmija jiġu riklamati kif issuġġerit. Jista wieħed pero jikkunsidra jekk tali lista għandhiex tiġi ċirkulata lill-Kunsilli Lokali.
Leg 9 PQ #11627 Sitting 191 1999-11-29 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tat-Turiżmu

Awtorita' tat-Turiżmu — Impjegati

Question

In vista tal-mistoqsija parlamentari numru 10941, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'kienet il-ħidma u x'kienu l-oġġettivi ta' l-uffiċċju ta' l-Awtorita' tat-Turiżmu, qabel ta' l-NTOM, ġewwa Franza barra minn Malta fis-snin 1996, 1997 u 1998?

Response (REFALO, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Numru 11626 f'Seduta 190.
Leg 9 PQ #11628 Sitting 191 1999-11-29 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tat-Turiżmu

Awtorita' tat-Turiżmu — Impjegati

Question

In vista tal-mistoqsija parlamentari numru 10941, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'kienet il-ħidma u x'kienu l-oġġettivi ta' l-uffiċċju ta' l-Awtorita' tat-Turiżmu, qabel ta' l-NTOM, ġewwa l-Ġermanja barra minn Malta fis-snin 1996, 1997 u 1998? Jistgħu jiġu indikati wkoll l-karigi u l-funzjonijiet tal-ħames impjegati li hemm?

Response (REFALO, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Numru 11626 f'Seduta 190.
Leg 9 PQ #11665 Sitting 191 1999-11-29 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tat-Turiżmu

Awtorita' tat-Turiżmu — Impjegati

Question

In vista tal-mistoqsija parlamentari numru 10941, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hemmx il-ħsieb li fis-sena li ġejja jiżdiedu l-uffiċċji ta' l-Awtorita' tat-Turiżmu barra minn Malta f'pajjiżi oħra, u jekk iva, f'liema?

Response (REFALO, MICHAEL)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' tat-Turiżmu ta' Malta għadha ma ħadet ebda deċiżjoni f'dan ir-rigward.
Leg 9 PQ #11666 Sitting 191 1999-11-29 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Stamperija tal-Gvern — Kotba stampati

Question

In vista tal-mistoqsija parlamentari numru 3292, jista' l-Prim Ministru jikkonsidra li terġa' tiġi stampata mill-ġdid il-Kostituzzjoni ta' Malta, possibbilment b'pubblikazzjoni aħjar billi dik ta' qabel issa spiċċat?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li għaddej il-proċess biex il-Kostituzzjoni ta' Malta tiġi stampata.