In vista ta' domandi parlamentari preċedenti, jista' l-Ministru jikkonsidra li jibgħat uffiċjal biex jeżamina u jagħmel studju rigward il-ħsarat li għandha l-Fortizza della Grazzja ġewwa x-Xgħajra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li r-restawr tat-torrijiet u l-fortifikazzjonijiet storiċi jaqgħu taħt ir-responsabilita` tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet. Dan jgħodd ukoll għall-każ tal-"Fortezza della Grazzia" fix-Xgħajra.
Skond l-informazzjoni li għand u d-dipartiment, ebda talba uffiċjali ma saret lid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet jew lid-Dipartiment tal-Mużewijiet biex jibda studju u xogħlijiet ta' restawr fuq din il-fortifikazzjoni storika.
Madanakollu d-Dipartiment tal-Mużewijiet ser javviċina lid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet biex issir eżaminazzjoni tal-bini storiku in kwestjoni u joħroġ rakkomandazzjoni xierqa dwar l-istat ta' konservazzjoni ta' dan is-sit.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol sar s'issa tul din is-sena fil-Palazz ta' l-Inkwiżitur ġewwa l-Birgu u jekk hemmx ikkonsidrat li jkun hemm materjal informattiv li jista' jinbiegħ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol li sar s'issa matul din is-sena fil-Palazz ta' l-Inkwiżitur huwa bażikament ta' natura strutturali sabiex tkompli tissewwa l-ħsara kbira li kien hemm fil-bini.
* Tqaxxir, tikħil mill-ġdid u tibjid ta' kmamar fis-sezzjoni
tal-kċina, tal-ħabs, l-Appartamenti ta' Ruffo, u partijiet
oħrajn.
* Bdil ta' għadd ta' xorok u travi li kienu se jaqgħu.
* Tindif ta' bjar u partijiet oħra tal-Palazz minn ammont
kbir ta' terrapien u imbarrazz ieħor.
* Skav arkeoloġiku fil-ġnien.
* Bini ta' ġnien ibbażat fuq deskrizzjoni tas-seklu sbatax.
* Bini ta' toilets ġodda għall-viżitaturi.
* Inbeda t-tibdil tas-sistema elettrika tal-Palazz kollu.
* Inbeda r-restawr ta' affreski b'koordinazzjoni maċ-Ċentru
tar-Restawr ta' Bighi.
* Ftuħ ta' kamra għall-pubbliku dwar it-tradizzjonijiet
popolari marbuta ma' l-Għid.
Bħalissa qed issir riċerka biex jinġabar kemm jista' jkun materjal fuq il-Palazz. Għad trid tittieħed deċiżjoni dwar kif din l-informazzjoni eventwalment se tiġi mgħoddija lill-pubbliku.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm u kien hemm impjegati mas-soċjeta' Medigrain limited fis-snin 1997 u 1998? Jista' jingħad fuq liema kriterji ntgħażlu erba' ħaddiema ex-impjegati tal-Marina Milling Grain Handling sabiex jaħdmu mal-Medigrain limited f'Settembru 1998? Jikkonsidra bħala ġusti l-proċeduri li bihom kienu magħżula dawn il-ħaddiema? Jista' jara jekk il-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, kenitx inġustament mħollija barra mill-għażla għall-mili ta' dawn l-erba' postijiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-kumpanija medigrain Limited illum timpjega 22 persuna. F'Diċembru tal-1997 il-Kumpanija kienet timpjega 24 persuna, l-istess numru li kienet timpjega f'Diċembru tal-1998.
Il-kriterji adottati biex intgħażlu l-erba' ħaddiema msemmija, kienu dawk approvati mill-Kumitat dwar Reklutaġġ fis-Settur Pubbliku maħtur mill-Kabinett skond ittra datata 9 ta' Ġunju 1998. il-proċeduri segwiti fl-għażla ta' dawn il-ħaddiema kienu dawk stabbiliti mill-liġi dwar l-impjiegi.
Il-persuna li għaliha qed issir referenza, kienet applikat, flimkien ma' ħafna oħrajn, biex taħdem bħala labourer. Il-Bord ta' l-Għażla kien irrakkomanda tnejn mill-applikanti li ġew impjegati. Il-persuna li qed issir riferenza għaliha kienet ressqet il-każ tagħha quddiem l-Ombudsman. Permezz ta' ittra datata 11 ta' Lulju 1999, il-Kumpanija ġiet infurmata, li wara li saru l-investigazzjonijiet meħtieġa, l-ilment ta' din il-persuna ma kienx ġie sostnut u l-każ kien ingħalaq.
Jista' l-Ministru jara jekk kemm-il darba l-kappelli li hemm f'Ħal Qormi, senjatament dik magħrufa bħala Santa Katerina, għandhomx xi kaxxi tal-Maltacom p.l.c. mwaħħlin magħhom jew humiex qegħdin viċin tant li jikkaġunaw ħsara u jkerrħu l-ambjent?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li ma' wieħed mill-ġnub tal-Kappella ta' Santa Katerina f'Ħal-Qormi, il-Maltacom għandha cardphone u cabinet. Dawn ma jmissux mal-ħajt tal-kappella, iżda huma maqtugħin 'il barra u la huma ta' ħsara għall-istruttura ta' din il-kappella u lanqas qed ikerrħu l-ambjent ta' madwarha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm applikazzjonijiet ġew ippreżentati minn residenti tar-raħal tax-Xgħajra ma' l-Awtorita' tad-Djar fis-snin 1997 u 1998 u dan billi jiġu indikati ta' liema tip dawn l-applikazzjonijiet kienu u kemm minnhom ġew effettivament milqugħa u possibbilment kemm flus intnefqu fuq dan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm applikazzjonijiet ġew ippreżentati minn residenti tal-belt tal-Birgu ma' l-Awtorita' tad-Djar fis-snin 1997 u 1998 u dan billi jiġu indikati ta' liema tip dawn l-applikazzjonijiet kienu u kemm minnhom ġew effettivament milqugħa u possibbilment kemm flus intnefqu fuq dan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma l-Kamra kemm kien hemm persuni fl-aħħar ta' Novembru, 1999 reġistrati bħala pensjonanti ġewwa l-belt ta' l-Isla, kemm minnhom jirċievu xi forma ta' pensjoni, f'liema kategorija u kemm jammonta bħala ħlas mensili komplessivament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li pensjoni li titħallas skond il-provedimenti tal-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, b'ebda mod m'hi konnessa mal-lokalita' li fiha tkun toqgħod il-persuna li tkun qed tirċievi l-pensjoni, u għalhekk mhux possibbli li tingħata din l-informazzjoni kif mitluba.
Jista' l-Ministru jieħu ħsieb li l-Qorti (speċjalment f'dawk superjuri) jkun hemm numru ta' pulizija li jkunu stazzjonati bħala "fixed point" billi m'huwiex l-ewwel darba li numru ta' avukati u persuni jiġu aggrediti u mhedda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li kuljum ikun hemm kuntistabbli dettaljat speċifikament għall-bon ordni fil-bini tal-Qorti.
Jista' l-Ministru jgħid u jinforma l-Kamra kemm hemm studenti reġistrati fl-iskola primarja ta' l-Isla possibilment billi jiġu indikati is-sess tagħhom sena b'sena, kif ukoll kemm hemm għalliema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti sena b'sena huma dawn:
Subien Bniet
Year 1 - 44 21 23
Year 2 - 50 23 27
Year 3 - 37 25 12
Year 4 - 46 23 23
Year 5 - 44 21 23
Year 6 - 40 21 19
TOTAL 261 134 127
Jista' l-Ministru jgħid u jinforma lill-Kamra kemm hemm studenti reġistrati fl-iskola primarja ta' Bormla possibbilment billi jiġu indikati is-sess tagħhom sena b'sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti sena b'sena huwa dan:
Skola Primarja A
Subien Bniet
Year 1 - 57 26 31
Year 2 - 50 25 25
Year 3 - 69 39 30
TOTAL 176 90 86
Skola Primarja B
Subien Bniet
Year 4 - 71 36 35
Year 5 - 56 32 24
Year 6 - 64 37 27
TOTAL 191 105 86
Jista' l-Prim Ministru in vista tad-domanda parlamentari numru 3678 u dik sussegwenti jikkonsidra li partijiet mill-Auberge de Castille jkunu miftuħa għall-pubbliku fl-aħħar ġimgħa tas-sena u fl-ewwel waħda tas-sena li ġejja bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-millenju?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li fil-preżent qed isiru diversi xogħlijiet fil-Berġa ta' Kastilja u għalhekk mhux iż-żmien opportun li tkun miftuħa għall-pubbliku.
Jista' l-Ministru jinkariga rappreżentanti tad-Dipartiment tat-Toroq sabiex jieħdu ħsieb jagħmlu rapport ta' l-istat tat-toroq ġewwa dik il-parti residenzjali li tmiss maż-żona industrijali tar-Rikasoli fil-Kalkara u li trid tidħol għaliha mill-istess zona industrijali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jikonsultaw lill-Kunsill Lokali u flimkien jaraw dawn it-toroq x`għandhom bżonn.
Jista' l-Ministru jieħu ħsieb li jiġi mibgħut uffiċjal mid-Dipartiment ta' l-Ambjent sabiex jeżamina u wara jipprepara rapport ta' kif l-istat ta' l-ambjent li qed jiffaċċjaw n-nies li joqogħdu viċin iż-żona industrijali tar-Rikasoli, Kalkara senjatament dawk li jridu jidħlu għal darhom minn ġewwa l-istess żona industrijali, jiġi mtejjeb?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Tlabt lid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent biex jinvestiga dan il-każ u jiġbor rapport fil-futur qarib.
In vista tal-mistoqsija parlamentari numru 4900, jista' l-Ministru jgħid u jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hemmx il-ħsieb li jiġi maħtur segretarju ta' l-Universita' ai termini ta'l-Att ta' l-Edukazzjoni tul is-sena li ġejja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa fl-Universita` għaddej studju ta' kif għandha tiġi rristrutturata l-amministrazzjoni ċentrali. Il-pożizzjoni ta' segretarju jifforma parti minn dan l-eżerċizzju.
In vista tal-mistoqsija parlamentari numru 5156, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm ħaddiema u ta' liema grad jaħdmu ġewwa s-sezzjoni ta' l-ambjent tul is-sena 1999?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li sa l-aħħar ta' Novembru 1999 in-numru ta' ħaddiema li qed jaħdmu ġewwa d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent hu ta' 218. Il-gradi huma hekk:
Director/Acting Director 1
Officer in Grade V 1
Principals 5
Assistant Principals 5
Executive Officers 3
Clerks 14
Messengers 2
Chief Scientific Officer 1
Senior Scientific Officer 1
Engineer 1
Senior Tradesman 9
Tradesman 1
Principal Environment Officer 5
Environment Officer 7
Environment Inspector 10
Senior Postperson 5
Postperson 3
General Hand 76
Health Attendant 'B' 24
Coxwain 1
Casual Typist 3
Impressed Driver 14
Art & Graphic Technician 1
On Loan/Seconded 4
Watchman 2
Operative 4
M.T.D. 2
Gardener 2
Time Keeper 1
Assistant Technical Officer 7
Supervisor 1
Security Guard 1
Technical Officer 1
-----
TOTAL 218
-----
In vista tal-mistoqsija parlamentari numru 4902, jista' l-Viċi Prim MInstru jinforma lill-Kamra l-pożizzjoni preżenti dwar it-twaqqigħ ta' bini fi Triq San Filippu fil-Belt Sengleana?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar mistenni joħroġ dalwaqt. Sadanittant, sakemm jinbeda x-xogħol, id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jagħmel l-almu tiegħu sabiex jinstab post alternattiv lill-inkwilin preżenti.
In vista tal-mistoqsija parlamentari numru 5147, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm impjegati mas-soċjeta' Air Malta Co Limited? F'liema gradi huma fis-sena 1999?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li sal-31 ta' Ottubru 1999 il-linja nazzjonali ta' l-ajru kellha fuq il-kotba tagħha 1659 ħaddiem imqassmin kif ġej
Maniġerjali u Eżekuttivi 194
Klerikali 523
Industrijali 365
Engineering 50
Tekniċi 92
Industrijali (Engineering) 17
Cockpit Crew 172
Cabin Crew 238
Despatchers 8
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm impjegati ġewwa l-Awtorita' ta'l-Ippjanar fis-sena 1999?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li preżentament fl-Awtorita` ta' l-Ippjanar hemm 321 impjegat.
Din il-figura tinkludi n-nies li huma direttament impjegati ma' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar, ħaddiema Detailed, impjegati b'Kuntratt Definit u mpjegati part-time.
In vista tal-mistoqsija parlamentari numru 11597, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra fejn dan l-injam, tant sabiħ u ta'valur storiku, qiegħed jiġi miżmum? Hemm rapport dwar l-istat ta' l-injam tas-saqaf, u jekk iva, jista' dan jiġi preżentat fil-Kamra, u jekk le jaċċettax is-suġġeriment li jinġiebu fuq il-post persuni mħarrġa mill-Iskola tar-Restawr ta' Bighi? Jista' l-Ministru jassgura li, kuntrarjament għal dak li jidher (mill-istess domanda) li hemm min huwa intenzjonat ineħħiħ kompletament, dan jerġa' jitqiegħed f'postu kif inhuwa xieraq?
Response (DALLI, JOHN)
Is-soffit tal-Garrison Church tneħħa wara l-istudji preliminari neċessarju u b`konformita mall-permessi li nħarġu mill-PA wara li ġew ik-konsultati l-partijiet interessati kollha.
Is-soffit li nstab f`kondizzjoni tajba u li hu maħsub li jintuża f`sala fi ħdan il-bini stess bħalissa qiegħed jinżamm fir-Reception Area tal-Castille Chambers, taħt il-Garrison Church u l-periti responsabbli mill-proġett qiegħdin iħejju rapport dwar il-kondizzjoni ta` l-injam sabiex jiġi preżentat lill-PA skond kif jitolbu l-permessi maħruġa.
In vista tal-mistoqsija parlamentari numru 11598, jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba huwiex possibbli li uffiċjali ta' l-Awtorita' tad-Djar jibdew jattendu ġewwa l-Kunsilli Lokali tal-Fgura u tax-Xgħajra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-iskop li l-Awtorita' tad-Djar kellha sabiex tmur fl-uffiċċju tal-Kunsilli Lokali tal-Kottonera u l-Kalkara kien, peress li f'dawn il-lokalitajiet hemm problema konċentrata fil-Qasam tad-Djar. Dan ma jirriflettix l-istess fil-Fgura u x-Xgħajra. Biss, dan is-suġġeriment ser jiġi kkonsidrat mill-Awtorita'.