Jista' l-Ministru javża lill-Kamra jekk kemm-il darba huwiex jiġi miżmum regolarment informat fuq il-viżitaturi sija barranin kif ukoll Maltin ġewwa l-Batterija tar-Rinella, Kalkara; it-tieni huwiex ukoll f'pożizzjoni li jinforma l-Kamra fuq liema xogħlijiet huma previsti li jsiru ġewwa u barra l-imsemmija u jekk kemm-il darba huwiex il-Gvern Ċentrali li qiegħed jipprovdi tali finanzjament?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ammont ta' viżitaturi ġewwa l-Batterija Rinella fil-Kalkara matul is-sena li għaddiet kien ta' 18000 ruħ. Dan l-ammont huwa madwar 4000 iżjed minn dak tas-sena ta' qabel.
Il-Fondazzjoni Wirt Artna ma żżommx statistika dwar kemm mill-viżitaturi jkunu Maltin u kemm barranin.
Informat ukoll li x-xogħlijiet previsti li jsiru ġewwa u barra l-imsemmija Batterija huma:
a) Titjib ġenerali tal-madwar, dan jikkonsisti fi qtugħ ta' siġar ta' l-Acaċia, il-livellar ta' terrapien u mbarazz ieħor mitfuh hemm meta twessgħet it-triq u l-bini ta' ħajt tas-sejjiegħ ġdid li ser idawwar il-propjeta` matul il-limiti tal-glacis oriġinali.
b) Xogħol ta' manutenzjoni fuq is-soqfa "a prova di bomba" li komplew iġarrbu ħsarat fil-maltemp matul l-aħħar xitwa. Dan ser jikkonsisti fil-qlugħ komplet tat-torba u ħamrija li bħalissa jgħattu s-saqaf sabiex tiġi rranġata l-ħsara u mbagħd jerġa' jitqiegħed mill-ġdid. Dan ix-xogħol ser isir prinċiparjament mill-Fondazzjoni Wirt Artna u l-voluntiera tagħha.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm preżentement pulizija stazzjonati fl-għassa tal-Fgura u jistax jiġi kkonsidrat li dawn f'ċerti ħinijiet jagħmlu spezzjonijiet ta' ċerti toroq senjatament dik ta' Triq Mater Boni Consiglii?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi hemm Spettur inkarigat mill-Għassa tal-Pulizija fil-Fgura. Il-Pulizija li jkunu ddettaljati xogħol f`din l-Għassa huma stazzjonati fid-Distrett tal-Pulizija Numru 3 fejn hemm 51 Pulizija u 11-il surġent, li minnu l-Għassa tal-Fgura tifforma parti. Kemm il-Pulizija tad-Distrett kif ukoll dawk tal-Mobile Squad jagħmlu ronda kemm fit-triq imsemmija kif ukoll fit-toroq l-oħra.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm persuni tħallsu, u kemm huma l-ammonti komplessivament, tal-esproprjazzjonijiet li saru ġewwa Bormla fil-bini f'Santa Liena fejn illum hemm block ta' flats li huwa amministrat mill-awtorita' tad-djar? Jista' wkoll jiġi ndikat kemm persuni għadhom ma tħallsux u tistax tiġi ndikata l-proċedura li għandhom jagħmlu dawn sabiex l-ħlas tagħhom isir?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment ta` l-Artijiet għadu ma għamel l-ebda ħlasijiet dwar l-esproprjazzjonijiet li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant peress li għadhom qed isiru l-istimi tal-fondi in kwestjoni. Wara li l-prezzijiet jiġu ffissati jkun jonqos ukoll li jiġu identifikati s-sidien tal-proprjetajiet esproprjati.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija li tikkonċerna l-proċedura, ninsab infurmat li s-sidien jistgħu jagħmlu kuntatt mall-'Contracts Section' tad-Dipartiment ta` l-Artijiet biex jingħataw id-dettalji tad-dokumenti li huma meħtieġa sabiex, wara li jiġu stabbiliti l-prezzijiet, ikunu jistgħu jiġu konklużi il-kuntratti.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk huwiex possibbli li ssir spezzjoni ta' Bieb il-Polverista billi hemm bżonn ta' varji riparazzjonijiet żgħar u manutenzjoni ta' ċerta portata billi hemm partijiet li huma maħmuġa, oħrajn abbandunati u oħrajn perikolużi ħafna?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Għaddejt is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant lill-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera biex jistudjaw x'jista' jsir.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk huwiex minnu li numru ta' shelters ta' l-aħħar gwerra dinjija li jinsabu fil-belt Sengleana humiex qegħdin fil-pussess leġittimu jew illeġittimu ta' terzi persuni u jistax jinforma l-Kamra x'passi qed jittieħdu sabiex dawn jiġu spezzjonati u possibbilment mnaddfa?
Response (BORG, TONIO)
Kif jaf kulħadd f`diversi lokalitajiet f`Malta hawn kwantita` ta` shelters li kienu ġew imbarrati wara l-gwerra. Ninsab infurmat li minbarra xi numru żgħir ta` shelters li kienu nkrew mill-Gvern, ħafna minn dawn is-shelters kienu nfetħu illegalment minn terzi. It-Taqsima tal-Gvern għandha l-ħsieb li, maż-żmien, tieħu l-passi neċessarji biex tkun tista` tagħmel dak li qed jiġi suġġerit fil-Mistoqsija.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm kien hemm arretrati ta' kirjiet u ċnus sa l-aħħar ta' Diċembru, 1999 li għandu jieħu l-Lands Department? Jista' jinforma l-Kamra kemm hemm kawżi jew atti esekuttivi pendenti u dawn fuq liema ammonti, sabiex dawn jiġu rkuprati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-arretrati tal-kirjiet u ċnus li għandu jieħu d-Dipartiment ta` l-Artijiet sa l-aħħar ta` Diċembru 1999 jammontaw għal Lm4,337,000. Ta` min wieħed jinnota li parti sostanzjali minn dawn l-arretrati hija dovuta minn entitajiet li huma proprjeta` ta` l-istess Gvern. Qegħdin isiru wkoll arranġamenti mad-Dipartiment tal-Finanzi biex dawk l-arretrati li għal xi raġuni jew oħra ma jistgħux jinġabru jiġu 'written off'.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li biex tinġabar l-informazzjoni mitluba jrid isir eżami manwali tal-files kollha u dan jinħtieġ ħafna żmien u ħafna riżorsi. Ma jidhirlix li l-użu ta` dan iż-żmien u riżorsi biex isir l-eżami msemmi hu ġustifikat. Hija l-policy tad-Dipartiment li jagħmel dak kollu possibbli biex jiġbor l-arrettrati ta` kera u ċnus.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba l-awtorita' ta' l-ippjanar hiex kkonsidrata għall-effetti legali bħala l-werrieta tal-PAPB u jekk le jistax jiġi ndikat min qed jiġi hekk ikkonsidrat li huwa?
Response (BORG, TONIO)
Skond l-Att I ta` l-1992, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar mhiex is-suċċessur legali tal-PAPB ħlief limitatament għal dawk il-permessi maħruġa mill-PAPB, li kienu normalment jingħataw għal sentejn, u li kienu għadhom validi meta ġiet fis-seħħ l-istess Awtorita`. Dan ġie konfermat ukoll b`deċiżjonijiet tal-Qorti ta` l-Appell. Il-PAPB kien regolat b`diversi avviżi legali u kien bord iddelegat mill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi li kien responsabbli għal ħruġ tal-permessi.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk huwiex possibbli li ssir spezzjoni ġewwa Triq Brared, Birkirkara bil-għan li jiġi kkontrollat l-istat ta' l-hekk imsejħa culverts senjatament dawk quddiem id-djar 60 sa 70?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li t-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant hija responsabbilita' tal-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jikkummissjona bord ta' esperti sabiex jivverifikaw u jaraw x'inhi r-raġuni li kull sena l-pompa tad-drenaġġ li hemm taħt il-Malta Film Studios tinfaqa' u, apparti l-irwejjaħ, tniġġeż il-baħar mix-Xgħajra sa tas-Sliema? Jista' jiġi wkoll studjat x'effetti negattivi dan kollu qed iħalli fil-ħajja marittima?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-problema li hemm fil-pompa taħt il-Film Studios diġa' ġiet identifika u qiegħda tiġi ndirizzata.
Meta din taħdem sewwa d-drenaġġ jiżbokka 'l barra mix-xatt, għax b'hekk jaħdem l-'outfall' ukoll. Li qiegħed jiġi studjat huwa l-ħsara li qiegħda ssir mis-sajjieda fuq is-'submarine pipeline', biex b'hekk l-'outfall' ikun jista' jaħdem fit-totalita' tiegħu.
Jista'l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk huwiex possibbli li materjal u imbarazz li ntefa' ġewwa parti ċentrali ta' Triq Orlando, Xgħajra jiġi mnaddaf billi qiegħed ikun kaġun ta' ħwejjeġ oħra?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Se nagħti struzzjonijiet lid-Dipartiment konċernat biex jieħu l-passi meħtieġa rigward is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk huwiex possibbli li jiġi kkonsidrat is-suġġeriment li, bħalma hemm makni tal-kafe', ikun hemm ukoll makni tal-fotokopji ġewwa l-qrati li jitħaddmu mill-pubbliku bl-użu ta' credit cards jew flus?
Response (GATT, AUSTIN)
Nista ninforma lill-Onor. Interpellant li s-suġġeriment tieghu jifforma parti mill-pjan ta` riforma amministrattiva tal-Qorti izda jkun jista` jiġi mplimentat biss darba jkunu seħħew b`suċċess numru oħra ta` riformi.
B'riferenza għall-aħħar domanda parlamentari dwar numru ta' kotba illustrati u sbieħ li kienu ġew konfiskati matul il-gwerra u li kienu jinsabu għal numru ta' snin fl-arkivji tal-qorti, il-Belt, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba issa nstabux? Jista' jgħid jekk humiex miżmuma f'post tajjeb, u jekk iva, fejn?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat minn tfittxija li saret instabu numru ta` kotba ta` żmien il-gwerra. X`uhud minnhom qeghdin fil-Librerija tal-Qorti u hemm oħrajn li qeghdin fl-Arkivju.
Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirriferixxi ghal dawn il-kotba, ninfurmah li qed isiru arrangamenti sabiex dawn il-kotba jitpoġġew f`lok wieħed ghall-iskop li jinżammu mantnuti kif suppost.
Jista'l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba huwiex minnu li hemm numru konsiderevoli ta' sentenzi li ma ġewx dattilografati jew korretti ta' ħafna mħallfin li ilhom biex isiru għal dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (GATT, AUSTIN)
Hemm numru konsiderevoli ta` sentenzi ta` dawn l-aħħar ghaxar snin li jinsabu fir-Registru Superjuri li pero` ghadhom mhux dattilografati jew korretti. Jirrizulta li dawn is-sentenzi huma ta` erba` Mħallfin li tnejn minnhom illum huma rtirati.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm makni fotokopjatriċi ġewwa r-reġistri tal-qorti f'Malta? Jista' jara jekk huwiex possibbli li dawn jiżdiedu?
Response (GATT, AUSTIN)
Fir-Registru tal-Qrati f`Malta hemm magna fotokopjatrika waħda f`kull Reġistru.
Billi hu ttamat li fil-futur qarib ir-Registri flimkien ma sezzjonijiet oħra jkunu sitwati f`lok wieħed, is-suġġeriment ta` l-Onorevoli Interpellant li dawn il-magni jizdiedu, jiġi kkunsidrat wara li jsir dan it-trasferiment.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm rikorsi pendenti quddiem il-bord li jirregola l-kera bejn it-30 ta' Ġunju, 1999 u l-31 ta' Diċembru, 1999 u kemm ġew deċiżi rikorsi f'dak iż-żmien mill-istess bord?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn it-30 ta` Gunju 1999 u l-31 ta` Dicembru 1999 kien hemm pendenti 115 rikorsi quddiem il-Bord Li Jirregola l-Kera. Fl-istess perjodu ġew deċizi 98.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba t-triq bl-isem Alley no.6 Main Street, Mosta hux kompetenza tal-kunsill lokali tal-Mosta li ssir jew le, u f'kull każ, jista' jinforma l-Kamra jekk din hijiex se tiġi rranġata billi qed jingħad li ilha snin twal biex issir?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-toroq flimkien mal-Kunsilli Lokali qed jipprepara programm għal asfaltar ta` toroq simili ma` Malta kollha u x-xogħol fil-lokal isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm kwestjonijiet pendenti ta' Capital Gains Tax ġewwa l-hekk imsejħa business section ta' l-income tax department u f'kemm żmien huwa previst li dawn il-pendenzi/arretrati jinħelsu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta` kwistjonijiet pendenti hu ta` 6068. Qed jittieħdu l-passi meħtieġa biex numru ta` assessuri jkunu allokati fuq dan ix-xogħol biex l-assessments kollha jkunu jistgħu jitlestew fl-iqsar żmien possibbli matul din is-sena.
JIsta' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm il-darba sarx studju rigward il-mains ta'l-ilma ġewwa t-tlett ibliet mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta'l-Ilma u jekk iva,jista' jqiegħed kopja ta' dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra u jekk le,jistax dan isir,b'riferenza speċjali għal partijiet tal-Belt tal-Birgu li qegħdin fi stat li jimmeritaw dan?
B'referenza għad-domandi parlamentari preċedenti rigward l-istat tat-toroq ġewwa r-raħal tax-Xagħjra jista' l-Ministru jindika jekk kemm-il darba kienx hemm konklużjoni għar-rapport kommissjonat u hemmx il-probabilita' li xi toroq isiru tul din is-sena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment qed iħejji t-`tenders` biex jiġu ffurmati Triq Mahoney,Triq Zabbar u Triq Ġdida fi Triq il-Fortizza.
In vista tal-mistoqsija parlamentari numru 4899, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx xi żvilupp rigward il-ħsarat li għandha l-Fortizza della Grazzja, ġewwa x-Xgħajra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-Torri li jiġi kkwotat bħala Della Grazia (li fil-fatt huwa magħruf bħala tat-triq il-wiesgħa) fix-Xagħjra ġie spezzjonat mill-Unita` tar-Restawr (fid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet) u mid-Dipartiment tal-Mużewijiet. Saret ukoll riċerka fl-arkivji tal-Mużew fuq l-istorja ta' dan it-Torri storiku.
Kemm l-ispezzjoni kif ukoll ir-riċerka urew biċ-ċar li dan it-torri sofra ħafna ħsarat matul iż-żmien u parti kbira minnu reġa' nbena mill-ġdid, speċjalment il-qxur tal-ħitan minn barra.
L-istat attwali tal-bini mhuwiex tajjeb u d-Diviżjoni tax-Xogħlijiet tkun tista' l-quddiem tibda x-xogħol ta' restawr fuqu meta tlesti prioritajiet oħra. Id-Diviżjoni tax-Xogħlijiet qegħda bħalissa tindirizza proġetti ta' restawr fuq torrijiet li huma ta' emerġenza u periklu akbar - bħalma hu r-restawr tat-Torri tal-Ħamrija (limiti tal-Qrendi) u t-Torri ta' Għajn Tuffieħa (Mġarr).