Jista' l-Ministru jara jekk teknikament u ovvjament mingħajr ma jsirilha ħsara huwiex possibbli li l-istatwa ta' San Mikiel ġewwa l-belt Sengleana tiġi maqlugħa minn fejn qiegħda preżentament u teħel mas-sur ta' San Mikiel fejn forsi jixirqilha aktar ġieh u attenzjoni minn fejn tinsab?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-arkati li jifformaw parti mill-bini tal-gvern ġewwa Triq l-Arkati, Senglea, jiġu miżbugħa u msewwija fejn hemm bżonn billi preżentament jinsabu fi stat ħażin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt l-ilment ta'l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex ix-xogħol quddiem l-iskola primarja ġewwa l-belt Sengleana, magħrufa bl-isem ta' Benedditin Dun M Inguanez, jinsab preżentament wieqaf b'perikolu ċar u manifest?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-Mistoqsija waslet il-Ministeru nhar il-Ġimgħa li għadda wara nofs in-nhar, meta bdew in-nofs ta' nhari, it-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol qiegħed isir fuq l-istatwa ta' San Mikiel ġewwa l-belt Sengleana?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jara li l-mina magħrufa bħala ta' Sant'Anna ġewwa l-belt Sengleana tiġi mnaddfa u rranġata għall-istat oriġinali tagħha billi jitqaxxru l-ħitan u jerġa' jinżel fejn kien il-livell tat-triq?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Billi l-ko-ordinatur tal-Cottonera Rehabilitation Committee huwa msiefer, tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara li jibgħat numru sew ta' impjegati tad-dipartiment ta' l-ambjent ġewwa Triq il-Vitorja, Isla, speċjalment fil-parti ta' San Filippu sabiex din tiġi mnaddfa mill-kwantita kbira ta' trab li nġabar frott xogħol li sar hemm?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jara li l-parti li qiegħda quddiem il-Maċina, Isla, fuq in-naħa tal-lemin inti u dieħel fil-bieb ta' Dock Numru 1, titnaddaf kompletament billi hija mitluqa u minn hemm jgħaddu diversi Maltin u turisti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma u fl-istess ħin jikkonferma, u dan b'referenza partikolari għall-file numru HCM 00/0392 tas-sezzjoni tal-Housing Construction & Maintenance li ma hemm ebda ħsieb li xi partijiet minn St.Mark Street, Bormla (senjatament il-fond 53) ser jiġu mwaqqa'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma l-Kamra kemm intefqu flejjes sa l-1 ta' Mejju, 2000 fil-kostruzzjoni attwali ta' appartamenti ġewwa Triq San Ġwann, Bormla u ġewwa Sqaq Srejdek, Bormla u kemm appartamenti ġew sa issa kostruwiti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Sa l-1 ta' Mejju intefqu Lm 23,000 għal 4 appartamenti ġewwa Sqaq Srejdek u Lm 170,000 għal proġett ta' 21 appartament fi Triq San Ġwann. Din it-tieni ċifra tinkludi il-Kostruzzjoni ta' 19-il garaxx.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm persuni żaru l-Palazz ta' l-Inkwiżitur ġewwa l-Birgu tul is-sena 1999, kemm żaruh sal-15 ta' Marzu 2000 u jikkonsidrax li l-imsemmi mużew tul ix-xhur ta' Lulju, Awissu jibqa' miftuħ matul il-ġimgħa wara nofsinhar possibbilment sat-8.00 p.m.?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bejn Jannar u Diċembru 1999 il-Palazz ta' l-Inkwiżitur żaruh 44,03 persuni waqt li bejn l-1 u l-15 ta' Marzu 2000 żaruh 2,234 persuna.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm art li qedha f'idejn il-Gvern ta' Malta bit-titolu ta' possession and use, kemm kirjiet qed jitħallsu mill-istess Gvern minħabba dan u jekk jistax jiġi kkunsidrat li fejn hemm bini eżistenti u terzi jridu wkoll jixtruh bħal Triq ir-Regatta, Bormla, din tiġi esproprjata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li biex tinġabar l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-Mistoqsija jrid isir eżami ta` numru kbir ta` files u records manwali li jinħtieġ ħafna żmien u ħafna riżorsi. Ma jidhirlix li l-użu ta` dan iż-żmien u riżorsi biex isir l-eżami msemmi hu ġustifikat.
Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li n-numru ta` kirjiet li l-Gvern qiegħed iħallas għall-proprjeta` li qegħda għand il-Gvern b`titlu ta` possession and use u public tenure huwa ta` 2,702. L-ammont li jitħallas għal dik il-proprjeta` li qegħda b`titlu ta` public tenure huwa ta` ċirka Lm30,000, filwaqt li l-ammont li jitħallas għal dik il-proprjeta` li qegħda b`titlu ta` possession and use huwa ta` ċirka Lm8,000.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija wieħed japprezza d-diffikulta` nvoluta fit-twettieq tas-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant. Fil-fatt, mill-1987, il-Gvern, b`eċċezzjoni ta` każ wieħed li imbagħad ġie konvertit f`xiri assolut, ma ħariġx iktar 'possession and use'. Il-proposta ta` l-Onor. Interpellant iżda diġa` qegħda tiġi studjata, u jekk tinstab soluzzjoni ġusta, din titwettaq.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm proċeduri għall-esproprjazzjoni ta' art u bini nbdew matul is-sena 2000 sal-15 ta' Marzu, x'valur huwa kkalkolat li ttieħed, u kemm-il tomna ġiet hekk esproprjata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li mill-bidu tas-sena 2000 sal-15 ta` Marzu 2000 saru seba` (7) talbiet ġodda għall-esproprijazzjoni. L-ebda waħda minn dawn ma kienet għall-esproprijazzjoni ta` bini. Dwar it-tagħrif mitlub fl-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li f`dan l-istadju għadu m`huwiex magħruf peress li dawn l-esproprijazzjonijiet għadhom qegħdin jiġu pproċessati.
B'referenza għad-domandi parlamentari li saru preċedentement, jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk sarx xi żvilupp għar-rigward il-post hekk imsejjaħ Lower St Elmo fil-Belt, Valletta u hemmx għalhekk il-possibbilta' li partijiet minnha jinfetħu għall-pubbliku fis-sajf?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda żvilupp dwar il-post li rrefera għalih l-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru in vista tat-tweġibiet parlamentari preċedenti jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba mill-bidu tas-sena sal-lum kienx hemm żviluppi ġodda sabiex fl-aħħar jew jiġi ddentifikat sit alternattiv għal min qiegħed jokkupa din il-Fortizza ta' San Anard ġewwa x-Xgħajra jew jinħoloq arranġament differenti ma' min qiegħed jokkupa l-post preżentement?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda żvilupp dwar il-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm persuni żaru l-Mużew Marittimu ġewwa l-Birgu tul is-sena 1999, kemm żaruh sal-15 ta' Marzu, 2000 u jikkonsidrax li l-imsemmi mużew tul ix-xhur ta' Lulju, Awissu jibqa' miftuħ matul il-ġimgħa wara nofsinhar possibbilment sat-8.00 p.m.?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bejn Jannar u Diċembru 1999 il-Mużew Marittimu żaruh 36,910 persuni waqt li bejn l-1 u 15 ta' Marzu 2000 żaruh 1,750 persuna.
Jista' l-Ministru jieħu ħsieb li jqiegħed persuna sabiex tiftaħ ta' kuljum fil-ħinijiet normali ġewwa l-Auberge de France fil-Birgu billi din waħedha hija wkoll ta' attrazzjoni turistika u b'hekk tkun parti mill-bini li ħallewna il-Kavallieri li huma miftuħa għall-pubbliku?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-limiti ta' l-organizazzjoni eżistenti, tal-Mużewijiet għandhom diffikulta` biex it-talba ta' l-Onor. kollega tiġi milqugħa.
Tlabt li din il-proposta tibqa' tiġi konsidrata.
Jista' l-Ministru jiddeskrivi u jinforma lill-Kamra x'inhuwa n-natura tal-ftehim li permezz tiegħu Bieb s-Sultan ġewwa l-Kottonera ġie f'idejn l-fondazzjoni Wirt Artna?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li 'Bieb is-Sultan' ġie mogħti lill-Fondazzjoni Wirt Artna taħt titlu ta` 'encroachment'.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim relatat.
B'riferenza għall-aħħar domanda parlamentari fuq is-suġġett, jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra f'liema stadju wasal il-proġett li partijiet mill-belt tal-Birgu jitwaqqgħu biex flokhom jinbnew djar moderni u komdi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Birgu m'hemm ebda proġett tat-tip indikat billi din il-belt hija waħda storika u kull intervent irid ikun b'mod sensittiv ħafna. Mhuwiex kunsiljabbli li jitwaqqgħu postijiet sħaħ tal-belt speċjalment billi b'hekk jintilef il-karattru tagħha. Sal-llum hemm proġett wieħed ta' tliet appartamenti f'Triq il-Papa Alessandru li ma jistax jibda qabel toħroġ l-inkwilina li fil-fatt ġiet provduta b'akkomodazzjoni alternattiva mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra f'liema stadju kien wasal il-proġett tal-bini ta' 69 appartament ġewwa St. John Street, Bormla fl-15 ta' Marzu, 2000, u jistax ukoll fuq dan l-istess suġġett jinforma l-Kamra kemm intnefqu flus s'issa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol strutturali fuq l-ewwel fażi ta' 22 unit jinsab fi stadju avvanzat u għandu jkun lest (ġebel u saqaf) fi ftit żmien ieħor. Ix-xogħol bil-finishing b'kollox għandu jitlesta' lejn l-aħħar tas-sena. Ix-xogħol fuq it-tieni fażi mistenni jibda' sena oħra hekk kif l-aħħar residenti li baqa' jiġu provduti b'akkommodazzjoni alternattiva.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra x'riparazzjonijiet u xogħol sejjer isir ġewwa l-kumpless tal-bini ġewwa Tal-Ħawli li hemm taħt il-Kunsill Lokali tal-Birgu tul din is-sena u kemm spejjeż huwa maħsub li se jiġu minfuqa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-Housing Estate kollu kemm hu, allura ngħarrfu li għadna kemm ħriġna l-offerti biex jitkaħħlu l-blokki minn barra. Dan ix-xogħol hu stmat li ser jiswa Lm4,025.00.