B'referenza għad-domanda parlamentari nru. 15283 u l-oħra preċedenti, jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba hemmx l-probabbilita' li l-post storiku magħruf bħala Lower St Elmo fil-Belt Valletta jittieħed lura mid-dipartiment konċernat sabiex almenu jkun miftuħ huwa wkoll għall-pubbliku?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma kien hemm l-ebda żvilupp dwar il-post li rrefera għalih l-Onor. Interpellant u ma jidhirx li jista` jkun hemm żvilupp qabel ma jinstab post alternattiv għal dawk li jaħdmu l-karrijiet tal-karnival f`dan il-post.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm flus tħallsu f'kumpens għall-esproprijazzjonijiet tul is-sena 2000. i.e. sal 31 ta' Diċembru u jistax ukoll jiġi indikat f'liema snin l-artijiet imsemmija ġew effettivament meħuda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar 2000 u l-31 ta` Diċembru 2000 is-somma totali li tħallset għall-proprjeta` li ġiet esproprjata kienet ta` ħames miljuni, mitejn u sitta u tmenin elf, tmien mija u tlieta u sittin Lira Maltija (Lm5,286,863.00).
Din il-proprjeta` ittieħdet fis-snin indikati ma` kull kuntratt li sar fis-sena 2000, kif inhu indikat fuq il-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra bix-xogħol li beħsiebu jsir mill-Cottonera Rehabilitation Committee ġewwa l-kappella tas-Salvatur l-Kalkara u jistax ukoll jingħad kemm beħsiebu jintnefaq fuq dan?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-kappella tas-Salvatur ġewwa l-Kalkara huwa l-proġett ewlieni tal-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera fil-Kalkara. Ġie kkomissjonat studju ta' din il-kappella kemm mil-lat storiku u kemm mil-lat tar-restawr li hemm bżonn isir. Il-proġett kien approvat mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Issa jmiss li ssir it-tender biex isir ix-xogħol. Għad ma hemmx stima tax-xogħol li jrid isir.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra bix-xogħol li beħsiebu jsir mill-Cottonera Rehabilitation Committee ġewwa Pjazza Paolino Vassallo, Bormla u jistax ukoll jingħad kemm beħsiebu jintnefaq fuq dan?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera qed iħejju għal proġett ta' tisbiħ ta' Pjazza Paolino Vassallo, Bormla, bħala wieħed mill-proġetti għas-sena 2001. Il-pjanti għadhom qed isiru u għad ma hemmx stima tax-xogħol.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra bix-xogħol li beħsiebu jsir mill-Cottonera Rehabilitation Committee ġewwa l-Belt Sengleana b'attenzjoni għar-restawr tal-istatwa ta' San Mikiel u dak li ser jsir fuq il-mina ta' Sant Anna u jistax ukoll jingħad kemm beħsiebu jintnefaq fuq dan?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera lesta x-xogħol ta' restawr fuq l-istatwa ta' San Mikiel, liema xogħol sewa mat-tliet elef lira. Wara suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant li kellu l-appoġġ tal-Kunsill Lokali Isla qed jitħejjew pjani sabiex il-Mina ta' Sant'Anna u l-area ta' quddiemha tiġi restawrata u mtejba. Għad ma hemmx stima ta' dan ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra bix-xogħol li sar mill-Cottonera Rehabilitation Committee ġewwa l-Birgu senjatament fil-Courve Port, u t-toroq Boffa, Tramuntana u l-Kunsill popolari jistax ukoll jingħad kemm intnefaq fuq dan?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera għaddej b'diversi xogħlijiet li qed isiru l-Birgu. Bħalissa qed isiru xogħlijiet ta' restawr fuq iż-żewġ kavallieri (San Ġwann u San Ġakbu), qed tiġi restawrata faċċata ta' dar importanti li kienet okkupata qabel mill-Papas tal-Griegi (u li llum tintuża mill-Vittoriosa Stars), qed issir bankina fuq il-pont ta' Triq Boffa bil-qawwi, u qed isir il-paviment tal-belvedere tal-Couvre Porte. Dawn il-proġetti kollha huma stmati mat-tmenin elf lira. Barra minn hekk, hemm diversi pjani għas-sena d-dieħla inkluż il-kontinwazzjoni ta' pavimentar bil-qawwi fil-Collachio, restawr ta' aktar bini storiku u l-istħarriġ tal-possibbilta' li jinbena mill-ġdid it-Torri.
Jistax l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm għalliema u x'kwalifiki għandhom fl-iskola tal-Junior Lyceum Verdala, Bormla, kemm hemm studenti u f'liema klassijiet qedgħin, huwa possibbli li jiġi ndikat kemm hemm kotba ġewwa l-librerija ta' l-iskola u b'kemm żdiedu tul dawn l-aħħar snin u cioe' 1998, 1999 u 2000?
Huwiex wkoll possibbli li jiġi ndikat kemm flus f'manutenzjoni etc intefqu f'dawk is-snin 1998, 1999 u 2000?
Response (GALEA, LOUIS)
B'żieda mat-tweġiba diġa' mogħtija għal din il-Mistoqsija Parlamentari, informat li ġewwa l-librerija tal-Junior Lyceum Verdala, Bormla hemm:
Sena Total ta' kotba Żidiet Noti
Diċ. '98 4167 190 110 minnhom donazzjonijiet
Diċ. '99 4370 203 kollha donazzjonijiet
Nov. 2000 4419 49 39 minnhom donazzjonijiet.
Jistax l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm għalliema u x'kwalifiki għandhom fl-iskola ta' Lorenzo Gafa, Birgu? Kemm hemm studenti u f'liema klassijiet qegħdin, huwiex possibli li jiġi ndikat kemm hemm kotba ġewwa l-librerija ta' l-iskola u b'kemm żdiedu tul dawn l-aħħar snin u cioe' 1998, 1999 u 2000. Huwie ukoll possibli li jiġi indikat kemm flus f'manutenzjoni etc intefqu f'dawk is-snin 1998, 1999 u 2000?
Response (GALEA, LOUIS)
B'żieda mat-tweġiba diġa` mogħtija għal din il-Mistoqsija Parlamentari, informat li ġewwa l-librerija ta' l-iskola Lorenza Gafa' hemm:
Sena Total ta' kotba Żidiet Noti
Diċ. '98 775 72 47 minnhom donazzjonijiet
Diċ. '99 1138 363 338 minnhom donazzjonijiet
Nov. 2000 1175 37 kollha donazzjonijiet.
Jista l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx proċeduri pendenti l-Qorti in konnessjoni mal-ħlas tal-kumpens offrut fl-esproprijazzjonijiet u kemm ġew istitwiti proċeduri ġodda f'din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi b`kollox hemm 169 każi quddiem il-Bord ta` l-Arbitraġġ. Din is-sena hemm 49 każijiet ġodda.
B'referenza għad-domanda parlamentari nru. 4332, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar xi progress u xogħlijiet saru in konnessjoni mal-Villa Rumana fir-Rabat u x'hemm maħsub għall-futur ta' dan il-post?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din is-sena saru numru ta' interventi ta' manutenzjoni fuq il-bini tal-Villa Rumana, ir-Rabat, biex l-ilma tax-xita ma jitħallix jinfiltra ġewwa, kif ukoll għar-raġunijiet ta' sigurta`.
Id-Dipartiment tal-Mużewijiet ikkommissjona studju fuq l-istat strutturali tal-bini u soqfa ta' dan is-sit.
Is-sena d-dieħla d-Dipartiment ser jimxi fuq ir-rapport ta' dan l-istudju biex jinbdew numru ta' interventi dwar il-konservazzjoni ta' dan is-sit biex jittejbu l-istruttura u s-servizzi tiegħu.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar xi progress sar fil-proġett ta' l-iskavi ta' Tas-Silġ ġewwa M'Xlokk u jgħid wkoll jekk kemm-il darba bdewx proċeduri sabiex it-triq tiġi mibdula u flok tgħaddi minn ġewwa l-post tgħaddi minn madwaru?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fir-rigward ta' Tas-Silġ (Marsaxlokk) id-Dipartiment ilu mill-1995 jiżviluppa proġett ta' kollaborazzjoni ma' tliet Universitajiet Taljani - jiġifieri dawk ta' La Sapienza (Ruma), La Cattolica (Milan) u dik ta' Lecce - għall-istudju u s-salvagwardja ta' dan is-sit arkeoloġiku.
Din il-kollaborazzjoni għandha bħala għan aħħari, kemm it-tlestija tar-riċerka fuq dan is-sit kif ukoll lil-konservazzjoni u l-aċċess għall-pubbliku ta' dan il-monument daqstant importanti.
Dan il-proġett qed jiġi żviluppat anke permezz ta' fondi provduti mill-Ministeru ta' l-affarijiet Esteri tal-Gvern Taljan li din is-sena ipprovda għotja ta' Liri Taljani 80,000,000 biex jibda ix-xogħol ta' konservazzjoni fuq dan is-sit. Dan ix-xogħol fil-fatt inbeda bl-għajnuna teknika ta' l-Istituto Centrale per il Restauro ta' Ruma, bil-konsolidazzjoni u r-restawr tal-pavimenti antiki tat-Tempju ta' Tas-Silġ.
Fil-futur qrib huwa maħsub li x-xogħol ta' konservazzjoni jitkompla bir-restawr tal-ħitan antiki ta' dan l-istess Tempju.
Minn naħa tiegħu d-Dipartiment tal-Mużewijiet investa mas-Lm7,000 f'xogħol ta' emerġenza fuq is-sit ta' Tas-Silġ, kif ukoll f'xogħol ta' titjib ta' l-infrastruttura strutturali li tinsab ġewwa din iż-żona arkeoloġika.
Il-pjan għat-tmexxija tat-triq minn ġewwa s-sit ta' Tas-Silġ ġie diskuss mad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet u tlesta l-abbozz ta' proġett. Huwa maħsub li dan il-pjan jinbeda f'fażi aktar avvanzata tal-Proġett billi huwa ta' inqas priorita` mix-xogħol ta' restawr kurrenti.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hemmx proġett maħsub jew li qiegħed jiġi studjat għar-rijabilitazzjoni tal-post qabel jiġi okkupat w użat minn stazzjon barrani ġewwa Delimara f'Marsaxlokk?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Hemm pjani, għall-futur, li f'din l-area jsir park nazzjonali.
Valletta Rihabilitation Project — Knisja tal-Ġiżwiti
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar x'xogħlijiet saru fil-Knisja tal-Ġiżwiti l-Belt mill-Valletta Rihabilitation Project u kemm intefqu flus fuq dan? Jista' wkoll jiġi indikat x' ser jsir aktar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet li saru fil-Knisja tal-Ġiżwiti l-Belt mill-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta u kemm intnefqu flus fuqhom għal din is-sena huma kif ġej:
XOGĦLIJIET NEFQA
Restawr tal-Knisja minn ġewwa Lm16,372.61
Manutenzjoni tad-dawl Lm 441.25
Restawr ta' żewġ pitturi kbar Lm 460.00
Restawr ta' l-Istatwa tal-Madonna Lm 240.00
Fil-futur qarib, ser jiġi restawrat il-kampnar tal-Knisja, kif ukoll ser jiġu restawrati tliet artali fil-Knisja.
B'referenza għad-domanda parlamentari nru. 15281, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hemmx il-probabilita jew l-possibilita li fil-futur qarib il-parti ta' Triq ir-Regatta, Bormla li qiegħda f'idejn il-Gvern in possession and use tiġi issa esproprijata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-parti ta` Triq ir-Regatta Bormla diġa` hija esproprjata taħt it-titolu ta` "possession and use". Naħseb li l-Onorevoli Membru qiegħed jitlob illi t-titolu ta` "possession and use" jinbidel għal titolu ta` xiri assolut.
L-Onor. Interpellant japprezza d-diffikulta` li wieħed jikkonverti il-"possession and use" kollha f`titolu ta` akkwista assolut. Kien għalhekk li l-Gvern preżenti bħala regola ma ħareġ ebda "possession and use" wara l-1987. Il-każijiet ta` qabel l-1987 ma ntmessewx.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari nru. 961 u 3344 u dawk sussegwenti, jista' l-Ministru jinforma l-Kamra x'kienet ħidmet l-Malta Society of Arts, Manufactures & Commerce ġewwa Palazzo De La Salle, l-Belt tul is-sentejn u jistgħax ukoll jiġi elenkat kemm spejjeż intefqu fil-manutenzjoni u restawr tal-bini?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ħidmet il-Malta Society of Arts, Manufactures and Commerce tul is-sentejn kien kif ġej:
Studenti
1999 2000
Klassijiet tax-Xitwa Ottubru/Ġunju 580 870
Klassijiet tas-Sajf Lulju/Settembru 650 920
Kandidati
1999 2000
Teorija Prattika Teorija Prattika
Eżamijiet tal-London College of Music
Thames Valley University 657 641 749 659
Numru ta' Kunċerti, Wirjiet u
Attivitajiet oħra
1999 2000
Kunċerti 14 12
Wirjiet ta' l-Arti 13 5
Wirjiet tas-Snajja' 4 7
Spejjeż
1999 2000
Lm Lm
Manutenzjoni u Restawr
Mis-Soċjeta` 848 565
31.10.00)
Sa issa sar xogħol ta' restawr fil-livell sotterran u xi xogħol ta' manutenzjoni f'partijiet oħra tal-Palazz. Dan ix-xogħol sar permezz ta' ħaddiema tat-Taqsima tar-Restawr (Ministeru ta' l-Ambjent), u għalhekk in-nefqa kienet biss ta' xiri ta' materjal.
B'referenza għad-domanda parlamentari preċedenti nru. 2482, jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba hemmx xi tibdil fil-ħsieb u hemm issa l-bidu ta' proġett lejn għassa ġdida u tajba għall-pulizija ġewwa l-Fgura?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi għalissa għad m`hemmx ħsieb għal xi tibdil f`din l-Għassa.
B'referenza għad-domanda parlamentari preċedenti nru. 2484, jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba tul is-sena 1999 kienx hemm aktar jew inqas minn 16,613 ta' kirjiet u ċnus li jiġu riċevuti mil-Lands Department li ma jaqbżux l-mitt lira u jistgħax ukoll jiġi indikat kemm huma ċnus u kemm kirjiet u kemm flus jidħlu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 1999, in-numru ta` kirjiet u ċnus li jitħallsu fid-Dipartiment tal-Artijiet u li ma jaqbżux il-mitt lira (Lm100.00) kien ta` 18,409. Il-valur totali ta` dawn il-kirjiet u ċnus jammonta għal Lm624,374. Dawn kienu mqassma hekk :
Kirjiet: 13,343 - Lm475,858
Ċnus Temporanji: 981 - Lm 25,817
Ċnus Perpetwi: 4,085 - Lm122,699
Dan in-numru jinkludi kirjiet u ċnus dwar flats, djar u plots li jiġu allokati mid-Dipartiment tas-Social Housing u l-Awtorita` tad-Djar.
B'referenza għall-aħħar domandi parlamentari fuq is-suġġett nru. 1989, jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm illum persuni li qegħdin reġistrati mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali li għandhom bżonn post alternattiv ġewwa r-raħal tax-Xgħajra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu 14 applikazzjoni minn persuni li joqgħodu x-Xgħajra.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba huwiex possibbli fil-futur qasir l-Auberge De France ġewwa l-Birgu jinfetaħ għal pubbliku issa li ċ-ċwievet tal-post qedgħin lura f'idejn id-Dipartiment konċernat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħal issa fl-Auberge de France m'hemm xejn x'jintwera lill-pubbliku għajr il-bini nnifsu. Dan il-bini jinsab ukoll mingħajr dawl elettriku u għalhekk huwa perikoluż li wieħed jimxi f'ċerti partijiet tal-berġa.
Barra minn dan mhuwiex possibbli għad-Dipartiment tal-Mużewijiet li jqiegħed persuna mal-post minħabba n-nuqqas ta' riżorsi umani.
Madanakollu jekk xi ħadd jixtieq jara dan il-bini jista' jikkuntattja lill-assistent kuratur tal-Palazz ta' l-Inkwiżitur.
Sadanittant beħsiebni nassigura li s-sena d-dieħla d-Dipartiment tal-Mużewijiet jagħti l-pariri esperti tiegħu dwar l-aħjar użu u tmexxija ta' dan il-wirt importanti f'pajjiżna.
B'referenza għad-domanda parlamentari preċedenti nru. 963, jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba huwiex possibbli li r-rapport li kien sar rigward l-istat tat-triq Santa Liberata, l-Kalkara jiġi mwettaq billi hemm bżonn urġenti tagħha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-ispezzjoni li saret mit-tekniċi tad-Dipartiment jirriżulta li t-triq hija wiesgħa wisq għall-bżonnijiet tal-lokal, u għalhekk ikun tajjeb kieku jsir pjan illi jiddetermina il-karreġjata għall-vetturi u joħloq spazju għall-bankini u wkoll xi cycle tracks għall-użu tal-pubbliku li jmur fil-lokalita' biex iqattgħu ftit ħin rekrejattiv fil-weekends f'dan il-post.