Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kotba bil-lingwa Taljana inxtraw tul is-sena 2000 għal-librerji pubbliċi, kemm intefqu flus fuqhom u kemm minn dawn għaddew lill-librerija regjonali tal-Birgu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul is-sena elfejn ġew mixtirja 143 ktieb bl-ilsien Taljan, għal-libreriji pubbliċi. Dawn swew l-ammont ta' Lm227. Minn dawn il-kotba, 25 għaddew lil-librerija reġjonali tal-Birgu.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kotba bil-lingwa Ingliża inxtraw tul is-sena 2000 għal-librerji pubbliċi, kemm intefqu flus fuqhom u kemm minn dawn għaddew lill-librerija regjonali tal-Birgu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul is-sena elfejn ġew mixtirja 6010 kotba bl-ilsien Ingliż, għal-libreriji pubbliċi. Dawn swew l-ammont ta' Lm9155. Minn dawn il-kotba, 261 għaddew lil-librerija reġjonali tal-Birgu.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kotba bil-lingwa Ġermaniża nxtraw tul is-sena 2000 għal-librerji pubbliċi, kemm intefqu flus fuqhom u kemm minn dawn għaddew lill-librerija regjonali tal-Birgu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul is-sena elfejn ġew mixtirja 98 ktieb bl-ilsien Ġermaniż, għal-libreriji pubbliċi. Dawn swew l-ammont ta' Lm158. Minn dawn il-kotba, 14 għaddew lil-librerija reġjonali tal-Birgu.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra x'xogħlijiet jonqsu li jsiru ġewwa l-iskola Lorenza Gafa, u jistgħux jiġu indikati jekk kemm-il darba tteħdux passi legali kontra d-dewmien imprevist?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-Iskola Sekondarja Lorenzo Gafa' fil-Birgu jonqos isiru xogħlijiet ta' servizzi elettriċi u mekkaniċi li għalihom diġa` ġie mogħti kuntratt relattiv. Sejra tkun ippubblikata offerta għal xogħlijiet ta' finitura fuq il-blokk il-ġdid li nbena diġa`. Ma jidhirx li hu l-każ li d-Dipartiment tal-Kuntratti għandu jieħu passi legali kontra d-dewmien imprevist peress li saru xogħlijiet addizzjonali fuq kuntratt għal xogħlijiet ta' ġebel u konkos li fih kien hemm ukoll xogħlijiet ta' finitura li, peress li kien hemm varjazzjoni sostanzjali b'riżultat ta' problemi estensivi strutturali, id-Dipartiment tal-Kuntratti jippreferi li tiġi ppubblikata offerta ġdida għax-xogħlijiet li fadal.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li jsir rapport peritali fuq x-xogħlijiet li hemm bżonn isiru ġewwa Triq Bormla Wharf, Bormla in vista ta' l-umdita' u inkonvenjenti kbar li r-residenti qegħdin ibatu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari nru. 2352 u dawk sussegwenti, jista' l-Ministru jinforma l-Kamra x'progress sar għar-rigward l-Fortizza Della Grazja ġewwa x-Xgħajra billi din għandha bżonn ta' restawr tajjeb u immedjat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li, kif kien imfisser fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 11844, l-isem korrett ta' l-hekk imsejħa Fortizza della Grazzja huwa fil-fatt It-Torri tat-Triq il-Wiesgħa u tinsab fil-limiti tal-Kunsill Lokali ta' Marsaskala.
It-Torri tat-Triq il-Wiesgħa (li ta' spiss tissejjaħ bi żball bħala "della Grazzja") hija fortifikazzjoni ta' żmien l-ordni ta' San Ġwann iżda li sofriet matul iż-żminijiet ħafna ħsarat kif rappurtat fir-risposta partalmentari 11844.
Fil-11 ta' Ottubru 2000 il-Kunsill ta' Marsascala kiteb lid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet sabiex jinbeda x-xogħol ta' restawr fuq dan il-bini storiku.
Informat ukoll li d-Diviżjoni tax-Xogħlijiet, li huwa l-enti responsabbli għar-restawr tal-monumenti arkitettoniċi fil-propjeta` tal-Gvern - ħa nota ta' din ir-rikjesta u daħħal dan il-monument fil-programm tiegħu għal fortifikazzjonijiet li jeħtieġu xogħol ta' restawr. Jidher ukoll li enti privat qed jieħu interess fir-restawr ta' dan il-bini, għalkemm s'issa ma ntlaħaq ebda arranġament.
Ta' min jinnota li l-Fortizza della Grazzja kienet teżisti fil-limiti tax-Xgħajra imma din m'għadhiex teżisti billi ġiet imwaqqa fiż-żmien l-Ingliżi.
Fix-Xgħajra teżisti wkoll l-hekk imsejħa Batterija della Grazzja, li huwa bini ta' żmien l-Ingliżi. Ninsab informat illi d-Dipartiment tax-Xogħlijiet ma rċieva ebda rikjesta, jew proposta għar-restawr ta' din il-Batterija.
In vista tad-diversi nies li jixtiequ li jixtru proprjeta' mingħand il-gvern, jikkonsidra l-Ministru li jsir studju mill-Kummissarju ta' l-Artijiet sabiex jiġu identifikati siti ta' proprjeta' li preżentement qegħdin f'idejh taħt it-titolu ta' possession and use sabiex dawn jiġu meħuda b'titolu ta' proprjeta' assoluta u sussegwentement mibjugħa lil terzi persuni li qegħdin jabitaw fihom?
Dipartiment ta' l-Artijiet — Esproprjazzjoni ta' Art
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm qiegħed iħallas flus il-Kummissarju ta' l-Artijiet f'proprjetajiet li qegħdin f'idejh taħt it-titolu ta' possession and use taħt l-esproprjazzjoni?
B'riferenza għad-domanda parlamentari nru. 2352 u dawk l-oħra sussegwenti jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba sarx rapport rigward il-Fortizza Della Grazja ġewwa x-Xgħajra billi din għandha bżonn ta' restawr tajjeb u immedjat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Batterija della Grazzja fix-Xagħjra (u mhux il-Fortizza della Grazzja liema bini m'għadux jeżist) qiegħed f'idejn il-Kunsill Lokali tax-Xagħjra.
Dan il-Kunsill Lokali għamel applikazzjoni għar-restawr ta' din il-fortizza ma' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar (PA No. 0394/00) Id-Diviżjoni tax-Xogħlijiet u d-Dipartiment tal-Mużewijiet qed jaħdmu f'kollaborazzjoni fuq din il-proposta sabiex tassigura li x-xogħol ikun ta' livell sodisfaċenti.
Id-Dipartiment tal-Mużewijiet jikkunsidra din l-inizjattiva tal-Kunsill Lokali tax-Xagħjra f'dawl pożittiv u lest jikkunsidra mezzi sabiex jikkolabora mal-kunsill lokali f'dan il-proċess.
B'riferenza għad-domanda parlamentari preċedenti, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hemmx konklużi issa l-proċeduri għal aġġudikar u bidu tat-twettiq ta' Triq Hompesch, Fgura?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s-sejħa għall-offerti għal xogħol f`din it-triq għalqet fl-aħħar ta` Diċembru 2000, wara li kellha toħroġ mill-ġdid, u t-tender qegħda tiġi vvalutata sabiex ikun jista` jingħata l-kuntratt.
B'riferenza għad-domandi parlamentari preċedenti, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba sarx aktar indaġni fuq il-bżonn veru, ta' poplazzjoni li qiegħda dejjem tiżdied ġewwa l-Fgura, sabiex tgħin biex twassal ħalli tiġi meħuda deċiżjoni pożittiva li jkun hemm ċentru postali adegwat?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li mill-aħħar stħarriġ li sar, jirriżulta li r-residenti tal-Fgura huma moqdija tajjeb bis-Sub-Post Office li hemm fi Triq Hompesch. Dan is-Sub-Post Office joffri ħafna mis-servizzi postali li normalment jinkisbu minn fergħa tal-Posta.
Madanakollu is-sitwazzjoni f'dan ir-rigward tiġi riveduta minn żmien għal żmien.
B'riferenza għad-domandi parlamentari preċedenti kollha, jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba hemmx xi tibdil fil-ħsieb u hemmx issa l-bidu ta' proġett lejn għassa ġdida u tajba għall-pulizija ġewwa l-Fgura?
Response (BORG, TONIO)
It-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 21186 għadha tgħodd.
B'referenza għad-domanda parlamentari nru. 15282, jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm proċeduri għall-esproprijazzjoni ta' art u bini nbdew matul is-sena 2000 sal-31 ta' Diċembru, u jistax jiġi indikat x'valur huwa kkalkolat li ttieħed u kemm-il tomna ġiet hekk esproprijata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000 ġew ippublikati erbgħa u erbgħin (44) Dikjarazzjoni tal-President għal esproprijazzjonijiet ġodda. Minn dawn, erbgħin (40) kienu jirrigwardjaw art u erbgħa (4) jirrigwardjaw bini. L-"Area" totali ta` art li ġiet dikjarata hija ta` 100,552 metri kwadri (89.45 tomna), filwaqt li l-valur totali ta` l-esproprijazzjonijiet kif stmati fis-sena 2000 huwa ta` Lm2,138,867.00
B'referenza għad-domanda parlamentari nru. 11595, jista' l-Ministru jinforma l-
Kamra, x'xogħol sar tul is-sena 2000 fuq l-Palazz tal-Gran Mastri fl-Imdina fejn kien hemm l-Mużew ta' l-Istorja Naturali u jistax jiġi wkoll indikat f'liema stadju wasal illum?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul is-sena 2000, tbajdet il-bitħa interna u l-loġġja interna tal-Palazz tal-Gran Mastru fl-Imdina fejn hemm il-Mużew ta' l-Istorja Naturali u bdiet ukoll it-tiswija fuq is-soqfa ta' l-istess palazz.
B'referenza għad-domanda parlamentari nru. 11596, jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba l-Latin huwiex jiġi mgħallem għas-sena akkademika 2000/2001 fl-iskejjel sekondarji u jekk iva, kemm hemm studenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskejjel Sekondari tal-Gvern, matul is-sena akkademika 2000/2001, ma kienx hemm studenti li talbu biex jiġu mgħallma l-Latin.
B'referenza għad-domanda parlamentari nru. 11598, jista' l-Viċi Prim Ministru jindika s-servizz previst li jingħata mill-Awtorita' tad-Djar fil-Kunsilli Lokali ta' Bormla, l-Birgu, Senglea u Kalkara tul is-sena 2001?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
B'referenza għad-domanda parlamentari numru 11601, jista' l-Ministu jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba x-xogħol hemm imsemmi huwiex kontemplat li jsir fil-futur qarib?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li m'għandix tagħrif ġdid x'inżid mat-tweġiba oriġinali, ser niġbed l-attenzjoni tal-Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru tar-Restawr dwar ix-xogħol imsemmi bl-iskop li jiġi konsidrat tħaffif tax-xogħol.
B'referenza għad-domanda parlamentari numru 5155, jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba l-Ġappuniż ġiex mgħallem fl-iskejjel sekondarji tul is-sena elfejn u jekk le hemmx il-ħsieb li dan jibda jseħħ fil-futur qarib?
Response (GALEA, LOUIS)
Ir-risposta hi fin-negattiv. Jien qed niddiskuti l-possibilita` ta' twaqqif ta' Istitut tal-Lingwi li jiġi mogħti l-inkarigu li joffri korsijiet f'numru ta' lingwi bħal Ġappuniż, Russu, Ċiniż u Għarbi, minbarra lingwi oħra li diġa` qed jiġu mgħallma fl-iskejjel sekondarji.
B'referenza għad-domand parlamentari numru 5154, jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba l-Grieg klassiku ġiex mgħallem fl-iskejjel sekondarji tul is-sena elfejn u jekk le hemmx il-ħsieb li dan jibda jseħħ fil-futur qarib?
B'referenza għad-domanda parlamentari numru 15284 u dawk preċedenti, jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba kienx hemm żvilupp pożittiv għal dak li għandu x'jaqsam mal-Fortizza ta' San Anard, x-Xgħajra u din tistax tiġi lura f'idejn id-dipartiment?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma kien hemm l-ebda żvilupp dwar il-post li rrefera għalih l-Onor. Interpellant.