Legislature:
Category:
Reset
Active:

Siġar — Protetti bil-Liġi

Question

Jista' l-Ministru jinformani x'tip ta' siġar huma protetti bil-liġi u kemm fin-numru jitqiesu bħala masġar? Jista' jikkonferma wkoll jekk speċifikament is-siġra tal-prinjol tistax tiġi maqlugħa u mħawla f'post ieħor meta tikkonsidra li jkollha tant żmien u li ħafna esperimenti ta' dan it-tip ma arnexxewx?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-Att Legali 12 ta' 2001 maħruġ mill-Ministeru għall-Ambjent bi ftehim mal-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd jipproteġi siġar lokali li jikkonsistu fi 11 il-ġimnospermi u 45 il-anġjospermi fi skeda I u skeda II li tinkludi kemm siġar imħarrsa u kif ukoll dawk imħarrsin strettament. Din il-liġi "masġar" tfisser dawk l-inħawi fejn jikbru mhux anqas minn għoxrin siġra, sew jekk dwan jikbru b'mod naturali, sew jekk ikunu tħawlu, kemm fuq art pubblika kemm fuq art privata. It-trasferiment tas-siġar tal-prinjol ġeneralment jirnexxi l-iktar meta dawn ikunu għadhom żgħar kemm fl-eta' kif ukoll fid-daqs, biss jiddependi wkoll minn fatturi ta' tip ta' ħamrija li tinsab fiħ is-siġra, xi stress jew mard li tkun għaddiet minnu u l-kura li tingħata wara li terġa' tiġi mħawwla. M'hemm l-ebda regola ġenerali fuq is-suċċess li jista' jinkiseb minn dan l-eżerċizzju għax prattikament kull każ irid jiġi trattat skond il-meriti tiegħu.

Birgu — Kunsill Lokali - Fondi

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm flejjes ġew allokati lill-Kunsill Lokali, Birgu mill-bidu tiegħu sena b'sena, inklużi u possibilment separatament, fondi speċjali u kemm-il ftehim sar ma' l-istess bil-pjan tal-Gvern għad-devoluzzjoni akbar tal-poter?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. L-informazzjoni ghall-ewwel parti ta` dil-mistoqsija inghatat bhala parti mit-twegiba ghal PQ 23680. Rigward aktar poteri, l-Kunsilli Lokali Birgu ma ssottometta l-ebda talba ghad-devoluzzjoni ta` proprjeta` ppublika pero` fil-15 ta` Frar 2001 il-Kunsilli Lokali Birgu ha f`idejh it-tmexxija tal-Librerija Regjonali fil-Birgu, skond ftehim li kien sar mad-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji.
Leg 9 PQ #23767 Sitting 503 2001-02-26 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Isla

Question

B'riferenza għad-domanda parlamentari nru. 11914, jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm studenti reġistrati fl-iskola primarja Senglea u possibilment billi jiġu indikati s-sess tagħhom sena b'sena kif ukoll kemm hemm għalliema?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li studenti reġistrati fl-iskola Primarja ta' l-Isla hemm: Subien Bniet Total Kinder 1 15 12 27 Kinder 2 33 28 61 Year 1 19 14 33 Year 2 19 23 42 Year 3 20 27 47 Year 4 24 12 36 Year 5 20 24 44 Year 6 19 23 42 TOTAL 169 163 332 Informat ukoll li numru ta' Għalliema hu 12 u Kindergarten Assistants hemm 6.
Leg 9 PQ #23769 Sitting 503 2001-02-26 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Cottonera Rehabilitation

Question

Briferenza għad-domanda nru. 17105, jista' l-Ministru jikkonsidra li jibgħat rappreżentant minn ħdan il-Cottonera Rehabilitation sabiex jara jekk kemm-il darba huwiex possibbli li l-ħadid mitluq u ħażin li hemm tul Bastion Str, Senglea jitneħħa billi qiegħed jagħmel ħsara lis-swar?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-proposta ta' l-Onorevoli Interpellant kienet mgħoddija lill-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera biex jieħdu l-miżuri neċessarji.

Żabbar — Triq San Leonardu

Question

Jista' l-Ministru jara li arblu tal-injam li għadu preżentement użat għad-dawl u ħwejjeġ oħra li jinsab ġewwa Triq San Leonardu Żabbar faċċata tal-club tal-boċċi jitneħħa billi huwa ta' periklu?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.

Żabbar — Problema ta' Kurrent Baxx

Question

Jistax l-Ministru jinvestiga problema ta' kurrent baxx ta' l-elettriku ġewwa Triq il-Magħsar, Żabbar billi numru ta' residenti għaddejjin minn ħafna diffikultajiet inklużi ħsarat f'makkinarju eletroniku. Jikkonsidrax li jiġi utilizzat aħjar is-sub-station li hemm ġewwa Triq il-Liftija, wkoll f'Ħaż-Żabbar?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Leg 9 PQ #23672 Sitting 498 2001-02-19 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Triq il-Berebies, Żabbar — Drenaġġ

Question

Jistax l-Ministru jgħid issa li kien beda x-xogħol tad-drenaġġ ġewwa Triq il-Berebies, Żabbar meta dan ser jitkompla u għala dan waqaf billi dan il-waqfien qiegħed jżomm lura xogħol ieħor fit-triq?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tad-Drenaġġ qed jistenna risposta fuq easement sabiex ikun jista' jgħaddi minn propjeta privata. Malli jiġi ppubblikat l-easement ikunu jistgħu jgħaddu bil-katusi tad-drenaġġ fi Triq il-Berebies.
Leg 9 PQ #23673 Sitting 498 2001-02-19 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Triq il-Farfett tal-Fejġel — Drenaġġ

Question

Jistax l-Ministru jgħid meta ser jinbeda ix-xogħol tad-drenaġġ ġewwa Triq il-Farfett tal-Fejġel, Żabbar u dan billi qiegħed jkun ta' inkonvenjent kbir ġewwa d-djar tar-residenti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tad-Drenaġġ qed jistenna risposta fuq easement sabiex ikun jista' jgħaddi minn propjeta privata. Malli jiġi ppubblikat l-easement ikunu jistgħu jgħaddu bil-katusi tad-drenaġġ fi Triq il-Farfett tal-Fejġel.

Djar — Kunsill Lokali

Question

B'referenza għad-domanda parlamentari nru. 11598, jista' l-Viċi Prim Ministru jindika s-servizz previst li jingħata mill-Awtorita' tad-Djar fil-Kunsilli Lokali ta' Bormla, l-Birgu, Senglea u Kalkara tul is-sena 2001?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li uffiċċjali mill-Customer Care Unit ta' l-Awtorita' tad-Djar qiegħdin jattendu l-Kunsill Lokali ta' Bormla kull l-ewwel Tnejn tax-xahar, u l-Kunsill Lokali tal-Fgura kull tieni Tnejn tax-xahar, bejn is-2.00 u l-4.00 ta' wara nofs in-nhar. Bi ftehim mal-Kunsill Lokali ta' Bormla, residenti tal-Birgu, l-Isla u l-Kalkara jistgħu jirrikorru f'dan il-Kunsill biex ikellmu lill-uffiċċjali tal-Customer Care Unit ta' l-Awtorita'.
Leg 9 PQ #22736 Sitting 474 2001-01-23 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

Artijiet — Esproprjazzjoni - Ref. No. L58/62/48

Question

Jista' l-Ministru in vista tad-domanda parlamentari nru. 19719 u dik sussegwenti jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba kienx hemm progress fil-file nru. L58/62/48 għar-rilaxx ta' l-art imsemmija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Universita` għadha ma tat l-ebda tweġiba lid-Dipartiment ta` l-Artijiet dwar dan il-każ.
Leg 9 PQ #22740 Sitting 474 2001-01-23 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

Fortizzi

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar kemm għad hemm fortizzi li jinsabu preżentement f'idejn il-privat u jistax jiġi indikat taħt liema titolu legali qiegħed jiġi miżmum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Fortizzi f`Malta u Għawdex li fil-preżent jinsabu f`idejn il-privat u t-titolu legali li taħtu qed jiġu miżmuma huma dawk murija fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #22707 Sitting 473 2001-01-22 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

B'Buġia — Preistoriku

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol sar tul is-sena li għaddiet fuq is-sit pre-istoriku f'B'Buġia magħruf bħala "Borġ in-Nadur" jiġi użat aħjar u adattat bħala attrazzjoni turistika?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li tul is-sena li għaddiet, is-sit kien taħt il-ħarsien tad-Dipartiment li jintervjeni f'każ ta' periklu għall-fdalijiet arkejoloġiċi. Tul is-sena kien hemm ukoll bosta interventi biex jitneħħa l-ħaxix li jikber madwar it-tempju pre-istoriku.
Leg 9 PQ #22714 Sitting 473 2001-01-22 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Forti Rikasoli

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol ta' restawr sar ġewwa l-Forti Rikasoli l-Kalkara tul dawn l-aħħar snin u jekk hemmx il-ħsieb li din tkun miftuħa għall-pubbliku?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul is-sena li għaddiet ġewwa l-Forti Rikasoli sar it-tibdil tas-soqfa (Barracks) kif ukoll xi xogħlijiet ta' tberfil fuq il-fili tal-knisja li hemm ġewwa l-forti stess. Dan ix-xogħol sar kollu kemm hu mit-taqsima tar-restawr tal-Ministeru ta' l-Ambjent, liema sezzjoni hija responsabbli għar-restawr ta' bini storiku. Huwa maħsub li fiż-żmien li ġej se jsir aktar xogħol ta' restawr ġewwa din il-Foti. Dan ix-xogħol ser isir ukoll mill-Ministeru ta' l-Ambjent.

Xgħajra — Asfaltar

Question

Jista' l-Ministru jinkariga rappreżentanti tad-dipartiment tat-toroq sabiex jieħdu ħsieb jagħmlu rapport dwar l-istat tat-toroq Carmelo Ritchie u Carmelo Penza ġewwa r-raħal tax-Xgħajra sabiex wieħed jara jekk jistgħux jiġu asfaltati?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex isiru l-inspections u r-rapport mitlub mill-Onor. Interpellant.

Żabbar — Asfaltar

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba it-toroq Papa Alessandru u Triq il-Baħrija ġewwa Ħaż-Żabbar humiex sejrin jiġu asfaltati tul din is-sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-kuntratt biex tiġi asfaltata Triq Papa Alessandru ingħata u x-xogħol jibda dan ix-xahar. Triq il-Baħrija hija diġa asfaltata u kwalunkwe xogħol ta' manutenzjoni fiha jsir mill-Kunsill Lokali.

Dawret ix-Xatt tax-Xgħajra

Question

Jista' l-Ministru jinkariga rappreżentanti tad-Dipartiment tat-Toroq sabiex jieħdu ħsieb jagħmlu rapport fuq l-istat tat-triq Dawret ix-Xatt tax-Xgħajra sabiex l-aħħar parti tagħha fejn hemm l-abitat issir asfaltat?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għad-domanda parlamentari Nru. 22717 li ser ikopri l-bżonnijiet fuq din it-triq ukoll.

Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim-Ministru b'referenza għad-domanda parlamentari preċedenti nru. 18659 jinkariga persuni ġewwa d-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali sabiex, wara li jaraw kemm nies ġewwa l-Fgura jibbenefikaw mill-istess dipartiment, jistudjaw il-possibbilta' li jsir uffiċċju adatt għall-ħtiġijiet tar-residenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant ser jiġi kkunsidrat.

Arloġġ

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx xi diffikulta' sabiex l-arloġġ installat mill-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku f'Gavinu Gulija, Bormla jibda jaħdem?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li nhar il-Ħamis, 11 ta' Jannar 2001, saret laqgħa fuq il-post fejn hemm l-arloġġ installat bejn uffiċjal ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku u rappreżentanti tal-Kunsill Lokali. Ġie stabbilit li l-ħsara li hemm ser tiġi rranġata fl-iqsar żmien possibbli, u b'hekk l-arloġġ imsemmi jerġa jibda jaħdem.
Leg 9 PQ #22695 Sitting 472 2001-01-19 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kotba ta' Lingwa Franċiża

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kotba bil-lingwa Franċiża nxtraw tul is-sena 2000 għal-libreriji pubbliċi, kemm intefqu flus fuqhom u kemm minn dawn għaddew lil-librerija reġjonali tal-Birgu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul is-sena elfejn ġew mixtirja 142 ktieb bl-ilsien Franċiż, għal-libreriji pubbliċi. Dawn swew l-ammont ta' Lm224. Minn dawn il-kotba, 21 għaddew lil-librerija reġjonali tal-Birgu.
Leg 9 PQ #22700 Sitting 472 2001-01-19 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kotba ta' Lingwa Spanjola

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kotba bil-lingwa Spanjola inxtraw tul is-sena 2000 għal-librerji pubbliċi, kemm intefqu flus fuqhom u kemm minn dawn għaddew lill-librerija regjonali tal-Birgu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul is-sena elfejn ġew mixtirja 28 ktieb bl-ilsien Spanjol, għal-libreriji pubbliċi. Dawn swew l-ammont ta' Lm58. Minn dawn il-kotba, 3 għaddew lil-librerija reġjonali tal-Birgu.