Jista' l-Ministru b'referenza għad-domanda nru 8643 jinforma lill-Kamra dwar jekk hemmx il-ħsieb li jidħol apparat tat-telephone pubbliku permezz tal-credit card fuq bażi reġolari u kull fejn jaqbel?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li wara stħarriġ li għamlet il-Maltacom dwar il-proposta ta' l-Onorevoli Membru, u fid-dawl tal-fatt li s-suq tal-payphones huwa liberalizzat, il-Kumpanija ma tħossx li għandha tintroduċi dan is-servizz għalissa. Madanakollu ma teskludix li tidħol f'dan il-qasam fiż-żmien opportun.
Il-Maltacom dejjem lesta tikkunsidra faċilitajiet ġodda kif u meta dawn jidħlu fis-suq, iżda l-introduzzjoni ta' dawn il-faċilitajiet tiddependi minn ħafna fatturi, mhux l-anqas l-ispiża u l-validita' tal-prodott għas-suq Malti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li jiżdied t-tħawwil tar-rożmarina ġewwa l-irħula u l-bliet tagħna?
Response (ZAMMIT, NINU)
Kull sena jsir programm ta' tħawwil li fih ikunu inklużi l-Lavender (Lavanda) u Rosemarinus Uff, li jitħawlu kemm fil-ġonna kif ukoll fis-centre strips u roundabouts fl-ibliet u l-irħula tagħna.
Jista' l-Ministru jgħid kemm arbuxelli tħawlu tul is-snin 1999, 2000 u din is-sena, u jistgħax jiġi indikat kemm minnhom saru f' Bormla, Birgu, Senglea, Fgura, Kalkara, Xgħajra u Żabbar?
Response (ZAMMIT, NINU)
Sena
Numru ta’ Arbuxelli
1999
17,892
2000
15,881
2001
5,739 (minn Jannar sa Settembru)
1999
2000
2001
Bormla
55
Birgu
288
18
96
Senglea
Fgura
520
Kalkara
327
132
Xgħajra
27
10
Żabbar
It-temp jagħmel differenza u l-programm jista’ jiġi effettwat, kif filfatt ġara din is-sena minħabba n-nuqqas ta' ilma u t-temp sħun għal żmien twil ħafna.
Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment m’għandux kuntratt f’dawn il-lokalitajiet: l-Isla , Bormla u Żabbar.
Jista' l-Ministru jinforma l-kamra meta x-xogħol mill-Cottonera Rehabilitation Committee ġewwa l-Belt Senglejana ser jibda fuq il-mina ta' Sant Anna u jistax wkoll jara li s-swar ta' fuq jkunu aċċesibbli għal pubbliku u restawrati?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol fuq il-Mina ta' Sant'Anna diġa' beda. Sar ħafna xogħol fuq il-parti ta' fuq tal-Mina. Bħalissa qed isiru taħdidiet mal-Kunsill Lokali ta' l-Isla rigward it-tkomplija tal-proġett, li mistenni jitkompla kmieni s-sena d-dieħla.
Jista' l-Ministru jgħid b'referenza għad-domandi parlamentari preċedenti jinforma l-kamra x'xogħolijiet saru u qed isiru in konnessjoni mal-Villa Rumana ġewwa r-Rabat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din is-sena se jsiru numru ta' interventi ta' manutenzjoni fuq il-bini biex tittejjeb l-istruttura u s-servizzi ta' dan il-Mużew. Dawn qed isiru b'kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tal-Mużewijiet u l-Malta Tourism Authority.
Ix-xogħlijiet li ser isiru huma s-segwenti.
1. Faċilitajiet sanitarji ġodda
2. Restawr u manutenzjoni ta' l-aperturi
3. Tibdil ta' twieqi u persjani miksura
4. Installazzjoni ġdida tas-sistema ta' l-elettriku, ta' l-ilma u tad-dranaġġ
5. Tagħmir ta' l-elettriku ġdida
6. Manutenzjoni tar-roof membrane
7. Tikħil u tibjid tal-bini
8. Installazzjoni ta' sistemi ta' sigurta`
9. Xiri ta' vetrini ġodda
10. Installar ta' tabelli ta' tagħrif.
11. Ħolqien ta' Uffiċini
Jista' l-Ministru jinforma l-kamra jekk kemm l-darba l-ġebel ta' rinforz li tqedu ġewwa Ancient Str, Birgu sarux taħt is-sorveljenza tad-Dipartiment tat-Toroq u jekk iva, jistax jinforma l-kamra jekk huwiex possibbli li dawn jitneħħew billi qegħdin jagħlqu l-aċċess għall-pubbliku u l-użu tal-karozzi tar-residenti tal-akkwati?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-blokki msemmija mill-Onor. Interpellant tqiegħdu mid-Diviżjoni tax-Xogħolijiet mill-Ministeru għall-Ambjent minħabba periklu strutturali li kien hemm fil-bini ta` l-inħawi.
Għalhekk l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jinforma l-kamra jekk hemm l-darba l-ġebel ta' rinforz li tqiegħdu ġewwa Ancient Str, Birgu sarux taħt is-sorveljanza tal-PA u jekk iva jistax jinforma l-kamra jekk huwiex possibbli li jittieħdu miżuri sabiex dawn jitnehhew billi qegħdin jagħlqu l-aċċess għall-pubbliku u l-użu tal-karozzi tar-residenti tal-akkwati ?
Response (BORG, TONIO)
Minn spezzjoni li saret fuq il-post, ġie ossservat li dan ix-xogħol sar biex bini antik, għoli ta` erba` sulari f`kantuniera ma jiġġarrafx. Jidher li dan ix-xogħol sar mid-dipartiment tax-xogħolijiet. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Membru jindirizza din il-problema lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jinforma l-kamra f'liema posizzjoni tinsab l-applikazzjoni nru 03946/00 li saret mal-PA għar-restawr tal-ħitan tal-Batterija Della Grazie , Xghajra billi din ilha pendenti u hemm bżonn li tiġi approvata
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni PA 03946/00 ġiet approvata fil-11 ta` Lulju 2001.
Jista' l-Ministru jinforma l-kamra kemm hemm studenti reġistrati fl-Universita' ta' Malta minn Bormla, Birgu, Senglea, Fgura, Kalkara, Xgħajra u Żabbar u possibilment billi jiġu indikati s-sess tagħhom sena b'sena kif ukoll l-korsijiet rispettivi li qed jieħdu ?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru, b'referenza għad-domandi parlamentari preċedenti fuq is-suġġett jinforma f'liema posizzjoni wasal l-proġett tal-Knisja tas-Salvatur ġewwa l-Kalkara fil-31 ta' Ottubru 2001?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera bħalissa qed jipprepara dan il-proġett bil-Kollaborazzjoni Teknika taċ-Ċentru Malti għar-Restawr. Il-Proġett huwa mistenni li jibda kmieni s-sena d-dieħla.
Jista' l-Ministru jinforma l-kamra għall-liema raġuni l-fortizzi tal-Mosta ma humiex jinfetħu regolarment għall-pubbliku speċjalment meta f'waħda minnhom hemm ġabra tajba ta' kanuni ta' divers epoki li qed issa jiġbru s-sadid?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li dawn il-fortizzi jaqgħu taħt ir-responsabilita` tal-Forzi Armati ta' Malta, tlabt lid-Direttur tal-Mużewijiet jibgħatli rapport dwar l-istat u l-użu tagħhom u tal-patrimonju li hemm fihom kif ukoll x'miżuri nistgħu nieħdu.
Jista' l-Ministru jinforma l-kamra kemm għad hemm fortizzi li jinsabu presentement f'idejn il-privat sal-31 ta' Ottubru 2001 u jistax jiġi indikat liema waslu sabiex jingħataw lura jew qegħdin f'trattativi sabiex jingħataw lura?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bħalissa hemm 9 fortizzi li huma mogħtija lill-privat b`kera jew ċens temporanju. Infurmat ukoll illi m`hemm l-ebda fortizza li waslet biex tingħata lura lill-Gvern, għalkemm hemm diversi nkwilini li lesti jċedu l-kirja tagħhom basta jingħataw post alternattiv. Dan mhux faċli għaliex il-Gvern ħafna drabi ma jkollux postijiet tajbin għal dan l-iskop.
Jista' l-Ministru b'referenza għad-domandi parlamentari preċedenti jinforma l-Kamra jekk kienx hemm żvilupp 'l quddiem għal dak li għandu xżjaqsam mal-Fortizza ta' San Anard, x-Xgħajra u din tistax lura f'idejn id-dipartiment?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma kien hemm l-ebda żvilupp dwar il-każ tal-Fortizza ta` San Anard.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm intefqu flejjes u x-xogħol attwalment sar sabiex tiġi rranġata l-parti tat-triq ta' Victory Str, Senglea li sfrondat tul is-sajf li għadda?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-valur tal-kuntratt għax-xogħol li kien qed isir f`Victory Street minn Misraħ Żahra sa Misraħ Benedittu li fih sfronda saqaf ta` mina kien jiswa Lm12,819. Ix-xogħol innifsu għal tiswija tal-ħsara li ġarbet il-mina qed ikun stmat mill-kuntrattur li jammonta għal Lm21,984.
Id-Dipartiment tat-Toroq għadu ma aċċettax dan il-kont, peress li jrid jiġi stabbilit jekk din il-ħsara taqax fl-ambitu tal-polza ta` l-Insurance li taħtu ħadem il-kuntrattur kif ukoll għaliex ma jaqbilx mar-rati li ssottometa il-kuntrattur.
Jista' l-Ministru jinforma l-kamra f'liema toroq saru bozoz u dawl ġdid għas-servizz tal-pubbliku ġewwa r-raħal tax-Xgħajra tul is-snin 1999, 2000 u din is-sena. Jistax ukoll jinforma kemm flejjes intefqu komplessivament fuq dan u jistgħax jiġi kkunsidrat li l-parti inizjali tar-raħal tiġi mdawla ukoll?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li kien hemm approvazzjoni sabiex jitwaħħlu 44 lampa ġdida fit-toroq tax-Xgħara bejn l-1999 u s-26 ta' Settembru ta' din is-sena.
It-toroq huma dawn:
Triq Ġdida fi Triq il-Fortizza, Triq il-Fabbriki, Triq Carmelo Penza, Triq il-Fortizza tal-Grazzja, Triq Orlando, Triq Carmelo Ritchie, Dawret ix-Xatt, Triq Leonard Mahoney, Triq Ġdida fi Triq il-Fortizza tal-Grazzja, Triq il-Knisja, Triq Ġdida fi triq il-Knisja, Triq Wied Galvan u Triq Dwardu Ellul.
L-ispiża totali hija stmata li tlaħħaq Lm19,011.
Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninforma lill-Onorevoli Membru li l-Parti li qed jirreferi għaliha hija Triq Orlando li tinsab fil-bidu tax-Xgħajra. Ninsab infurmat li saret stima biex din it-triq tiddawwal bi ħdax-il lampa ġdida.
Jista' l-Ministru jgħid in vista tal-aħħar domanda parlamentari jinforma l-kamra f'liema stadju wasal ix-xogħol fuq l-kumpless sportiv ġewwa l-kottonera u kemm intefqu flus sal-15 ta' Settembru 2001 fuqu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol fuq il-Kumpless Sportiv tal-Kottonera miexi bil-pass kif kien programmat. S'issa tlestew il-kolonni kollha sa' l-ewwel sular u beda wkoll jissaqqaf l-ewwel sular.
Sal-15 ta' Settembru 2001 intnefqu dawn il-flus:
Skavar Lm110,104
Kostruzzjoni Lm210,526
Spejjeż Anċillari Lm 16,473
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm il-darba l-ġebel ta' rinforz li tqedu ġewwa Ancient Str, Birgu sarux taħt is-sorveljanza tad-Dipartiment tal-Akkomodazzjoni Soċjali u jekk iva jistgħax jinforma l-Kamra jekk huwiex possibbli li dawn jitneħħew billi qedhin jagħlqu l-aċċess għall-pubbliku u l-użu tal-karozzi tar-residenti tal-akkwati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li la d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali u lanqas id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi m'għandhom x'jaqsmu max-xogħol indikat.