Jista' l-Ministru jinforma l-kamra jekk kemm il-darba huwiex possibli li l-ġebel ta' rinforz li tqedu ġewwa Ancient Street, Birgu jistgħux jiġu modifikati sabiex sakemm l-problema tiġi solvuta permenentement dawn jitneħħew b'mod u manjiera li ma jibqgħux jgħalqu l-aċċess għall-pubbliku u l-użu tal-karozzi tar-residenti tal-akkwati?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol li kien sar mit-Taqsima tax-Xogħlijiet kien meħtieġ biex jitneħħa l-periklu lir-residenti ta' l-inħawi. Sadanittant, l-istess Taqsima qed tivverifika jekk tistax tipproċedi b'xogħol ieħor fl-imsemmi sit.
Għalissa mhux rakkomandat li jintmessu l-ħitan ta' lqugħ.
Jista' l-Ministru jinforma l-kamra jekk huwiex possibli li isir asfaltar mill-ġdid tal-parti ta' wara ta' Triq San Gwann u A Sistner Street, Fgura billi hemm bżonn li dan jsir?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-toroq msemmija jinsabu fil-programm ta' resurfacing tal-Kunsill.
Jista' l-Ministru jinforma x'passi qed jittieħdu sabiex l-problema ta' fawran mit-tappiera tad-drenaġġ li tinsab ġewwa Hompesch road, Fgura ftit l-isfel mill-Knisja tiġi msewwija?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li bħalissa qed issir medda ġdida biex jinbidlu l-katusi ta' din il-biċċa tat-triq.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra xi kriterji ġew użati għall-ħatra ta' direttur (Qrati Tribunali ta' Għawdex) fil-Qrati tal-Ġustizzja fil-Ministru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali u jista' jiġi kkonfermat li l-persuna li ġie magħżula hija bl-esperjenza ta' ħidma kif mitlub fl-istess?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Prim Ministru peress illi s-Senior Appointments Advisory Committee jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu.
Jista' l-Ministru jinforma lill-kamra kemm kienet l-ispiża f'kotba lill-iskejjel tal-lyceum li hemm f'Malta u Għawdex, sija tal-bniet kif wkoll tas-subien?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħaddi suġġeriment lil Bank Ċentrali sabiex it-twieqi li hemm kulur d-deheb tal-aluminju jiġu mibdula f'materjal li jixraq l-ambjent u l-post?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s-suġġeriment tiegħu qed jiġi kkunsidrat.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk huwiex possibli li issir żabra u kura aħjar tal-ġnien li hemm r-Rabat inti u dieħel l-Mdina fuq is-Saqqaja?
Jistgħax ukoll jara li jkun hemm dawl u pavimentar aħjar billi l-post għandu dan il-bżonn?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-parti l-kbira tas-siġar li jinsabu fi Ġnien Ħoward huma koniferi u dawn jinżabru biss għal skopijiet korrettivi. Fir-rigward tad-dawl u pavimentar, jien infurmat li qed jitħejja proġett għal dan il-ġnien mill-proġett għar-Riabilitazzjoni ta' l-Imdina b'koordinazzjoni mal-Kunsill Lokali ta' l-Imdina. Jien infurmat ukoll li bħalissa qed jitħejjew żewġ rapporti b'konnessjoni ma' dan il-proġett. Rapport minnhom hu dwar is-siġar.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra x'passi ttieħdu fl-aħħar tlett snin mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni sabiex jiġi mgħallem l-latin lill-istudenti tas-sekondarja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Latin huwa offrut bħala wieħed mis-suġġetti li studenti jistgħu jagħżlu u xejn aktar ħlief li l-Guidance Teachers jittrattaw din il-lingwa bħal lingwi l-oħra.
Jista' l-Ministru jinforma l-kamra x'passi ttieħdu ġewwa l-Belt tal-Mdina fir-restawr tagħha tul s-sena 2001 u jistgħax jinforma x'qed jsir presentement?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li matul din is-sena l-Proġett għar-Riabilitazzjoni ta' l-Imdina fi ħdan il-Ministeru kkonċentra fuq il-proġett ta' tneħħija ta' wires minn mal-ħitan ta' l-Imdina u t-titjib tas-servizzi bi tħejjija għal meta l-belt tiġi pavimentata. Dan huwa proġett ta' kumplessita' kbira kemm minħabba li l-M.R.P. jrid jikkordina bejn erba' korporazzjonijiet kif ukoll minħabba problemi biex isir ix-xogħol marbut mat-toroq dojoq tal-post. Dan il-proġett huwa miexi skond kif kien pjanat.
Marbut ma' dan il-proġett kien hemm ix-xogħol ta' skavi arkijeloġiċi. Kif kien mistenni bit-tħaffir tat-trinek instab ammont kbir ta' fdalijiet inkluż pedamenti ta' torri, ġebel kbir ta' epoka rumana, ħitan medjevali, ħafna fuħħar, ħġieġ, metall eċċ.
Matul din is-sena ġie restawrat it-Torri dello Standardo minn ġewwa, sar titjib fi Pjazza s-Sur, tpoġġew mat-tletin bank (il-parti l-kbira f'Howard Garden in kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali), ġew restawrati żewġ bibien tal-Palazz Vilhena, bdew isiru t-tħejjijiet għal pavimentar tal-forecourt tal-palazz Vilhena. Saru wkoll diversi xogħlijiet żgħar.
In kollaborazzjoni mar-Restorations Unit fl-istess Ministeru qed jitħejjew rapporti dwar il-qagħda strutturali tal-palazz Vilhena u l-mini ta' taħt l-Imdina.
Jista' l-Ministru b'referenza għad-domanda parlamentari numru 18801 u l-oħra preċedenti u anteċedenti jinforma l-Kamra jekk huwiex possibli li jsir pjan sabiex l-Auberge De Castille jiġi miftuh għall-pubbliku u għat-turisti għal żmien qasir matul is-sajf li ġej tas-sena 2002 jew tas-sajf ta wara?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li lest li nikkunsidra viżiti organizzati simili ta’ dawk li rreferrejt għalihom fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 26637 f’Seduta 561 tal-25 ta’ Ġunju 2001.
Jista' l-Ministru b'referenza għad-domanda parlamentari numru 17158 jinforma l-Kamra jekk kemm il-darba hemmx xi progress fil-kwistjoni tal-Knisja tal-Madonna tas-Sokkors ġewwa Bormla billi għaddej iż-żmien u għadha mhux utilizzata tajjeb jew l-faċċata tagħha rranġata tajjeb?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li qabel ma jinstab użu permanenti għall-kappella tal-Madonna tas-Sokkors ġewwa Bormla ma jistax isir proġett finali. Ser nerġa' nitlob li jsir sforz biex dan il-proġett jiġi konkluż.
Jista' l-Ministru jgħid b'referenza għad-domandi parlamentari preċedenti jikkonsidra jekk kemm-il darba huwiex possibbli li t-toroq li jinsabu fl-arja magħrufa bħala St. Peter Zabbar jsiru mid-Dipartiment tat-Toroq billi ħafna minnhom jinsabu fi stat ħażin u l-Kunsill lokali ma għandux biżżejjed finanzi għal dan il-għan?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq bħalissa qed jagħmel xogħol fi Triq Berebies u Triq Dun Salv Sciberras f'din il-lokalita` .
Sadanittant tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jiltaqa' mal-Kunsill Lokali u jiddiskutu s-sitwazzjoni tat-Toroq l-oħra ta` dan il-lokal.
Jista' l-Ministru jgħid kemm marru nies jaraw l-Ipoġew bejn Settembru 2000 u Ottubru 2001 u jistax jiġi indikat kemm marru tfal ta' l-iskola primarji u sekondarji għal dan?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru b'referenza għad-domanda numru 11600 jgħid kemm flus intefqu fuq l-Borża ta' Malta u kemm dam isir ix-xogħol kollu mill-bidu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol fuq il-bini l-ġdid tal-Borża dam minn Ġunju 1999 sa Settembru 2001. Dan il-proġett sewa Lm1.6 miljun, VAT inkluż, li tħallsu mill-fondi tal-Borża stess - parti mit-tifdil li kienet għamlet u parti minn loan li ħadet biex tkompli l-proġett. Il-Borża tippubblika l-istatements finanzjarji tagħha mar-Rapport Annwali tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flejjes fuq kotba tal-lingwa Spanjola fis-snin 2000 u sal-31 ta' Ottubru 2001 u kemm minhom ġew mibgħuta fil-librerija pubblika tal-Birgu u dik tal-Fgura?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji matul is-sena 2000 xtara 28 ktieb bl-ilsien Spanjol li swew Lm58. Minnhom intbagħtu 3 lil-librerija pubblika tal-Birgu u ma ntbagħat xejn lil-librerija pubblika tal-Fgura.
Bl-istess ilsien, sa l-aħħar ta' Ottubru 2001 inxtraw 25 ktieb li swew Lm47. Minnhom 5 intbagħtu l-librerija tal-Birgu u 2 li għadhom qed ikunu pproċessati huma destinati għal-librerija tal-Fgura.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flejjes fuq il-librerija pubblika tal-Fgura u f' liema stat tinsab?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji nefaq fuq il-Librerija pubblika tal-Fgura li nfetħet f'Novembru 1982, l-ammont ta' Lm2950 f'kotba, u dan sal-lum.
Din il-librerija waqfet topera f'Ottubru 2000 minħabba problemi ta' allokazzjoni.
Id-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Fgura, ħadem bi sħiħ biex isib post alternattiv. Dan instab hekk kif tidħol mill-entratura ta' l-iskola u d-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni ħa ħsieb il-bini tiegħu. Bħalissa x-xogħol wasal fl-istadju li jitqiegħdu l-aperturi.
Huwa kkalkulat li sa tliet xhur oħra din il-librerija tkun f'qagħda li terġa tibda topera.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba l-proċess sabiex l-art magħrufa bħala tas-Sagħjtar Naxxar b'mod speċjali Triq Ġibilta li presentment suppost li qedha f'idejn l-Uffiċċju Konġunt tiġi trasferita lill-Awtorita' tad-Djar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn riċerka li għamlet it-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern jidher li m`hemm l-ebda art fis-Sgħajtar Naxxar li preżentament qiegħda f`idejn l-Uffiċċju Konġunt. Fl-istess area hemm bċejjeċ ta` art li qegħdin f`idejn it-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern u li sa issa ma jistgħux jiġu trasferiti lill-Awtorita` tad-Djar għax il-proċess ta` akkwist taħt l-Ordinanza dwar l-Akkwist ta` Art għal skopijiet Pubbliċi għadu mhux iffinalizzat.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar kemm ġew deċiżi kawżi mill-Bord li jirregola l-kera fis-snin 1998, 1999, 2000 u sal-31 ta' Ottubru 2001?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li n-numru ta' kawżi deċiżi mill-Bord li jirregola l-Kera, għas-snin 1998, 1999, 2000 u 2001 (sal-31 t'Ottubru) kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex huwa kif ġej:
1998 1999 2000 2001
(sa 31/10)
Malta 121 145 142 135
Għawdex 4 6 4 5