Jista' l-Ministru jordna li t-tappieri tad-drenaġġ li jinsabu allinejati ġewwa Triq Dwardu Ellul, Xgħajra jiġu debitament mibdula billi dawn ma humiex tal-kwalita' neċessarja sabiex jagħlqu l-irwejjaħ li l-ħin kollu jitilgħu u anke għaliex ma humiex tqal u ssiġillati kif suppost appena jkun hemm żieda dawn jinfetħu u joħroġ kollox fit-triq b'detriment għal kulħadd?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li t-tappieri fi Triq Dwardu Ellul ser jinbidlu fil-ġranet li ġejjin.
Jista' l-Ministru b'riferenza għad-domanda parlamentari preċedenti jara jekk huwiex possibbli li jiġi inkarigat perit-tekniku sabiex jara l-istat li fihom qegħdin l-arbli li kienu jiġu użati mill-Forzi Armati Ingliżi fil-wireless and telegraphy ġewwa l-bajja tar-Rinella Kalkara billi dawn jidhru li qegħdin fi stat ta' deterjorament u tajjeb jekk jiġu żarmati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-art fejn qegħdin l-arbli in kwistjoni hija mikrija lit-Taqsima ta' l-Edukazzjoni u għalhekk l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm flejjes intefqu fuq it-tieni crane li kien hemm ġewwa l-Baċir nru. 1 li tniżżel u ġie żarmat? Jista' wkoll jindika kemm dan dam isir?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-ispiża involuta biex jinħatt it-tieni krejn fil-baċir numru 1 kienet tammonta għal Lm2,972. Ix-xogħol, li ma sarx b'mod kontinwu, ħa tlitt xhur u tlesta għal kollox fit-3 ta' dan ix-xahar.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra meta saret talba għal numru ta' bozoz tad-dwal ġodda ġewwa Triq ix-Xemx u l-Qamar, Fgura u f'liema posizzjoni din tinsab?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li mir-rekords li għandha l-Korporazzjoni Enemalta ma jirriżultax li saret xi talba biex jitwaħħlu lampi ġodda fit-toroq imsemmija.
Jista' l-Ministru jara jekk l-ilment huwiex minnu li hemm numru ta' skejjel primarji fil-Kottonera li ma għandhomx għalliema minħabba mard jew riżenji?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskejjel tal-Kottonera ma hemm ebda skola li ma għandhiex għalliem jew għalliema.
Meta fl-imgħoddi irriżulta li kien hemm xi każi, dawn ġew mimlija minn 'supply teacher'.
Jistax il-Ministru b'referenza għad-domanda preċedenti rigward l-careers convention li sejra ssir f'Bay Street jinforma l-Kamra x'sejjer jkun il-programm preparat għal din is-sena?
Jista' wkoll jinforma l-Kamra jekk huwiex sejjer jsir l-istess Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-programm se jkun imqassam fi tliet taqsimiet:
1. Careers' Seminars għall-istudenti tal-Form 4 tal-Junior Lyceums
u Secondary Schools, u għall-istudenti fl-istess Form fin-Non-State
Schools.
2. Seminars fil-għaxija għall-ġenituri.
3. Inter-active sessions f'xi stabbilimenti f'Bay Street fejn l-istudenti
jingħataw tagħrif dwar karrieri f'dawn l-istabbilimenti.
Barra minn hekk, se jkun hemm stands mill-iskejjel post-sekondarji li se jagħtu tagħrif lill-istudenti dwar edukazzjoni u korsijiet wara l-Form 5.
Careers' Convention mistennija ssir f'Għawdex is-sena d-dieħla, kif s'issa hi d-drawwa.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra x'għajnuna tinsab presentement għall-ġenituri avvanzati fl-eta jew li huma morda li għandhom ulied bi bżonnijiet speċjali li qabżu t-tlettin sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba estensiva li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru W281, ninfurmah li din is-sena wkoll ġew ivvutati flus biex jitkompla l-proġett għall-Għejxien Issapportjat, imniedi s-sena l-oħra.
Jista' l-Ministru jirraporta l-Kamra x-xogħlijiet qed jsiru presentement fil-kappella tas-Salvatur Kalkara?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li r-restawr tal-Kappella tas-Salvatur fil-Kalkara huwa wieħed mill-proġetti ewlenin preżentament tal-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera. Dan il-proġett qiegħed isir in kollaborazzjoni maċ-Ċentru Malti tar-Restawr (li qed jużaw dan il-proġett bħala proġett pilota ta' taħriġ) iżda finanzjat kompletament mill-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera.
Il-kappella tas-Salvatur hija waħda mill-eqdem kappelli li għandna fil-Kottonera u għandha importanza kbira kemm mil-lat arkitettoniku kif ukoll storiku. Għal tant snin il-kappella kienet intużat għall-armar tal-festi u saritilha ħafna ħsara, speċjalment fuq ġewwa. Fil-faċċata, fis-snin li għaddew kien sar xi xogħol bil-konkos li kompla għamel ħafna ħsara lil din il-faċċata. Ir-restawr ta' din il-kappella huwa proġett kompless u diffiċli. Ix-xogħol ta' preparazzjoni qiegħed isir minn kumitat apposta li fih hemm rappreżentanza taċ-Ċentru Malti għar-Restawr, tal-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera u tat-Taqsima tar-Restawr.
Bħalissa għad m'hemmx stima kompluta tax-xogħol peress li qed isiru t-testijiet neċessarji biex jiġi stabbilit x'tip ta' azzjoni trid tittieħed. Ma hemmx dubju iżda li l-ispiża tal-proġett ser taqbeż il-Lm100,000 u dan il-proġett se jsir fuq medda ta' sentejn.
Jista' l-Ministru jirraporta l-Kamra x-xoglijiet qed isiru presentement fil-Mina ta' Santa Anna Senglea?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera bil-kollaborazzjoni tat-Taqsima tar-Restawr beda programm intensiv ta' restawr tal-Mina ta' Sant'Anna fl-Isla. Bħalissa qed isir xogħol biex titnaqqas il-ħsara ta' l-ilma fis-soqfa ta' din l-istruttura mportanti. Fil-ġranet li ġejjin għandha toħroġ it-tender għall-parti l-kbira tax-xogħol. L-istima tal-proġett hija ta' aktar minn Lm80,000 u dan il-proġett huwa mistenni li jieħu madwar sena biex jitlesta kollu. Dan jinkludi xogħol estensiv ta' restawr fuq il-mina propja u l-partijiet tal-ġnub tagħha, sistema ta' dawl, pavimentazzjoni u xogħlijiet oħra.
Jista' l-Ministru jirraporta l-Kamra x-xogħlijiet qed jsiru presentement fil-monument tal-Vittorja li kein sar mill-kavallieri ġewwa l-Birgu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera ta bidu għall-proġett fuq din l-istatwa importanti fil-Birgu. Il-proġett qiegħed isir minn ditta speċjalizzata Griega. Preżentament qiegħdha ssir l-ewwel parti li tikkonsisti f'analiżi tal-ħsara li hemm u biex jiġi stabbilit liema kien il-kulur oriġinali ta' l-istatwa. Minn indaġini li diġa' saru jirriżulta li l-istatwa għandha diversi staffi ta' kulur inkluż induratura ħadra sabiex jagħti l-idea li l-istatwa, tal-ġebel, hija tal-bronż.
Wara li titlesta l-ewwel fażi, ix-xogħol għandu jitkompla wara li jgħaddi l-istaġun tal-festi fil-Birgu f'Ottubru.
Jista' l-Ministru jgħid b'referenza għad-domanda parlamentari preċedenti, jinforma l-Kamra jekk huwiex possibbli jinbeda x-xogħol fuq iż-żewġ Imtieħen li hemm ġewwa Bormla?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li ma hemm l-ebda ħsieb li din is-sena jsir xi xogħol fuq iż-żewġ imtieħen li hemm ġewwa Bormla. Iż-żewġ imtieħen huma okkupati, minn wieħed li jagħmel il-qubbajt u wieħed mastrudaxxa, u mhux possibli li jibda xi xogħol qabel tiġi riżolta l-okkupazzjoni ta' dawn l-imtieħen. Bħal dejjem napprezza l-interess muri mill-Onorevoli kollega u nawgura illi fil-futur anki dan is-suġġeriment ikun jista' jintlaqa'
Jista' l-Ministru jgħid b'referenza għad-domanda preċedenti, jinforma l-Kamra kemm hemm soċjetajiet kummerċjali li għandhom kuntratti pendenti mal-Gvern Malti u liema minn dawn jsegwu 'Ethical Conduct Policy' ċioe jiddikjaraw li hija policy tagħhom li joperaw fejn joperaw jirrispettaw d-demokrazzija, d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, kif wkoll li jitrabtu li ma jieħdux sehem f'atti ta' korruzzjoni u tixħim u dawk le?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-Kuntratti ma jżommx statistika kif mitluba minnhu.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li s-soċjeta' Maltacom plc tieħu ħsieb tinstalla servizz ta' telephone-box fl-akkwati ta' Triq Riħan u Triq Ċensu Busuttil, Fġura?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li din it-talba qed tkun diskussa bejn il-Maltacom u l-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment ta' numru ta' residenti ġewwa Triq G. Despott, Birgu li sofrew ħsarat fis-sistema tad-drenaġġ waqt li kienet qedha issir t-triq u huwiex possibbli li dawn jiġu kkumpensati?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant igħaddili iktar informazzjoni dwar il-każ biex ikun jista jiġi nvestigat.
Jista' l-Ministru jinvestiga għall-liema raġuni s-sejħa interna għall-senior turbine operators ġewwa l-Enemalta għadha ma ħarġitx?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li bħalissa l-Korporazzjoni Enemalta tinsab għaddejja b'diskussjonijiet ma' l-Union fuq l-operating grades fil-fergħa tal-Generation. Huwa ttamat li matul dawn id-diskussjonijiet jintlaħaq ftehim dwar il-grad ta' Senior Operator.
Jista' l-Ministru jgħid jistax, invista ta' domandi parlamentari preċedenti, jinforma l-Kamra jekk huwiex possibli li t-triq tal-Farfett tal-Fejġel Żabbar u t-toroq adjaċenti ssir fi żmien qasir billi l-posiżżjoni qegħdha tmur lura kull ġimgħa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 32869.
Jista' l-Ministru jinforma lill-kamra dwar f'liema stadju waslu l-proċeduri dwar l-inkonvenjent li hemm f'Ancient Str Birgu u dan in vista tad-domandi 29751 u 30307?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ebda offerta ma ġiet sottomessa għall-ewwel sejħa għall-offerti għal dan ix-xogħol.
It-tender reġgħet ħarġet u l-offerti qegħdin jiġu aġġudikati bil-ħsieb li x-xogħol isir mill-aktar fis possibbli.
Jista' l-Ministru b'referenza għad-domanda nru. 27780 i.e. problema ta' vultaġġ baxx f'St Peter Str, Żabbar, jgħid x'irriżulta u x'passi ttieħdu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-problema ta' vultaġġ baxx fit-triq imsemmija ġiet investigata mill-Korporazzjoni Enemalta. Ix-xogħol ta' tisħiħ fuq is-sistema ta' vultaġġ baxx għandu jsir flimkien ma' xogħolijiet oħra simili.
Jista' l-Ministru jinforma lill-kamra dwar f'liema stadju waslu l-proċeduri indikati fid-domanda nru. 30314 ġewwa Triq San Antnin u Wistin Levanzin Fgura?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq qed jieħu l-passi neċessarji biex jitlesta' x-xogħol ta' espropriazjoni.
Jista' l-Ministru jinforma lill-kamra x'passi qed jittieħdu mid-dipartiment inkarigat mid-drenaġġ dwar is-sitwazzjoni fl-aħħar parti ta' Triq il-Farfett tal-Fejġel Żabbar fuq n-naħa tal-Kalkara?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tad-Drenaġġ talab lill-kuntrattur jagħmel ix-xogħlijiet meħtieġa fl-iqsar żmien possibbli.