Jista' l-Ministru jgħid in vista tad-domanda 33565 u b'referenza għar-rapport presentat mill-ombudsman fis-seduta tal-14 ta' Jannar 2002 jinforma lill-kamra jekk ttieħdux xi passi amministrattivi fuq il-każijiet hemm imsemmija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid in vista tad-domanda 33566 jinforma lill-Kamra f'liema appartamenti ġewwa Bormla hemm talba għall-installazzjoni tal-lifts u jistax jiġi indikat f'liema stadju kull talba waslet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-applikazzjonijiet pendenti għall-installazzjoni ta' lifts f'Bormla huma f'dawn il-blokki:
1. 7A, San Ġwann t'Għuxa
2. Bini tal-Gvern, Triq il-Mitħna
3. 7, Hubbard Flats, Triq Alessandra
4. 7B, San Ġwann t'Għuxa
5. 12A, Triq il-Pellegrinaġġ
L-Awtorita' tad-Djar għamlet l-applikazzjonijiet neċessarji ma' l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar l-ewwel żewġ appartamenti msemmija.
Minn spezzjoni preliminari li saret minn uffiċċjali ta' l-Awtorita' tad-Djar jidher li fit-tlett każijiet l-oħra ma jistax jiġi nstallat lift. Mistennija ssir spezzjoni mill-inġinier biex jiġi konfermat jew le jekk dan hux il-każ.
Jista' l-Ministru jgħid in vista tad-domanda 33566 jinforma l-Kamra f'liema appartamenti ġewwa l-bliet u rħula indikati ġew mgħarfa r-residenti li jistgħu jagħmlu applikazzjoni għal dan il-għan ta' istallar ta' lift u jekk ma sarietx jistgħax jiġi suġġerit li jsir?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar qatt ma għarrfet individwalment lill-inkwilini f'appartamenti tal-Gvern li jistgħu japplikaw għal installazzjoni ta' lift. L-iskema relattiva ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tal-11 ta' Ġunju 1999 u kienet miftuħa għall inkwilini fi blokki tal-Gvern fil-Kottonera, il-Belt u l-Floriana. Din l-iskema damet miftuħa sat-30 ta' Diċembru 1999.
Iżda sallum l-Awtorita' għadha tilqa' applikazzjonijiet għal installar ta' lifts minn persuni b'diżabilita' ta' mobilta' mill-lokalitajiet kollha.
Jista' l-Ministru b'riferenza għad-domandi parlamentari 11601, 30323 u 33432 jara li l-bord jieħu inkonsiderazzjoni urġentement r-restawr ta' din is-smoking shed billi tista' issir mingħajr dewmien?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-pożizzjoni għadha l-istess kif infisser fil-PQ 30323.
B'riferenza għad-domanda parlamentari 33337, li kienet saret lil ministru ta' l-intern u li issa ġiet riferuta lilu, jista' l-Ministru jara jekk huwiex possibli li jiġi inkarigat perit tekniku sabiex jara l-istat li fihom qegħdin l-arbli li kienu jiġu użati mill-Forzi Armati Ingliżi fil-wireless and telegraphy ġewwa l-bajja ta' Rinella Kalkara billi dawn jidhru li qegħdin fi stat ta' deterjorazzjoni u tajjeb jekk jiġu żarmati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni sejra tagħmel spezzjoni ta' l-art inkwistjoni kif ukoll ta' l-arbli msemmija, filwaqt li jsir sforz biex dawn jiġu żarmati jekk ikun hemm il-ħtieġa.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol sar fuq il-Palazz ta' l-Inwiżitur tul din is-sena u kemm intefqu flejjes?
Jista' jikkonferma wkoll li nstabet ġebla mnaqqxa b'figuri umani fuqha?
Jista' wkoll jinforma lill-Kamra kemm daħlu nies jarawh fis-sena 2001 u din is-sena sa l-aħħar ta' April?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħlijiet li saru matul din is-sena fil-Palazz ta' l-Inkwiżitur huma dawn:
* Tneħħija ta' l-art ta' l-irħam moderna u tqegħid ta'
ċangatura u tiswija tal-forn fis-sezzjoni tal-kċina
* Tibjid f'għadd ta' postijiet
* Reception area ġdida flimkienn ma' uffiċċju għall-
Museum Officer
* Twaħħil ta' balavostri u restawr ta' ħajt fil-passaġġ
ta' fuq il-ġnien
* Ftuħ ta' bibien u twieqi imblukkati
* Brix ta' ħitan, twaħħil ta' bibien, twieqi, gradi tal-ħadid
u kanċelli il-ħabs
* Xogħol fuq kamra fil-palazz li qabel kienet ta' l-Enemalta
sabiex tinbidel f'kamra tat-tortura bħal ma kienet
* Tindif ta' bjar u spazji oħra minn terrapien
* Tiswija ta' blajjet ta' bibien u xorok f'ħafna postijiet
* Tisbih tal-bitħa prinċipali
S'issa intefqu madwar Lm2,200 bħala nefqa rikorrenti għal xiri ta' materjal. Ix-xogħol li sar s'issa sar mill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Mużewijiet u ta' Dipartimenti oħra tal-gvern fosthom ir-Restoration Unit tal-Works Division.
Ġebla mnaqqxa
Nikkonferma li matul il-brix tal-ħitan tal-ħabs, fost ħafna graffiti oħra, instabet waħda b'figura ta' mara u żewġt itfal imnaqqxa. Probabbilment dan kien ir-rikordju li ħalla warajħ wieħed jismu Giovanni Pietro fl-1635, kif hemm miktub fuq l-istess ġebla, għalkemm jidher li ġiet impoġġija fejn qegħda issa wara, għax il-kliem ma jkomplix miż-żewġ naħat tagħha.
Statistika
Informat ukoll li n-numru ta' nies li jżuru l-palazz qiegħed jiżdied. Is-sena l-oħra żaru l-palazz 40,000 ruħ filwaqt li din is-sena s'issa ġew 15,000 ruħ.
Jista' l-Ministru b'riferenza għar-rapport preżentat mill-ombudsman fis-seduta tal-14 ta' Jannar 2002 jinforma l-Kamra jekk ttieħdux xi passi amministrattivi fuq il-każijiet hemm imsemmija?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru għall-Politika Soċjali.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm talbiet pendenti għall-istallazzjoni ta' lifts ġewwa flats tal-gvern fil-Birgu, Senglea, Bormla, Kalkara, Żabbar u Fgura?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-applikazzjonijiet pendenti ma' l-Awtorita' tad-Djar għall-installazzjoni ta' lifts fi blokki tal-Gvern, mill-lokalitajiet indikati mill-Onor. Interpellant, huma 2 mill-Birgu u 5 minn Bormla.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta saret talba għall-istallazzjoni ta' lifts ġewwa Blk 10 Dr 2 St. Philips Str Birgu u f'liema stadju waslet din l-applikazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li qed jiġu preparati l-pjanti tal-blokk indikat biex issir l-applikazzjoni neċessarja lill-Awtorita' Maltija dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jipreżenta kopja u jinvestiga l-livell tal-karta ta' l-eżami li ġiet mogħtija lill-istudenti tal-liceo fil-lingwa Ingliża billi kien hemm ilment ġenerali li dan kien ta' form three u mhux year six?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt assigurat li l-karta ta' l-eżami tal-Junior Lyceum ta' l-Ingliż hija ta' livell xieraq u hi bbażata fuq is-sillabu tal-Year 6.
Ma jidhirx li l-istudenti sabu l-karta eċċessivament diffiċli. Uffiċjali Edukattivi li żaru l-iskejjel waqt l-eżami ma rrapportawx li l-istudenti kienu qed jiffaċċjaw xi karta diffiċli.
Jekk l-Onor. Membru qed jirreferi għat-test ta' komprensjoni, wieħed irid jagħmilha ċara li s-silta mill-ktieb imsemmi ġiet adattata għal-livell tat-tfal ta' din l-eta`.
Ma jkollix diffikolta` dwar is-suġġeriment li l-karta ta' l-eżami titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra wara li jiġu pubblikati r-riżultati ta' l-eżami tal-Junior Lyceum.
Jista' l-Ministru jara jekk huwiex possibbli li l-għassa tal-pulizija li hemm f'Raħal Ġdid tiġi armata b'photocopy machine billi din ma għandhiex u b'fax ftit aktar moderna?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi f'kull Reġjun hemm photocopier machine disponibbli għad-Distretti. Barra minn hekk ninsab infurmat ukoll illi ma hemm l-ebda talba f'dan il-kuntest mill-uffiċjal inkarigat minn din l-għassa. Madankollu, infurmat ukoll illi s-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant ser ikun ikkunsidrat. Dwar il-fax machine, ninsab infurmat illi din kienet inxtrat f'Lulju 1999 u għadha fi stat tajjeb u taqdi il-bżonnijiet meħtieġa.
Jista' l-Ministru jara jekk huwiex possibli li l-għassa tal-pulizija li hemm f'Bormla tiġi armata b'photocopy machine?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi f'kull Reġjun hemm photocopier machine disponibbli għad-Distretti. Barra minn hekk ninsab infurmat ukoll illi ma hemm l-ebda talba f'dan il-kuntest mill-uffiċjal inkarigat minn din l-għassa. Madankollu, infurmat ukoll illi s-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant ser ikun ikkunsidrat.
Jista' l-Ministru b'riferenza għad-domanda parlamentari nru. 33032 rigwardanti soċjetajiet kummerċjali barranin li għandhom kuntratti pendenti mal-Gvern Malti li jsegwu ethical conduct policy jista' d-dipartiment jieħu ħsieb jikteb lil dawn is-soċjetajiet sabiex din l-informazzjoni tibda tiġi miżmuma wkoll billi hija utili ħafna?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-Kuntratti ser jistudja s-suġġeriment tiegħu biex jiddeċiedi jeku kif dan jistax jiġi attwat.
Jista' l-Ministru b'riferenza għad-domandi parlamentari nru. 22717 u 30471 jinforma lill-Kamra f'liema stadju waslet s-sejħa għall-offerti sabiex it-toroq Carmelo Richie u Carmelo Penza fix-Xgħajra jinbdew?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi d-diskussjonijiet ma' l-utilities dwar il-ħtiġijiet tagħhom għat-tqegħid ta' sevizzi f'dawn it-toroq tlesta u d-Direttorat għat-Toroq wasal biex jippublika s-sejħa għall-offerti.
Jista' l-Ministru b'riferenza għad-domandi parlamentari 11601 u 30323 jikkonsidra jekk kemm-il darba huwiex possibbli li matul is-sajf dan ix-xogħol isir?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 30323.
Jista' l-Ministru b'riferenza għad-domanda parlamentari nru. 21699 rigward l-iskavi ta' Tas-Silġ jinforma lill-Kamra x'xogħol ser isir matul din is-sena u jekk it-triq li għaddejja min-nofs hiex sejra tinbidel?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar x'xogħol sar riċentement ġewwa l-iskola primarja ta' Bormla u jekk dan tlestiex? Jista' jiġi indikat jekk sarux ameljoramenti u jekk il-kmamar tal-banju tlestewx u kemm intefaq speċifikament fuqhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-każ ta' l-iskola msemmija inħarġu offerti u ngħataw xogħlijiet kif se nsemmi:
Sena Deskrizzjoni Valur
2000 Refurbishment tal-Kmamar tal-Banju Lm 6,177
2001 Refurbishment tal-Kmamar tal-Banju Lm15,397
Mill-appalt maħruġ fl-2001, din is-sezzjoni ħallset Lm3,217 fl-istess sena.
Informat li l-ewwel tender li saret fir-rigward tax-xogħlijiet fuq it-toilets ta' l-Iskola Primarja ta' Bormla kienet Educ 765/99. Dan ix-xogħol ġie esegwit għas-sodisfazzjoni tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-kuntrattur tħallas is-somma ta' Lm2906.96 għax-xogħol kollu.
Fis-27 ta' Lulju 2001 ġiet awarded tender Educ 45/2001 lill-kuntrattur Anjo Group għas-somma ta' Lm15,397.13. liema kuntrattur esegwixxa parti mill-istess offerta u dan minħabba li x-xogħlijiet l-oħra ma' jistgħux isiru għal issa peress li jtellfu l-operat ta' l-istess skola. Il-kumplament tax-xogħlijet ser isiru fis-Sajf 2002 flimkien ma' xogħlijiet tal-madum, aperturi ta' l-injam u l-aluminium, refurbishment tas-sala, wall lining fil-livell tal-kindergarten u tneħħija ta' kolonni perikolużi fil-faċċata. It-tenders għal dawn ix-xogħlijiet huma ppreparati u ser jiġu ppublikati mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fi żmien qasir.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra xi spejjeż sejrin isiru fuq l-għassa tal-pulizija fix-Xgħajra u xi programm hemm għall-futur f'dan il-post speċjalment fis-sajf?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi f'din l-għassa qed isir xogħol ta' refurbishment ġenerali, liema xogħol huwa mistenni jitlesta matul ix-xahar id-dieħel. Meta dan ix-xogħol jitlesta, huwa ppjanat illi din l-għassa terġa tkun miftuħa l-ħin kollu għas-servizz tal-pubbliku f'din il-lokalita'. Peress illi dan ix-xogħol qed isir mit-tradesmen tal-Korp stess, mhux possibli li wieħed jikkwantifika t-total ta' l-ispejjeż involuti.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra liema xogħlijiet sejrin isiru fuq l-għassa tal-pulizija ta' Bormla u xi spejjeż jinvolvu?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 32991, ninsab infurmat illi x-xogħol meħtieġ fuq dan il-proġett għad mhux finaliżżat.