Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm daħlu persuni fil-mużew marittimu matul din is-sena sal-15 ta' Ottubru 2002? Kemm kien hemm dħul minn dan? Jista' jiġi indikat ukoll jekk huwiex previst li fil-futur immedjat tinfetaħ parti oħra tiegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' nies li daħlu fil-Mużew Marittimu matul din is-sena sal-15 ta' Ottubru, 2002 huwa ta' 23,490, li sarraf fi dħul ta' Lm5,200.
Informat ukoll li bħalissa qed isir xogħol biex tinfetaħ sala msejħa ta' l-Anadrian fejn ser ikun hemm għall-wiri l-makkinarju kollu ta' l-engine room inkluż steam engine komplut tal-Garb Dreger Anadrian. Fil-mezzanin ta' l-istess sala ser ikun hemm għall-wiri rikostruzzjoni tal-gabina ta' l-Anadrian, mudell ta' l-Anadrian magni u mudelli ta' magni u oġġetti oħra li għandhom x'jaqsmu ma' l-inġinerija marittima.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra xi spejjeż u liema tip ta' xogħol sar sabiex jkun hemm restawr aħjar tal-Victoria Lines?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol ta' restawr li sar fuq il-Victoria Lines kien jikkonsisti fir-riabilitazzjoni ta' partijiet mill-ħitan difensivi li hemm fiz-zona magħrufa bħala Bingemma Gap. Dawn ix-xogħlijiet kienu jikkonsistu fir-rikostruzzjoni ta' parti mill-'musketry gallery' li wkoll tagħmel parti mid-Dwejra Lines, ir-restawr ta' l-'Stop Wall (Bridge)' li jaqsam il-wied ta' Bingemma u r-restawr ta' medda ta' madwar 250 metru ta' ħitan imġarrfin. Dawn ix-xogħlijiet s'issa swew Lm19,000.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm flus intefqu u xogħol sar fir-restawr tal-Batterijia ta' Pembroke?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol ta' restawr tal-Batterija ta' Pembroke kien jikkonsisti fir-riabilitazzjoni tal-batterija fejn il-partijiet oriġinali tagħha ġew restawrati filwaqt li tista' tintuża wkoll bħala post ta' rikreazzjoni u playing field żgħira għat-tfal. Il-kmamar ta' taħt l-art li jiffurmaw parti minn l-istess batterija ser jintużaw mill-Kunsill ta' Pembroke bħala Ċentru ta' Informazzjoni dwar Pembroke. Ix-xogħol inbeda fl-1998 u ntemm fil-bidu ta' 2002 filwaqt li l-ammont ta' flus fuq il-proġett huwa ta' madwar Lm23,000.00.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol ta' tindif sar u kemm dan ġie jiswa ġewwa r-raħal ta' Pembroke?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nitolbu jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk sarx xi tisbiħ u afforestazzjoni ta' partijiet minn Pembroke u jekk iva jistax jiġi indikat x'tipi ta' siġar ġew imħawla?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li qed isir xogħol ta' afforestazzjoni ġewwa Pembroke fil-lokalita bejn Triq in-Normandija, Triq Cassino, Triq Mandalay, Triq Medjez u Triq Tunis. Sa issa tħawlu madwar 1200 pjanta fosthom Quercus ilex, Cercis siliquastrum, Olea europaea, Prunus sp. Pistacia lentiscus, Arbutus unedo, Hypericum aegypticum, Rosmarinus officinalis, Hipparenia, Hedera helix, Senns corymbosa u Santolina. Mis-siġar kollha li tħawlu waħda biss mhix indiġina.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'ħidma saret sabiex ikun hemm it-tisbiħ tal-parti li hemm madwar iċ-ċentru u l-knisja parrokkjali ġewwa Pembroke?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol li sar min-naħa tad-Distretti madwar il-Knisja parrokkjali ġewwa Pembroke, kien jikkonsisti mill-bankini u l-pavimentar tagħhom.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol sar, kemm dam isir u x'intefaq sabiex tinstab soluzzjoni tal-problema tal-għargħar fis-Swieqi u preċiżament minn Triq il-Qasam għall-Triq is-Sidra u Triq Swieqi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol konnessjoni mal-problema ta' l-għargħar fi Triq il-Qasam, Swieqi, beda fi Frar 2002 u spiċċa f'April 2002.
L-ispiża ta' dan ix-xogħol kienet ta' Lm23,587.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol sar u kemm intefqu flejjes fit-tisbiħ tal-Promenade ta' Tas-Sliema u kemm dam biex dan isir?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol ta' tisbiħ fuq il-promenade ta' Triq it-Torri f'Tas-Sliema sar f'fażijiet kif jidher hawn taħt. Fost ix-xogħol estensiv li sar, insemmu l-pavimentar ġdid, railings, bankijiet, dwal dekorattivi u 'verges' bil-ħamrija fejn tħawwlu siġar u pjanti.
Bejn Ottubru 1999 - Ġunju 2000 tlestiet il-promenade minn ħdejn il-Fortizza sa fejn it-Torri fl-ewwel fażi tal-proġett.
Bejn Ottubru 2000 - Ġunju 2001 tlestiet it-tieni fażi minn fejn it-Torri sa faċċata tal-Kunvent tal-Karmnu. Permezz tax-xogħlijiet f'din il-fażi il-promenade kien aċċessibli kollu għal pubbliku fl-aħħar ta' Ġunju 2001.
L-uniċi xogħlijiet li ma tlestewx fit-tieni fażi kien ix-xogħol fuq il-kiosk tal-ħadid fondut f'Fond Għadir u l-area ta' madwaru, nkluż il-monument ta' tifkira. Dan ix-xogħol flimkien mar-restawr tat-Torri ta' San Ġiljan, pavimentar ta' madwaru u x-xogħol estensiv fuq il-playing field ta' fejn it-Torri , tlestew bejn Ottubru 2001 u Ġunju 2002.
In-nefqa fuq il-proġett li tinkludi kuntratti, materjal u overtime tal-ħaddiema kienet kif jidher hawn taħt:
1999 Lm 90,651.
2000 Lm 456,152.
2001 Lm 560,374.
2002 (sa 6/8/02) Lm 175,780.
------------------
TOTAL Lm1,282,957.
------------------
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra liema xogħol ta' tisbiħ sar sabiex jiġu msebbħa l-playing fields li hemm ġewwa t-torri u ġnien l-Indipendenza, Sliema u jistax jingħad kemm flejjes intefqu u jekk kienx hemm ukoll installazzjoni ta' sistemi ġodda ta' dawl?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-playing field ta' fejn it-Torri ġie 'upgraded' fuq disinn ġdid li kien jinkorpora 'play equipment' b'disinn modern u tapiti ta' 'safety material' kuluriti. Saret ukoll sistema ta' dwal dekorattivi ġodda. Ġiet ukoll irranġata l-latrina pubblika biex tinkludi faċilitajiet għal nies bi bżonnijiet speċjali.
Il-parti l-kbira tax-xogħol saret minn ħaddiema tat-Taqsima tax-Xogħlijiet inkluż ix-xogħol ta' pavimentar. Is-'safety material' sewa Lm17,564. Il-'play equipment' sar mid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi u l-ħlas għalih sar mill-Kunsill Lokali ta' Tas-Sliema.
Il-playing field fi Ġnien Indipendenza ġie rranġat. Saret manutenzjoni tal-'play equipment' u ġew irranġati l-passaġġi. Twaħħlu wkoll dwal dekorattivi.
Dan ix-xogħol sar kollu minn ħaddiema fit-Taqsima tax-Xogħlijiet.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra xi spejjeż intefqu u x'xogħol sar sabiex jinbidlu l-bankini fuq in-naħa residenzjali ta' Triq it-Torri Sliema?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol li sar fuq in-naħa residenzjali ta' Triq it-Torri, Sliema kien jikkonsisti f'bankini ġodda, rilokazzjoni tas-servizzi kollha u 're-surfacing' u 're-instatement' tal-wiċċ tat-triq bit-tarmak kif meħtieġ. Ix-xogħol sar in kollaborazzjoni mad-Dipartiment tat-Toroq fil-Ministeru tat-Trasport u Komunikazzjoni. In-nefqa fuq dan ix-xogħol kienet kif jidher hawn taħt:
L-Ewwel Fażi
Kurduna, servizzi u wiċċ ġdid tat-triq bit-tarmak
minn fejn il-Fortizza sa Fond Għadir Lm 52,233.
Pavimentar ġdid fil-bankini (minn ħdejn il-Fortizza sat-Torri) Lm 29,059.
'Reinstatement' tat-trinek (minn Fond Għadir sat-Torri) Lm 18,431.
Sar xogħol fuq il-bankini u servizzi minn ħaddiema
tal-Gvern (minn Fond Għadir sat-Torri)
It-Tieni Fażi (minn ħdejn it-Torri sa ħdejn il-Kunvent tal-Karmnu)
Sar xogħol fuq il-bankini u servizzi minn ħaddiema tal-Gvern
Pavimentar ġdid fil-bankini Lm 12,720.
'Reinstatement' ta' trinek Lm 5,709.
----------------
Valur Totali ta' xogħol bil-kuntrattur Lm118,152.
----------------
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm intefqu flus sabiex issir public convenience ġdida ħdejn Ferro Beach Sliema?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-latrina pubblika ħdejn Ferro Beach, Sliema kellha tinbena mill-ġdid għax dik li kien hemm kienet ta' ostakolu għall-veduta fuq il-promenade. Saret ukoll sistema ġdida tad-drenaġġ b'pompi ġodda u sentina taħt l-art. In-nefqa totali fuq ix-xogħol kollu kienet tammonta għal madwar Lm46,118.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol ta' restawr sar fit-Torri ta' Tas-Sliema u kemm dam sabiex dan isir u kemm intefqu flejjes?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol ta' dan it-Torri beda f'Jannar 2001 u spiċċa fi Frar 2001. Ix-xogħol ikkonsista f'tibdil ta' ammont żgħir ta' ġebel li kien spiċċa għal kollox u kien ta' periklu għan-nies li jippassiġġaw regolarment f'dan il-post, tindif tal-faċċati minn tikħil ta' cement li kien sar fil-passat, tberfil tal-fili u tiswija ta' ħafna ġebel li ma kellux għalfejn jinbidel. Ix-xogħol ġie jiswa madwar Lm11,000.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra liema ħidma twettqet u kemm intefqu flus fit-tkomplija tat-tisbiħ tax-xatt ta' l-Exiles f'Tas-Sliema?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol tat-tkomplija tat-tisbiħ tax-Xatt ta' l-Exiles f'Tas-Sliema kien jikkonsisti f'dan li ġej:
Ġunju - Lulju 2000 - Sar proġett konġunt ma' l-Awtorita' tat-Turiżmu li kien jikkonsisti f'tindif tax-xtajta u l-blat, pavimentar fil-passaġġi, railings u tined ta' l-injam u dwal dekorattivi. Il-materjal għal dan ix-xogħol inxtara mill-Awtorita' tat-Turiżmu u t-Taqsima tax-Xogħlijiet provdiet il-ħaddiema biex isir dan ix-xogħol.
Għal ħabta ta' Mejju ta' din is-sena reġa' nbeda xi xogħol fuq il-passaġġi li issa mistenni jitkompla f'Ottubru li ġej.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol sar u kemm intefqu spejjeż sabiex dan sar fil-promenade ta' San Ġiljan, fl-ewwel fażi tagħha u fit-tieni fażi tagħha u kemm dawn damu sabiex isiru? Jista' wkoll jindika x'ħidma sejra ssir fit-tielet fażi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol li sar fil-promenade fi Triq G Borg Olivier f'San Ġiljan kien jinkludi dan li ġej:
twessiegħ tal-bankina, railings, pavimentar ġdid, verge tal-ħamrija, dwal dekorattivi, ġibjun, latrina pubblika u rampa li tagħti għal fuq il-blat. Twaqqa' wkoll il-club tal-waterpolo ta' San Ġiljan li nbena mill-ġdid biex jippermetti t-twessiegħ tal-promenade kif meħtieġ.
L-ewwel fażi tax-xogħol saret bejn Frar 2001 u Ġunju 2001 u kienet tkopri l-promenade minn ħdejn iċ-'Chains' sa quddiem Trejqet Grenfell. In-nefqa matul l-2001 kienet tammonta għal Lm167,059.
It-tieni fażi tax-xogħol saret bejn Ottubru 2001 u Ġunju 2002. F'din il-fażi tkompla x-xogħol fuq il-promenade sa ħdejn il-pitch tan-Neptunes WPC. Sar xogħol strutturali estensiv sew fl-art u fil-baħar biex ippermetta t-twessiegħ tat-triq fil-parti dejqa bejn iż-żewġ pitches. F'din il-fażi sar ukoll xogħol fuq il-wiċċ tat-triq, servizzi ġodda u bankina ġdida n-naħa tar-residenti.
In-nefqa sa llum fuq ix-xogħol li sar f'din il-fażi jammonta għal Lm262,479.
Fit-tielet fażi hu ppjanat li jitkompla x-xogħol fuq il-promenade minn ħdejn in-Neptunes WPC sa 'Barracuda Restaurant'. Għad jonqos isir ukoll xogħol fuq il-wiċċ tat-triq u servizzi relatati sa fejn Pjazza Balluta.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol sar u kemm intefqu spejjeż sabiex isir it-tibdil neċessarju u tisbiħ ta' Triq Wilġa, f'Paceville?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol li sar s'issa f'Wilga Street, Paceville kien jikkonsisti f'tibdil fl-arranġament tat-traffiku fl-inħawi tar-roundabout. Dan ix-xogħol mistenni li jitkompla f'Ottubru li ġej.
In-nefqa għal dan ix-xogħol mistennija li tammonta għal madwar Lm30,000.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol sar u kemm intefqu spejjeż sabiex isir it-tibdil neċessarju u tisbiħ ta' Triq Michelang Borg, viċin ta' Wied Kalċi, San Ġiljan preċiżament ħdejn Triq Reġjonali?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li t-tibdil li sar biex tissebbaħ Triq Michelang Borg, San Ġiljan, kien jikkonsisti fi 93 metru kubu xogħol ta' ħitan tas-sejjieħ u bini ta' bankina, li ġew jiswew Lm4,871.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol sar fil-knisja l-antika ta' Lapsi, San Ġiljan u kemm intefaq fuqha u kemm dam għaddej dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol li sar f'din il-knisja huwa xogħol ta' restawr fuq il-volta mpittra tal-knisja. Dan ix-xogħol kien neċessarju minħabba li biċċiet tal-pittura bdew jinqalgħu flimkien ma' partijiet mix-xorok, u dan kien qed jippreżenta periklu għan-nies.
Ix-xogħol intemm fi Frar 2002 wara perjodu ta' 10 xhur u ntefqet is-somma ta' Lm24,000.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol sar mid-dipartiment relattiv sabiex tissolva l-problema tal-għargħar li kien hemm ġewwa Triq B'Kara, San Ġiljan?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet li saru mill-Unit għal Servizzi ta' Tisbiħ sabiex tiġi riżolta l-problema ta' l-għargħar li kien hemm ġewwa Triq Birkirkara, San Ġiljan, kienu jikkonsistu f'dan li ġej:
Tħaffir ta' storm water gallery minn Triq Ġdida fi Triq Birkirkara, sat-Traffic Lights ta' taħt il-pont ta' San Ġiljan.
Kostruzzjoni ta' sistema ta' ġbir ta' l-ilma tax-xita minn Birkirkara Hill, sal-mina msemmija hawn fuq.
Kostruzzjoni ta' sistema ta' ġbir ta' l-ilma tax-xita minn Triq is-Siġra sa taħt il-pont.
Tindif tal-culvert eżistenti ġo Triq Birkirkara.
Tender oħra ġo Naxxar Road, San Ġwann għal xogħol simili u li hija kkunsidrata bħala l-aħħar fażi ta' dan il-proġett qiegħda tiġi proċessata u waslet biex tingħata.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm sar xogħol u x'intefaq fi flejjes fir-restawr ta' l-istatwa li hemm fi pjazza Balluta, San Ġiljan?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-istatwa tal-Pjazza tal-Balluta ġiet restawrata mit-Taqsima tar-Restawr. Sar ix-xogħol meħtieġ kemm fuq l-istatwa kif ukoll fuq il-vaska. Ix-xogħol sewa Lm2,000.