Jista' il-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba hemmx żvilupp fuq il-mistoqsija parlamentari 34991?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Persuni li għandhom fuqhom reġistrati każini tal-baned jew politiċi jistgħu jirreġistraw għax-xogħol fuq l-Ewwel Parti tar-Reġistru miżmum mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ. Iżda persuna li jkollha fuq isimha permess ta' negozju, per eżempju permess ta' bar ta' każin, ma tistax tirreġistra fuq l-Ewwel Parti ta' l-imsemmi Reġistru.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 34990, jista' il-Ministru jinforma l-Kamra f'liema stadju waslu l-proċeduri għar-rigward il-post 27, 28, 29 Strait Str, Valletta billi l-post jidher abbandunat u ma huwiex tajjeb għall-abitazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Kif għidt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 34990, il-post nru. 27 Strait Street, Valletta huwa proprjeta` tal-Gvern waqt li l-postijiet nru. 28 u 29 Strait Street, Valletta kienu ddikjarati meħtieġa għal skop pubbliku taħt l-Ordinanza dwar l-Akkwist ta` Artijiet għal Skopijiet Pubbliċi. Id-Dipartiment qiegħed fil-proċess li jistabbilixxi min huma s-sidien tal-proprjeta` imsemmija biex ikun jista` jsir il-kuntratt tal-akkwist.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 34645, jista' il-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba kienx hemm żviluppi posittivi għar-rigward Triq Antonio Falzon, Kalkara?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat illi d-Direttorat tat-Toroq għandu diversi talbiet għal- xogħlijiet fejn l-iżvilupp għadu lura bħal f'dan il-każ, u għalhekk qiegħed fil-proċess biex jifformula pjan biex toroq bħal dawn li jkunu ilhom miftuħa imma ma fihomx ħafna żvilupp, ikunu jistgħu jingħataw surfacing temporanju biex ir-residenti f'dawn it-toroq ma jibqgħux f'sitwazzjonijiet ta' nkonvenjent.
B'riferenza għal misotqsija parlamentari 34643, jista' il-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba kienx hemm żviluppi posittivi għar-rigward it-toroq Mulett u AG Chesney Xgħajra?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat illi d-Direttorat tat-Toroq għandu diversi talbiet għal xogħolijiet fejn l-iżvilupp għadu lura bħal dan il-każ, u għalhekk qiegħed fil-proċess biex jifformula pjan biex toroq bħal dawn li jkunu ilhom miftuħa imma ma fihomx ħafna żvilupp, ikunu jistgħu jingħataw
surfacing
temporanju biex ir-residenti f'dawn it-toroq ma jibqgħux f'sitwazzjoni ta' nkonvenjent.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 34629, jista' il-Ministru jinforma l-Kamra jekk hemmx żviluppi rigward il-balavostri taz-zuntier tal-knisja ta' San Filippu Senglea?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat sa llum għad ma hemmx żviluppi ġodda rigward il-balavostri taz-zuntier tal-Knisja ta' San Filippu Senglea.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ilu għaddej ix-xogħol fuq Triq Hompesch, Fgura? Kemm flejjes intnefqu? Jista' jiġi indikat ukoll, bl-aktar mod dettaljat, dwar ix-xogħol kollu li sar sal-lum u x'jonqos li jsir?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li l-proġett ta' Triq Hompesch fil-Fgura effettivament beda f'Ottubru 2001 wara li ġie mwaqqaf mill-Kunsill tal-Fgura fil-bidu ta' Settembru.
S'issa ntefqu Lm318,306.10 li jinkludu s-servizzi ta' l-ilma, storm water culvert, reconstruction tas-sub base tat-triq, xogħol ta' asfalt, kurduni u bankini.
Jonqos li jissaqqaf il-ġibjun li hemm ħdejn HSBC kif ukoll li jingħata t-tarmac fuq il-parking area li għandha ssir fuq l-istess ġibjun.
Jista' il-Ministru jindika f'liema stadju amministrattiv jinsabu l-proċeduri sabiex jinbeda x-xogħol fuq t-toroq Carmelo Penza u Carmelo Ritchie, Xgħajra?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li d-Direttorat tat-Toroq ġabar l-informazzjoni meħtieġa sabiex isiru dawn it- toroq u li issa ġew inklużi fil-programm ta' xogħolijiet li d-Direttorat qed iħejji biex jintlaħqu t-talbiet li ġew preżentati mill-Kunsilli Lokali kollha.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm siġar taż-żebbuġ, u minn dawn jistax jiġi indikat liema varjeta`, ġew imħawwla madwar Malta u Għawdex? Jista' jiġi indikat kemm ġew imħawwla fit-tieni distrett?
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra f'liema stadju waslet il-librerija ġewwa l-iskola primarja tal-Fgura? Kemm kotba ġodda se jingħataw lilha? F'liema lingwi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-librerija tal-Fgura issa għandha lok ġdid u aktar addattat minn fejn kienet, b'aċċess dirett għall-pubbliku minn barra u aċċess ieħor mill-iskola għall-istudenti. Ix-xogħol fuq il-post il-ġdid mexa ġmielu u hu ttamat li din il-Librerija ma ddumx ma terġa' tibda tiffunzjona b'aktar kotba ġodda u attrezzament aħjar.
Għas-sena 2002 minbarra l-fondi allokati lil-Librerija min-naħa tad-Dipartiment li jammontaw għal Lm100, il-Kunsill Lokali ħaseb biex għal-Librerija f'post ġdid jixtri b'kemm jiswew Lm1,600 kotba. Dan wara li nġabret informazzjoni dwar it-tip u l-istat tal-kotba li kien hemm fil-Librerija sabiex jiġu mixtrija kotba li għalihom hemm talba mill-pubbliku u li huma neċessarji ġo librerija fergħa bħal din tal-Fgura. Il-kotba li nxtraw huma b'dawn il-lingwi:- Malti, Ingliż, Taljan, Franċiż, Ġermaniż u Spanjol.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm persuni daħlu fil-palazz ta' l-inkwiżitur tul din is-sena, sal-15 ta' Ottubru, 2002? Kemm kien hemm dħul minn dan? Jista' jiġi indikat ukoll jekk tul dan is-sajf sarx xogħol ieħor ta' restawr u jekk huwiex previst li l-faċċata tiegħu tiġi restawrata?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' nies li żaru l-Palazz ta' l-Inkwiżitur 'din is-sena sal-15 ta' Ottubru huwa ta' 30,000, li sarraf fi dħul ta' Lm5,800.
Ix-xogħol ta' restawr u rijabilitazzjoni li sar matul dan is-sajf kien:
* Tqegħid ta' ċangatura u tiswija tal-forn fis-sezzjoni tal-kċina li issa re-għet infetħet għall-pubbliku wara numru ta' snin.
* Tneħħija t'a art tal-konkos u tqegħid ta' ċangatura fil-bitħa interna tal-ħabs.
* Tkomplija ta' tindif ta' bjar.
* Tibjid, brix ta' ħitan u xogħol ta' tiswija u tisbih ġenerali f'ħafna postijiet.
* Ġie ppubblikat ukoll ktieb fuq il-ħabs tal-palazz li qed jinbigħ mill-post, kif ukoll brouchure ġdid.
* Il-faċċata
Wara diskussjonijiet preliminari, l-Awtorita` tat-Turiżmu, flimkien mas-sezzjoni tar-restawr tal-Birgu, se jibdew il-proġett tar-restawr tal-faċċata tal-Palazz ta' l-Inkwiżitur. Bħalissa qed isiru l-preparamenti ġenerali. Ix-xogħol mistenni jibda tard din is-sena jew kmieni s-sena d-dieħla.
Jista' il-Ministru jara jekk hux possibbli li l-għassa tal-pulizija ta' Bormla jkollha żieda fil-pulizija billi qed ikun hemm diffikulta` sabiex ikun hemm pulizija l-ħin kollu waqt id-dħul u l-ħruġ ta' l-istudenti ta' l-iskola G Despott, Verdala li qiegħda fuq arterja prinċipali li terġa' jiżdidilha l-volum billi arterji oħra jingħalqu billi jkun hemm tfal ta' skejjel oħra ħerġin?
Jista' jara wkoll li jkun hemm makna tal-fotokopji u tal-fax aktar aġġornati maż-żmenijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma` l-iskola imsemmija qed ikun hemm Pulizija waqt id-dħul u ħruġ ta` l-istudenti. Biex ma jkunx hemm, irid jinqala xi ħaġa urġenti li tkun tenħtieġ il-preżenza tal-Pulizija. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi ma hemm l-ebda talba f`dan il-kuntest mill-uffiċjal inkarigat minn din l-Għassa.
Jista' il-Ministru jara jekk hux possibbli li jsiru trattativi mas-sidien preżenti sabiex il-Bieb u l-fortizza tas-Salvatur fil-Kalkara, li kien mogħti lil terzi b'ċens perpetwu u li sussegwentement infeda fis-snin tmenin taħt amministrazzjoni Laburista , jingħata lura billi dan jinsab abbandunat totalment u qed issirlu ħsara kbira?
Response (BORG, TONIO)
Id-Dipartiment tal-Artijiet lest li jitratta mas-sidien jew jakkwista lura il-proprjeta` sabiex tiġi restawrata taħt il-Kapitolu 88 "Ordinanza dwar l-Akkwist tal-Artijiet għal Skopijiet Pubbliċi" meta jiġi mitlub li jagħmel dan.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol sar matul is-sajf fl-iskola primarja ta' Bormla u kemm flus intnefqu? Jista' jiġi indikat kemm hemm tfal subien u bniet jattendu din l-iskola, sena b'sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Sedua oħra.
Informat li fl-iskola Primarja ta' Bormla hemm dawn it-tfal jattendu:
Subien Bniet Total Klassijiet
Year 1 23 15 38 3
Year 2 16 21 37 2
Year 3 37 28 65 4
Year 4 18 25 43 3
Year 5 26 25 51 3
Year 6 45 28 73 4
Total 165 142 307 19
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra fuq ix-xogħol li sar riċentement mid-dipartiment tad-drenaġġ f'Bormla wara l-aħħar xita? Jista' jiġi indikat jekk dan l-ilma tax-xita huwiex jinġabar separatament u jinten?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Xogħlijiet li saru mid-Dipartiment tad-Drenaġġ riċentament f'Bormla wara l-aħħar xita, huma biss f'manutenzjoni tad-Drenaġġ permezz tal-bowsers.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra dwar ix-xogħol li sar fuq il-belveder quddiem Couvre Porte, Birgu, u kemm flus intnefqu sa issa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li bħalissa qed isir pavimentar tal-belvedere ta' Couvre Porte, Birgu. Dan huwa proġett importanti ħafna peress li dan huwa punt kruċjali għat-turiżmu fil-Kottonera. Dak li qed isir huwa biss l-ewwel parti minn proġett ta' titjieb li ser jgħaqqad din il-parti ma' Triq Boffa li diġa kienet riabilitata (flimkien mal-Kunsill Lokali). Fil-belvedere qed isir pavimentar u ser jitwaħħlu siġar. Aktar tard se jsir id-dawl ukoll. Il-proġett ta' din il-fażi huwa stmat li jiswa mal-ħamsin elf lira u diġa sar madwar nofs ix-xogħol previst.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kotba ġodda nxtraw tul din is-sena sat-30 ta' Settembru 2002? Jista' jiġi indikat ta' liema lingwa kienu u kemm ġew jiswew?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul din is-sena sat-30 ta' Settembru 2002, mill-fondi allokati lil-Librerija Pubblika Ċentrali għax-xiri tal-kotba inxtraw 6018 ktieb li b'kollox ġew jiswew is-somma ta' Lm18,185. Dawn kienu f'dawn il-lingwi:- Malti, Ingliż, Taljan, Franċiż, Ġermaniż u Spanjol.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 33064, jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra f'liema stadju wasal il-pjan għar-restawr ta' dan il-monument storiku?
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm persuni daħlu fit-tempju ta' l-Ipoġew ġewwa Raħal Ġdid minn meta reġa' infetaħ għall-pubbliku? Kemm daħħal flus id-dipartiment minnu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' nies li daħlu fit-tempju ta' l-Ipoġew Raħal Ġdid minn meta reġa' nfetaħ għall-pubbliku huwa ta' 44,997, li ssarraf fi dħul ta' Lm124,580.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra f'liema stadju ta' restawr u xogħol jinsab il-post mgħoddi lill-fondazzjoni Wirt Artna magħruf bħala Bieb is-Sultan?
Response (BORG, TONIO)
Peress li x-xogħol ta` restawr qed isir taħt is-superviżżjoni tar-Restoration Unit tat-Taqsima tax-Xogħlijiet, l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub sabiex jgħaddi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.