Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #37143 Sitting 842 2002-12-18 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tat-Turiżmu

Relazzjonijiet — Malta/Ċina

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra xi żviluppi kien hemm fir-relazzjonijiet ta' pajjiżna maċ-Ċina f'dak li għandu x'jaqsam mat-turiżmu u jista' jinforma lill-Kamra wkoll kemm hemm gwidi liċenzjati fid-djaletti u lingwi Ċiniżi?

Response (REFALO, MICHAEL)

Jien infurmat li l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu qed tħaddem Marketing Plan għas-suq Ċiniż li jinkludi: · Ftuħ ta’ uffiċċju tal-MTA fl-Ambaxxata ta’ Malta ta’ Beijing · Żjarat ta’ Tour Operators u ġurnalisti Ċiniżi · Parteċipazzjoni fi Promotional Tours fi bliet kbar Ċiniżi · Parteċipazzjoni ġo fieri · Produzzjoni ta’ Website biċ-Ċiniż · Produzzjoni ta’ materjal publiċitarju u gwida biċ-Ċiniż Bħalissa persuna waħda għandha l-liċenzja biex tiggwida bil-lingwa uffiċċjali Ċiniża iżda hu maħsub li n-numru ta’ gwidi jiżdied.

St. Nicholas Married Quarters — Meters ta' l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li l-meters ta' l-ilma li jinsabu preżentement fuq barra tal-flats li hemm f'St. Nicholas Married Quarters jidħlu ġewwa billi kif inhuma se ssirilhom ħsara?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ser tinstalla kaxxa madwar il-meter ta' l-ilma tal-flats imsemmija.

Bormla — Triq Xandru - Fond nru. 25

Question

Jista' l-Ministru jara li l-post 25, Triq Xandru, Bormla preżentement f'idejn l-Uffiċċju Konġunt jinħareġ għall-bejgħ possibbilment bi prezz aktar konvjenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Konġunt qiegħed jagħmel il-verifiki neċessarji qabel ma tittieħed deċiżjoni jekk il-fond jinbiegħx skond id-disposizzjonijiet tal-Att dwar it-Trasferiment ta` Artijiet tal-Gvern.
Leg 9 PQ #37432 Sitting 829 2002-12-06 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tas-Saħħa

Bormla — Triq Xandru - Fond nru. 25

Question

Jista' l-Ministru jara li l-post 25, Triq Xandru, Bormla jiġi debitament disinfestat u mnaddaf billi hemm wisq imbarazz miġbur fih?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li wara li d-dipartiment ġie innotifikat b'dan il-każ fit-28 ta' Jannar 2002 saru żewġ spezzjonijiet, ġie identifikat is-sid u ntalab biex ineħħi l-imbarazz.

Avukat Ġenerali — Uffiċċju

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra f'liema stadju wasal il-post il-ġdid fejn l-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali għandu jiċċaqlaq?

Response (GATT, AUSTIN)

Diġa kien beda xi xogħol wara li nħarġu l-permessi mill-MEPA imma kellu jieqaf minħabba problemi ta` post alternattiv għall-inkwilina li toqgħod fil-lok.

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm flus intnefqu u kemm dam sejjer ix-xogħol fuq il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin fi Triq il-Merkanti? Jista' wkoll jinforma lill-Kamra jekk hemmx il-ħsieb li l-bankina ta' quddiemu ssir ukoll ġdida?

Response (BORG, JOE)

Ix-xogħol ta' restawr taż-żewġ faċċati ta' Palazzo Parisio li fih jinsab il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin ġie jiswa LM61,723,89 u dam sejjer 42 ġimgħa. Rigward il-bankina, tajjeb jingħad illi t-tiswija tal-bankini hija responsabbilta tal-Kunsill Lokali. Il Ministeru fi ħsiebu jagħmel talba lill-Kunsill Lokali tal-Belt, Valletta sabiex issir bankina ġdida quddiem il-Ministeru.
Leg 9 PQ #37435 Sitting 829 2002-12-06 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tal-Finanzi

Valletta — Monte di Pieta'

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bix-xogħol li sar ġewwa l-Monte Di Pieta' tul dawn l-aħħar erba' snin fi Triq il-Merkanti u jekk kemm-il darba hemmx il-ħsieb li tiġi restawrata l-faċċata tiegħu wkoll?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment kellu programm ambizjuż biex itejjeb l-effett tal-aspett tar-relazzjonijiet pubbliċi u tiżdied l-effiċjenza. L-uffiċji u l-ambjent ġenerali ma kienux ta' livell sodisfaċenti. Għalhekk kellu jsir xi ħaġa biex jittejjeb l-post minn fejn qed issir l-ħidma u fejn qed jintlaqa' l-pubbliku. Tfassal pjan u ntalbet l-għajnuna tal-Periti fis-Sezzjoni tar-Restawr fid-Diviżjoni ta' Xogħolijiet, l-aktar minħabba r-restawr tal-post u biex jintalbu il-permessi għall-bini ta' xi kmamar. Ix-xogħol fil-maġġor parti tiegħu sar mill-istaff industrijali tad-dipartiment - kostruzzjoni ta' kmamar bis-soqfa b'kollox, twaqqiegħ ta' soqfa, twessiegħ ta' twieqi u bibien, tqaxxir ta' ħitan, tikħil u tibjid, tqaxxir tat-travi, bdil ta' xorok, bdil ta' madum, tqegħid ta' xi madum aktar addattat, tfassil u tqegħid ta' ħadid fit-twieqi minħabba sigurta' tal-Monti di Pieta', tibdil fis-sistema ta' l-eletriku u ħafna xogħol ieħor. Dan wassal għal trasformazzjoni kompleta tal-uffiċċju bħal ma wieħed jista' jara b'għajnejh stess. Qabel tkaħħlu l-ħitan u tpoġġa l-madum, tħaffru t-trinek biex minnhom jgħaddi l-wiring tal-elettriku u tas-sistema kompjuterizzata tad-Dipartiment kollu. Wara li jitlesta l-bini tas-sala li ser sservi ta' Arkivju għad-dokumenti tad-Dipartiment hemm il-ħsieb li tiġi rrestawrata ukoll l-faċċata tal-Monte Di Pieta'.

Kalkara — Fortizza tar-Rinella

Question

Jista' l-Ministru jinforma lil-Kamra x'xogħol ta' restawr qiegħed isir fuq il-fortizza tar-Rinella fil-Kalkara u kemm dan huwa proġettat li se jiswa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Fil-preżent mhux qed isir l-ebda xogħol ta' restawr fil-Fortizza tar-Rinella mill-Minsteru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Dan il-Ministeru kien għamel xogħol fuq is-soqfa tal-Fortizza li kien qed jiġrilhom ħsara minħabba dħul ta' ilma. Dan ix-xogħol pero' twettaq is-sena l-oħra, u sewa Lm20,000.

Manoel Island — Xogħol ta' restawr

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x-xogħol ta' restawr qiegħed isir fuq Manoel Island ai termini tal-ftehim u kemm dan huwa proġettat li se jiswa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi skond il-ftehim, il-konsorzju MIDI huwa obbligat illi jagħmel xogħlijiet ta' restawr fil-Forti Manoel hekk kif inhuma ddettaljati fil-'Heritage Studies Report', anness mal-Kuntratt bħala parti minn Skeda Nru. 14. L-Onorevoli Interpellant huwa ġentilment infurmat illi l-informazzjoni rigward il-valur ta' dawn ix-xogħlijiet, tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #37141 Sitting 825 2002-12-03 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Pazjenti fi stat ta' koma irriversibbli

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra mill-1990 sa l-2002 kemm kien hemm u kemm hemm illum persuni li qegħdin fi stat ta' koma irriversibbli rikoverati fl-Isptar San Luqa u huwiex possibli li dawn jiġu indikati sena b'sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis jirriżulta li n-numru ta' persuni li ġew rikoverati fl-Isptar San Luqa minħabba f'koma (mhux speċifikata) jidhru hawn taħt. Fis-sistema tal-Hospital Activity Analysis nużaw l-ICD-9 u l-ICD-10 International Statistical Classification of Diseases and Related Health Problems li fiha mhemmx distinzjoni bejn koma irriversibbli u koma mhux speċifikata (ICD-9 code 7800, ICD-10 code R4012). Għalhekk in-numri fit-tabella hawn taħt jinkludu t-tipi kollha ta' koma jew ta' telf tas-sensi (unconsciousness) u wieħed ma jistax jiddistingwi jekk il-kundizzjoni kenitx irriversibbli jew le. L-informazzjoni qabel l-1993 ma kenitx tinġabar. Sena Numru ta' persuni li ddaħ ħ lu l-isptar b'koma (mhux speċ ifikata) 1993 47 1994 64 1995 112 1996 85 1997 97 1998 151 1999 151 2000 136 2001 130 2002 (Jan-Sept) 85 In-numru ta' pazjenti f'koma rriversibbli illum huwa zgħir u faċilment identifikabbli. Għaldaqstant ma nħoss li għandi nagħti aktar dettalji.
Leg 9 PQ #37326 Sitting 823 2002-12-02 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kordin — Ground/Senglea Athletics

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra xi spejjeż saru u minn min fuq l-ground ''C'' ġewwa Kordin fejn imorru jipprattikaw s-Senglea Athletics?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-area ta' madwar il-ground 'C' ġewwa Kordin ġiet imnaddfa mill-ħaddiema tad-Dipartiment ta' l-Indafa Pubblika tal-Ministeru ta' l-Infrastruttura u Riżorsi fuq talba mis-Segretarjat Parlamentari fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni. Ix-xogħol li qiegħed isir jinkludi tibdil ta' arbli u wire netting tal-ground u tal-gates. Għalissa ma jistgħux jingħataw dettalji dwar l-ispejjeż involuti minħabba li xi kontijiet għadhom qegħdin jinġabru filwaqt li ħafna mix-xogħol qiegħed isir mill-Impjegati tal-Gvern.

Ħaż Żabbar/Fgura — Gardiel road

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra jekk huwiex sejjer isir xi xogħol ġewwa Gardiel road bejn Ħaż Żabbar u l-Fgura u jekk huwiex sejjer jitla' l-ħajt li hemm fil-ġenb?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi l-Awtorita' dwar it-Trasport u l-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żabbar għamlu diversi laqgħat biex jiddiskutu kif Girdle Road tista' tiġi ntegrata aħjar fis-sistema tat-traffiku tal-lokalita'. Xogħol ta' titjib f' Girdle Road għalhekk ikun jista' jsir meta dan il-pjan jitlesta. Sadanittant qed isisr titjib fit-tarf tal-Fgura ta' din it-triq jiġifieri fil-junction bejn Hompesch Road u Triq il-Cottoner, fejn saret roundabout biex it-traffiku ikun jista' jgħaddi aħjar.
Leg 9 PQ #37328 Sitting 823 2002-12-02 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Promozzjonijiet — Head of School

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba Instructors III b'permanent warrant fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni humiex f'pożizzjoni li jkunu eliġibbli għal-promozzjoni bħala Head of School jew Assistent Head jew graded postijiet oħra?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-promozzjonijiet fil-pożizzjoni ta' Head of School u Assistant Head of School hija regolata mill-ftehim għar-riorganizzazzjoni tal-Gradi ta' l-Għalliema milħuq bejn il-Gvern u l-MUT fil-25 ta' Awissu 1994. Skond dan il-ftehim il-postijiet ta' Head jew Assistant Head huma miftuħa biss għal min għandu appointment ta' għalliem. Instructor III b'Permanent Warrant jista' jkun graded fil-post a' Counsellor jew Ko-Ordinatur ta' suġġett ta' sengħa fi skola tas-Snajja', u fil-post ta' Uffiċjal Edukattiv.

Bormla — Knisja ta' San Pawl

Question

Jista' il-Ministru jgħid x' xogħol sar u x-xogħol huwa prevvist li jsir fil-Knisja ta' San Pawl, Bormla?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li wara li tlesta r-restawr tal-faċċata tal-Knisja ta' San Pawl, Bormla, issa beda x-xogħol fuq ġewwa tal-Knisja. Ix-xogħol fuq il-faċċata tħallas kollu mill-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera waqt li x-xogħol fuq ġewwa qiegħed isir bi sħab bejn il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera u l-Knisja Parrokjali.

Birgu — Xoġol - faċċata Każin tal-banda San Lawrenz

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huwa previst li jinbeda x-xogħol tal-faċċata tal-Każin tal-banda ta' San Lawrenz Birgu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-proġett għadu fl-ewwel fażi ta' preparazzjoni.

Birgu — Dawl tat-toroq

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm bozoz ġodda saru mill-Enemalta mill-1999 sal-15 ta' Novembru 2002 fil-Birgu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni Enemalta nstallat disgħa u tletin lampa ġdida u ħdax-il floodlight fil-Birgu matul il-perjodu li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għalih.

Fgura — Dawl fit-toroq

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm bozoz ġodda saru mill-Enemalta mill-1999 sal-15 ta' Novembru 2002 fil-Fgura?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li bejn l-1999 u l-15 ta' Novembru ta' din is-sena twaħħlu wieħed u sebgħin lampa ġdida fil-Fgura.

Kalkara — Dawl tat-toroq

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm bozoz ġodda saru mill-Enemalta mill-1999 sal-15 ta' Novembru 2002 fil-Kalkara?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li matul il-perjodu li qed issir riferenza għalih, fil-Kalkara twaħħlu sitta u tletin lampa ġdida u għaxar floodlights.

Senglea — Dawl tat-toroq

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm bozoz ġodda saru mill-Enemalta mill-1999 sal-15 ta' Novembru 2002 fil-Belt Senglejana?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li matul il-perjodu msemmi twaħħlu tmintax-il lampa ġdida u tmien floodlights fl-Isla.

Servizz ta' l-e-gov

Question

Jista' il-Ministru, b'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 33859 et seq, jinforma lill-Kamra xi żviluppi kien hemm mal-Kunsilli Lokali ta' Ħaż Żabbar, Senglea, Birgu, Xgħajra, Kalkara u Fgura fl-istallazzjoni u aċċess tas-servizz ta' l-e-gov, jekk hemm bżonn post b'post?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-Kunsilli Lokali kollha, inklużi dawk imsemmija mill-Onor. Interpellant, iffirmaw u aċċettaw ir-responsabilitajiet tal-Local Government Electronic Policy u l-Gvern issa qed jgħaddi gradwalment lill-Kunsilli Lokali s-servizzi ta` l-e-government.