Legislature:
Category:
Reset
Active:

Annullament

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm persuni li ż-żwieġ tagħhom ġie annullat u reġgħu żżewġu f’dawn l-aħħar ħames snin sal-aħħar ta’ Marzu ta’ din is-sena?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-Reġistru Pubbliku ma jżommx informazzjoni speċifika dwar persuni li kisbu l-annullament u reġgħu żewġu. L-unika statistika li tinżamm f’dan ir-rigward hija dik ta’ kemm ġew reġistrati annullamenti sena b’sena.

Wied il-Għajn – Pulizija stazzjonati fl-għassa

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba fil-futur qarib hux se jkun hemm spettur stazzjonat u detailed permanentement fl-għassa tal-pulizija ta’ Wied il-Għajn?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa, l-Ispetturi li qegħdin iservu fid-Distrett numru 4 tal-Pulizija, qegħdin ilaħqqu ukoll mal-lokalita' ta' Marsaskala. In vista tal-fatt li dalwaqt se jibda l-kors fl-Akkademja tal-Pulizija ta' spetturi tal-pulizija ġodda, mhux eskluż li jkun hemm spettur li jkun stazzjonat permanentament f'din l-għassa.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — riżenji

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm diretturi ġenerali, diretturi u assistenti diretturi li rriżenjaw jew tneħħew fil-Ministeru u fid-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu minn Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum? Jista’ jindika r-raġuni għar-riżenja tagħhom u l-pożizzjoni li kienu jokkupaw?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Marzu 2013 sal-lum kien hemm b’kollox tnax –il diretturi ġenerali, diretturi u assistenti diretturi li rriżenjaw jew tneħħew mil-Ministeru u mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi. Ir-raġunijiet huma varjij, hemm każijiet personali, oħrajn għax ingħataw offerti f’impjiegi oħra jew nkella skada l-kuntratt.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — riżenji

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm diretturi ġenerali, diretturi u assistenti diretturi li rriżenjaw jew tneħħew fil-Ministeru u fid-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu minn Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum? Jista’ jindika r-raġuni għar-riżenja tagħhom u l-pożizzjoni li kienu jokkupaw?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi kien hemm persuna waħda fil-kariga ta' Assistent Direttur illi twaqqaflu il-kuntratt minħabba li ngħata kariga ġdida.

Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa — riżenji

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm diretturi ġenerali, diretturi u assistenti diretturi li rriżenjaw jew tneħħew fil-Ministeru u fid-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu minn Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum? Jista’ jindika r-raġuni għar-riżenja tagħhom u l-pożizzjoni li kienu jokkupaw?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta hija fin-negattiv.

Ministru tal-Affarijiet Barranin — safar

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm saru spejjeż mill-bidu ta’ din is-sena inkonnessjoni ma’ vjaġġi minn uffiċjali mill-Ministeru? Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il darba siefer u fejn u minn min kien akkumpanjat?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ispejjeż fuq safar minn Jannar sal-aħħar t’April laħaq it-total ta’ €262,731.47. Din l-ispiza tkopri (I) Safar tal Ministru (II) Safar tas-segretarjat li jakkunpanjaw il Ministru (III) Safar ta’ l-Ufficjali kollha tal Ministeru(IV) Safar ta’ Ambaxxaturi kollha akkredittati minn pajjizna, residenti u mhux residenti. Jiena sifirt ħdax il darba u d-dettalji mitluba jinsabu fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. FROM TO GRADE/ TITLE TO 17th January 24th January Hon Minister & Mrs Vella Belgium/Austria/Slovakia Assistant Private Secretary 19th January 20th January Director General Political, EU Affairs, Maltese Abroad Belgium 9th February 11th February Hon Minister Belgium Private Secretary 9th February 10th February Director General Political, EU Affairs, Maltese Abroad 20th February 20th February Hon Minister Belgium Private Secretary Director General Political, EU Affairs, Maltese Abroad 5th March 7th March Hon Minister Rome, Italy Private Secretary Director General Political, EU Affairs, Maltese Abroad 10th March 14th March Hon Minister & Mrs Vella Germany Assistant Private Secretary Director Protocol and Consular Services 3rd March 3rd March Hon Minister Belgium Head of Customer Care Director General Political, EU Affairs, Maltese Abroad 16th March 17th March Hon Minister Belgium Head of Customer Care Director General Political, EU Affairs, Maltese Abroad 20th March 22nd March Hon Minister & Mrs Vella Rome, Italy Chief of Staff 2nd April 3rd April Hon Minister Belgium Head of Customer Care 13th April 17th April Hon Minister Luxembourg/Spain Chief of Staff 13th April 15th April Director General Political, EU Affairs, Maltese Abroad Luxembourg 24th April 27th April Hon Minister Georgia Head of Customer Care

Ċentri ta’ detenzjoni – persuni min-Niġerja u mill-Ghana

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hawn persuni min-Niġerja u mill-Ghana fiċ-ċentri miftuħa,fiċ-ċentri ta’ detenzjoni u fil-komunità, preżentement?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa fiċ-ċentri ta detenzjoni hemm 34 Niġerjani u ma hemm l-ebda persuna mill-Ghana, filwaqt li fiċ-ċentri miftuħa hemm 51 Niġerjani u 6 mill-Ghana. Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jkollniex statistika ta’ kemm hemm persuni fil-komunità.

Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi – servizz ta’ -medjazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’passi ttieħdu sabiex is-servizz ta’medjazzjoni taħt l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi jibda jiġi offrut?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent hemm persuna li ġiet nominata mill-Kumitat għall-Medjazzjoni bejn il-Vittma u min wettaq ir-reat sabiex jiġi offrut servizz ta’ medjazzjoni taħt l-Att dwar il-Ġustizzja Ripartriċi. Din il-persuna nominata hija kwalifikata sabiex taħdem bħala medjatur f’dan il-qasam.

Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi – talbiet għall-parole

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm saru talbiet għall-parole taħt l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi u kemm ġew milqugħa talbiet s’issa mill-Parole Board?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mit-12 ta’ Marzu 2013 sal-21 ta’ April 2014 saru mija u tlieta u għoxrin talba għal-parole, minnhom tnejn u erbgħin talba ġew irtirati. B’kollox ngħataw 6 liċenzji tal-parole, fejn persuna waħda rrifjutat il-liċenzja. Dan ifisser li b’kollox ngħataw 5 liċenzji tal-parole.

Wied il-Għajn – Triq il-Blajjiet – dwal fit-triq

Question

Jista’ l-Ministru jassisti finanzjarjament lill-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn sabiex Triq il-Blajjiet minn Triq iż-Żonqor sa Triq Hurds Bank għal stallazzjoni ta’ dawl fit-triq billi hija kompletament fid-dlam?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat responsabbli mill-Kunsilli Lokali.
Leg 12 PQ #9158 Sitting 145 2014-05-06 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Wied il-Għajn – Strateġija għat-Turiżmu

Question

mifcJista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’passi ġew meħuda mill-Ministeru tul din is-sena sabiex Wied il-Għajn jingħata iktar importanza fl-istrateġija dwar it-turiżmu?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta ingħatat mill-predeċessur tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 7784. Nixtieq ntenni illi Wied il-Għajn huwa parti integrali miż-Żona Turistika tan-Nofs in-Nhar minn kif ġie mwaqqaf il-Kumitat Nazzjonali għaż-Żoni Turistiċi. Dawn il-kumitati qed jiffoka fuq ir-riżorsi għal manutenzjoni u skeda ta’ tindif xierqa għal dan is-sajf li ġej. Madankollu il-Gvern qed jifforma pjanijiet oħra għal azzjonijiet fit-tul.

Ċittadini Ukraini – arranġamenti għall-visa

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’arranġamenti saru għaċ-ċittadini Ukraini li jinsabu f’pajjiżna sabiex ikunu jistgħu japplikaw għall-visa?

Response (VELLA, GEORGE)

Nixtieq nirreferi lill Onor. Interpellant li aħna responsabli bħala Ministeru għall-aspett konsolari ta’ fejn wieħed japplika għall-visa. Ma nistgħax nifhem il-mistoqsija għaliex min qiegħed Malta, u hu jew hija Ukren/a, digà għandu visa. S'issa l-visi mill-Ukraina dejjem ġew minn Moska, allura lanqas tidħol il problema ta’ kif se jakkwistaw il-visi għall-Malta n-nies tal-Krimea. Qiegħed isiru attentati biex jinstab mezz kif dan il-process jista’ jitħaffef u ma jkunx hemm bżonn li ċittadin Ukren imur Moska. Bl-aħħar żviluppi li seħħew fl-Ukraina, dan il proċess ikollu jistenna xi ftit aktar milli kien maħsub

Diskussjonijiet fuq il-kwistjoni pendenti fl-Ukraina

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’ġie diskuss meta ltaqa’ mal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fiż-żjara riċenti tagħha f’Malta, partikolarment dwar il-kwistjoni pendenti fl-Ukraina? X’ġie ffirmat u x’programm ta’ kooperazzjoni se jkun hemm?

Response (VELLA, GEORGE)

Jiena nippretendi li l-Onor. Interpellant diġa qara l-Press Release, u r-rapport tal-Press Conference li saret fi tmiem il-laqgħa bejn il-Viċi Prim Ministru u Ministru għall Affarijiet Barranin Natalia Gherman u jien. Fl-10 t’April, iltqajt f’Malta mal-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Integrazzjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Moldova, l-E.T. Natalia Gherman. Din iż-żjara seħħet f'mument kruċjali f’kuntest ta’ żviluppi sinifikanti li qed iseħħu fil-Lvant tal-Ewropa. Waqt it-taħdidiet li kelli mal-Ministru Gherman ġew diskussi għadd ta’temi bilaterali kif ukoll is-sitwazzjoni fir-reġjun, speċjalment l-aħħar żviluppi fl-Ukrajna u l-impatt li dawn kellhom fuq il-pajjiżi ġirien. F’dan il-kuntest jiena sħaqt fuq l-importanza li Malta tagħti lill-Partenarjat tal-Lvant tal-Unjoni Ewropea (Eastern Partnership) u kif dan l-istrument jista’ jwassal lejn stabbilta’ ekonomika u politika dejjiema fir-reġjun. Infurmajt ukoll lill-Ministru Gherman li Malta ssostni li għandu jiġi ffirmat il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jinkludi ukoll Deep and Comprehensive Free Trade Area, bejn l-UE u l-Moldova f'Ġunju ta' din is-sena, kif ġie miftiehem ukoll mill-Kapijiet ta’ Stat u Gvern waqt il-Kunsill Ewropew tal-20 ta’ Marzu 2014. Waqt din iż-żjara, ġew iffirmati Ftehim għall-Ħelsien mit-Taxxa Doppja, kif ukoll Joint Declaration fejn Malta lesta li tagħti għajnuna lill-Moldova f’termini ta’ taħriġ u sostenn fl-ambitu tal-aspirazzjonijiet Ewropej ta’ dan il-pajjiż. Permezz ta’ din il-Joint Declaration, Malta ser tkun qegħda: · toffri l-appoġġ tagħha għal koperazzjoni dejjiema ta’ natura politika u settorjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Moldova; · taqsam l-esperjenzi tagħha f’dak li jirrigwarda integrazzjoni aktar mill-qrib mal-Unjoni; · tassisti lill-Moldova biex issaħħaħ il-parteċipazzjoni tagħha fi ħdan l-aġenziji u proġetti tal-Unjoni; · tagħti kontribut fit-tisħiħ tal-istituzzjonijiet fil-Moldova permezz ta’ taħriġ ta’ membri tal-korp diplomatiku.

Memorandum of Understanding man-Niġerja

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Memorandum of Understanding li ġie ffirmat reċentement man-Niġerja?

Response (VELLA, GEORGE)

M'għandix diffikulta npoġġi id-dokumenti mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra (kopja tal-Memorandum ta' Ftehim li ġie ffirmat man-Niġerja fit-3 ta' April 2014 dwar kooperazzjoni fil-qasam tal-immigrazzjoni). Imma nfakkar lill-Onor. Interpellant li kopja ta' dan il-Memorandum ta' dan il ftehim hija aċċessibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin.

Memorandum of Understanding iffirmati

Question

Jista’ l-Minisitru jgħid kemm ġew iffirmati Memorandum of Understanding minn April 2013 sal-aħħar ta’ Marzu 2014? Jista’ jindika ma’ liema pajjiżi?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li l-Gvern Malti iffirma 35 Memorandum of Understanding/Ftehim minn April 2013 sal-aħħar ta' Marzu 2014. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' dan il-ftehim fejn hemm indikat ukoll il-pajjiżi li magħhom ġie konkluż dan il-ftehim.

South Sudan – kuntatti u diskussjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’pożizzjoni qed jieħu pajjiżna fil-konfront tas-sitwazzjoni pendenti fis-South Sudan u jekk kienx hemm kuntatti u diskussjonijiet ma’ dan il-pajjiż?

Response (VELLA, GEORGE)

Malta qed issegwi l-iżviluppi fis-Sudan tan-nofsinhar u tingħaqad mas-sejħa internazzjonali għal-waqfien mill-ġlied bejn il-Gvern ta’ dan il-pajjiż u r-ribelli. Il-Gvern Malti jkkundanna b’mod partikolari l-vjolenza etnika u l-vjolenza kontra l-popolazzjoni ċivili, kif ukoll l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż. Malta, flimkien ma’ bosta membri tal-komunita’ internazzjonali taqbel li ssir inkjesta indipendenti mill-Unjoni Afrikana dwar dawn l-abbużi. Is-sitwazzjoni umanitarja hija wkoll waħda prekarja bil-figura ta’ refuġjati nterni tilħaq madwar il-miljun. Malta tapprezza bis-sħiħ l-isforzi tal-Ġnus Magħquda u tal-Intergovernmental Authority for Development (IGAD) għall-ħarsien tal-popolazzjoni ċivili kif ukoll għall-medjazzjoni bejn il-Gvern tas-South Sudan u r-ribelli. Il-Gvern Malti rrikonoxxa l-indipendenza tas-Sudan tan-nofsinhar fl-10 ta’ Lulju 2011 iżda ma kienx hemm kuntatti diretti mal-Gvern ta’ dan il-pajjiż.

Konflitt fis-Sirja — pożizzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’pożizzjoni qed jieħu pajjiżna fil-konfront tal-partijiet fil-konflitt li hemm pendenti fis-Sirja in vista tal-aħħar żviluppi li kien hemm f’dawn l-aħħar ġimgħat?

Response (VELLA, GEORGE)

Matul il-kunflitt fis-Sirja, Malta b’mod konsistenti saħqet dwar l-importanza tad-diplomazija bħala soluzzjoni għas-sitwazzjoni kritika f’dan il-pajjiż, bil-prijorita’ immedjata tkun il-waqfien mill-ġlied u vjolenza kontra ċ-ċivili mill-partijiet kollha ta’ dan il-kunflitt. Il-pożizzjoni ta’ Malta fuq is-sitwazzjoni fis-Sirja hija riflessa fil-Konklużjonijiet u rapporti li ta’ kull xahar jiġu adottati mill-Ministri Għall-Affarijiet tal-Unjoni Ewropea imlaqqajgħin fil-Kunsill għall Affarijiet Barranin. B’mod partikolari, fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea li saret fl-14 ta’ April 2014, enfasizzajt il-kriżi umanitarja li żviluppat fi traġedja għal eluf ta’ Sirjani. Semmejt ukoll kif ir-rapporti li qed jinħarġu minn aġenżiji tal-Ġnus Magħquda huma allarmanti, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mas-setturi l-aktar vulnerabbli tas-soċjeta’ Sirjana, bħat-tfal. Waqt l-istess laqgħa, sħaqt ukoll fuq l-importanza li jiġu mħarsa d-drittijiet tal-minoranzi etniċi u reliġjużi fis-Sirja. Il-pożizzjoni Maltija hija wkoll waħda ta’ solidarjeta’ mal-pajjżi ġirien tas-Sirja, il-Libanu, l-Ġordan, it-Turkija u saħansitra l-Iraq li fetħu l-fruntieri tagħhom lil miljuni ta’ Sirjani li qed jaħarbu mill-qilla tal-vjolenza u d-disperazzjoni.

Pubblikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm saru pubblikazzjonijiet minn entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu tul is-sena li għaddiet, f’liema kwantitajiet, kemm ġew jiswew, għand min ġew stampati u lil min tqassmu?

Response (VELLA, GEORGE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Diskussjonijiet mal-Awtoritajiet Alġerini

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’diskussjonijiet saru mal-awtoritajiet Alġerini fl-aħħar laqgħa li nżammet f’dak il-pajjiż u li għaliha attenda s-Segretarju Parlamentari u x’ftehim ġie ffirmat?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-awtoritajiet Alġerini ospitaw u kienu l-Preżidenza għall-għaxar laqgħa tal-Ministri tal-agrikoltura fi ħdan ic-CIHEAM (The International Centre for Advanced Mediterranean Agronomic Studies), liema laqgħa kompliet telabora fuq it-tema tad-disa' laqgħa li nżammet f'Malta, f'Novembru 2012, dwar is-suġġett tas-sigurta tal-ikel (food security) fil-Mediterran. Qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dikjarazzjonijiet finali li ġew maqbula unanimament mid-delegazzjonijiet preżenti.
Leg 12 PQ #7893 Sitting 124 2014-02-25 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Pubblikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm saru pubblikazzjonijiet minn entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu tul is-sena li għaddiet, f’liema kwantitajiet, kemm ġew jiswew, għand min ġew stampati u lil min tqassmu?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.