Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #15508 Sitting 258 2015-05-04 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Finanzi

VAT – ħlas ta’ rifużjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu previst li se jitħallsu persuni li għandhom jieħdu lura ammonti ta’ flus f’rifużjonijiet fuq il-VAT sal-aħħar ta’ Frar 2015?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 15493.

Ministeru għall-Enerġija u Saħħa – ingaġġ ta’ ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati u ingaġġati persuni mill-Ministeru u mid-dekasteri varji li jaqgħu taħtu fl-2014?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Dipartiment tas-Saħħa – magni tal-kliewi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14850, jista’ l-Ministru jgħid kemm ilhom jiġu użati s-36 magna tal-kliewi? Jista’ jgħid jekk hemmx xi pjanijiet li jinxtraw oħrajn tul din is-sena?

Response (MIZZI, KONRAD)

Hemm ħsieb biex uħud minn dawn il-magni jitbiddlu fil-futur qrib.

Skejjel tal-Istat – xiri ta’ kotba bil-Latin

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm inxtraw kotba bil-Latin tul dawn l-aħħar sentejn għall-iskejjel tal-istat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li d-dipartiment responsabbli mix-xiri ta' kotba fi ħdan id-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni ma xtarax kotba bil-Latin tul dawn l-aħħar sentejn.

Skejjel – tagħlim tal-Latin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hawn tul is-sena skolastika 2013/2014 u kemm hawn tul is-sena skolastika 2014/2015 studenti fl-iskejjel sekondarji li qegħdin jew kienu qegħdin jiġu mgħallma l-Latin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fl-iskejjel sekondarji tal-Istat kif ukoll f’dawk tal-Knisja u Indipendenti ma hemmx studenti li qegħdin jitgħallmu l-Latin.

Skejjel sekondarji – tagħlim tal-Latin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn għalliema fl-iskejjel sekondarji li preżentament qed jgħallmu l-Latin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fl-iskejjel sekondarji tal-Istat kif ukoll f’dawk tal-Knisja u Indipendenti ma hemmx għalliema li jgħallmu l-Latin.

Skejjel tal-Istat — Xiri ta’ kotba bil-Grieg

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw kotba bil-Grieg tul dawn l-aħħar sentejn għall-iskejjel tal-istat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li d-dipartiment responsabbli mix-xiri ta' kotba fi ħdan id-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni ma xtarax kotba bil-Grieg tul dawn l-aħħar sentejn.

Skejjel – tagħlim tal-Grieg

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hawn tul s-sena skolastika 2013/2014 u kemm hawn tul is-sena skolastika 2014/2015 studenti fl-iskejjel sekondarji li qegħdin jew kienu qegħdin jiġu mgħallma l-Grieg?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fl-iskejjel sekondarji tal-Istat kif ukoll f’dawk tal-Knisja u Indipendenti ma hemmx studenti li qegħdin jitgħallmu l-Grieg.

Skejjel sekondarji – tagħlim tal-Grieg

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn għalliema fl-iskejjel sekondarji li preżentament qed jgħallmu l-Grieg?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fl-iskejjel sekondarji tal-Istat kif ukoll f’dawk tal-Knisja u Indipendenti ma hemmx għalliema li jgħallmu l-Grieg.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – amnestiji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni li kienu qed jiskontaw piena fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin bbenefikaw jew mistennija jibbenefikaw sal-aħħar ta’ din is-sena mill-amnestija li ġiet mogħtija fil-bidu ta’ din il-leġiżatura? Jista’ jindika wkoll in-natura tar-reat li kienu nstabu ħatja tiegħu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-amnestija li ġiet mogħtija fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura bbenefikaw 606 persuni. Dwar l-aħħar domanda, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 2713.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – ħabsin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, separatament, kemm kien hemm rġiel u nisa li daħlu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin tul is-snin 2013 u 2014?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2013 kien hemm 61 mara u 606 raġel filwaqt li matul is-sena 2014 kien hemm 42 mara u 589 raġel.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – maħfriet presidenzjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm persuni f’dawn l-aħħar 24 xahar li kienu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jiskontaw sentenza ta’ ħabs li ġew rilaxxati wara li ġiet milqugħa t-talba għall-maħfra presidenzjali? Jekk iva, kemm kienu dawn il-persuni?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-unika maħfra presidenzjali li ngħatat f’dawn l-aħħar 24 xahar, li fiha kien irrilaxxat priġunier kien nhar il-24 ta’ Jannar 2014, mill-Agent President Dolores Cristina.

Persuni jirreġistraw fl-ewwel parti tar-reġistru — statistika

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14852, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-2,389 persuna li kienu kklassifikati bħala li qed jirreġistraw għax-xogħol għal inqas minn 21 ġimgħa fl-aħħar ta’ Awwissu 2014 skont l-NSO press release 181/2014 sabu xogħol fis-settur pubbliku u fis-settur privat sal-aħħar ta’ Jannar 2015?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li mill-2,389 persuna li kienu kklassifikati bħala li qed jirreġistraw għax-xogħol għal inqas minn 21 ġimgħa fl-aħħar ta’ Awwissu 2014, 841 persuna sabu xogħol sal-aħħar ta’ Jannar 2015. Minnhom 777 persuna sabu xogħol fis-settur privat filwaqt li 64 persuna sabu xogħol fis-settur pubbliku.

B. Sc. Creative Computing — stipendju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema raġuni l-istudenti li qed jattendu għall-kors ta’ B. Sc. Creative Computing fl-istituzzjoni, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, għadhom mhux qegħdin jirċievu stipendju?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-istudenti li qed isegwu kors undergraduate u li applikaw taħt l-MGUS scheme kollha tħallsu u għadhom qed jitħallsu inkluż dawk li qed jattendu għall-kors ta’ B.Sc. Creative Computing fl-Istitut indikat mill-Onor. Interpellant u li kienu eliġibbli u li kellhom id-dokumentazzjoni kollha kif rikjesta fir-regolamenti annessi mal-istess applikazzjoni. Huma biss dawk l-istudenti li applikaw u li għadhom ma pprovdewx id-dokumenti obbligatorji li għadhom mhux jirċievu stipendju. Sakemm id-dokumenti ma jiġux provduti lill-Bord dwar l-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti, l-ebda deċiżjoni ma tkun tista’ tittieħed u d-dettalji tal-istudenti ma jkunux jistgħu jiġu proċessati għall-ħlas.

Università ta’ Malta — Kors ta’ Prokuratur Legali - stipendju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema raġuni l-istudenti li qed jattendu għall-kors ta’ prokuraturi legali fl-Università ta’ Malta għadhom mhux qed jirċievu stipendju?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dawk l-istudenti Universitarji reġistrati għall-kors LLB u li jagħżlu li filwaqt li jkunu qed jagħmlu sena addizzjonali għall-kors imsemmi jagħmlu wkoll programm full time b’60 credit li jwassalhom għal Diploma ta’ Prokuraturi Legali minn din is-sena skolastika bdew jitqiesu bħala eliġibbli għall-għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti u dan wara deċiżjoni tal-Bord dwar l-Għotjiet ta’ Manteniment lill-iStudenti. Id-dettalji ta’ dawn l-istudenti qed jiġu proċessati għall-ħlas b’lura mill-bidu ta’ din is-sena skolastika.

Il-Fgura – Kwalità tal-Ilma

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 13616 u 14849, jista’ l-Ministru jgħid meta saru l-eżamijiet dwar il-kwalità tal-ilma fil-Fgura. billi għad hemm l-ilmenti fuq dan?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħal-villaġġi kollha f'Malta u Għawdex, it-testijiet tal-ilma fil-lokalita' tal-Fgura jsiru kull xahar.

Wied il-Għajn – Għassa tal-Pulizija – permessi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-għassa tal-Pulizija ta’ Wied il-Għajn għandhiex il-permessi legali neċessarji sabiex titqiegħed fil-post fejn tinsab illum? Jekk iva, jistgħu jiġu ppreżentati fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-permess relattiv.

Każijiet ta’ vjolenza domestika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew investigati każijiet ta’ vjolenza domestika u kemm persuni tressqu persuni l-Qorti fis-snin 2013 u 2014 separatament fuq dan ir-reat? Jista’ jiġi indikat kemm kien hemm minn dawn il-każijiet li kienu każijiet ta’ vjolenza fiżika u kemm minnhom ta’ psikoloġika?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmati illi matul is-sena 2013 ġew irrapportati lill-pulizija 1,024 każ li jinvolvu vjolenza domestika filwaqt li fis-sena 2014 ġew irrapurtati 1,048 każ. Infurmat ukoll li matul is-sena 2013 tressqu 784 każ quddiem il-Qorti tal-Familja filwaqt li fis-sena 2013 tressqu 778 quddiem l-istess qorti. Qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi fejn saru ir-rapporti kif ukoll fhiex kienu jikkonsistu u cioe fejn kien hemm vjolenza fiżika u kemm minnhom każi psikoloġiċi, kif mitlub mil-Onorevoli Interpellant.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — pubblikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru pubblikazzjonijiet fi ħdan il-Ministeru u d-dekasteri varji li jaqgħu taħtu f’dawn l-aħħar sentejn? Jista’ jindika kemm ġew jiswew?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-pubblikazzjonijiet li saru huma kif jidher fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li kien għad jonqos tingħata informazzjoni mit-Taqsima tal-Accounts fi ħdan id-Dipartiment Servizzi Korporattivi. Dan it-tagħrif ikun jista' jingħata bħala informazzjoni addizzjonali hekk kif tingħatali din l-informazzjoni. Barra minn hekk, seta' kien hemm xi leaflets, speċjalment dawk ta' applikazzjonijiet partikolari, li mhumiex inklużi fit-tabelli. It-tabelli huma kif se nsemmi:- Tabella 'A' - Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Tabella 'B' - Direttorat għal Servizzi Edukattivi (Kulleġġi, u d-Direttorat għat-Tagħlim tul il-Ħajja u Studenti li jħallu l-Iskola Kmieni) Tabella 'C' - Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni (Dipartiment tal-Kurrikulu) Tabella 'D' - Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Tabella 'E' - Kunsill Malti għall-Isport Tabella 'F' - Malta Libraries Tabella 'G' - Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ Tabella 'H' - Arkivji Nazzjonali Tabella 'I' - Aġenzija Żgħażagħ Tabella 'J' - Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla Tabella 'K' - Aġenzija Programmi tal-Unjoni Ewropea Tabella 'L' - MCAST Tabella 'M' - Università ta' Malta. L-Università toħroġ pubblikazzjonijiet kif elenkati f’Appendix ‘i’ u ‘ii'. Lista ta’ journals prominenti ppubblikati minn Fakultajiet u Istituti tal-Università huma dawn li ġejjin: Journal of Mediterranean Studies – L-Istitut tal-Mediterran The Mediterranean Journal of Human Rights – Fakultà tal-Liġi Journal of Maltese Studies – Fakultà tal-Arti Malta Medical Journal – Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija Melita Theologica – Fakultà tat-Teoloġija Malta Journal of Health Sciences – Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa Tabella 'N' - Malta Racing Club

Persuni jirreġistraw fl-ewwel parti tar-reġistru — statistika

Question

B’referenza għall-aħħar statistika pubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni, li kienu ilhom jirreġistra fl-ewwel parti tar-reġistru inqas minn 21 ġimgħa (ħames xhur), sabu impjieg fis-settur pubbliku u kemm f’dak privat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Sabiex tkun tista’ tingħata tweġiba għal din il-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika l-perjodu li matulu jridu jittieħdu l-ħames xhur. L-istatistika pubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tagħmel referenza għall-istock ta’ reġistranti u mhux il-flow.