Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ – persuni li waqfu jirreġistraw għax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni waqfu jirreġistraw mill-ewwel parti tar-reġistru għax-xogħol mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ tul is-sena li għaddiet? Kemm persuni ġew maqtugħa fl-istess perjodu u kemm irtiraw?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ li fl-2014, 518-il persuna ġew maqtugħa (strike offs) u 40 persuna waqfu jirreġistraw mill-ewwel parti tar-reġistru għax irtiraw. Infurmat ukoll li dawn jagħmlu parti minn flow ta' 19,100 persuna li ma baqgħux jirreġistraw għal raġunijiet varji. Fil-fatt, fl-2014 kien hemm 18,033 persuna li bdew jirreġistraw fuq l-ewwel parti tar-reġistru.

Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ – Work Programmes

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-work programmes li qed jiġu offruti lill-persuni li jirreġistraw mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ humiex kollha ffinalizzati? Jista’ jippreżenta kopja tal-kontenut tal-work programmes iffinalizzati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fid-diskors tal-baġit għas-sena 2015, il-Gvern ħabbar li se jniedi Work Programme biex jgħin lil persuni li ilhom bla xogħol fit-tul jew inattivi biex jidħlu lura fid-dinja tax-xogħol. Infurmat li saru l-preparamenti meħtieġa biex din l-inizjattiva titnieda fil-ġimgħat li ġejjin. Il-programm ta’ kull individwu ser jiġi deċiż mill-operatur privat wara li jsir il-profil meħtieġ flimkien mal-klijent.

Reġistru għall-impjieg – kopja tal-kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kull min jiffirma sabiex jibqa’ fuq ir-reġistru għall-impjieg, huwiex qed jingħata kopja tal-programm li jkun qed jiffirma għalih?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li hija prassi tal-Korporazjoni għax-Xogħol u Taħriġ li kull darba li tirrikjedi li klijent jiffirma xi karta, dan jingħata kopja ta’ dak li jkun iffirma għalih.

Xogħlijiet ta’ Edukazzjoni u Impjieg — outsourcing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xogħol ta’ edukazzjoni u impjiegi li qed jiġi outsourced mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, l-MCAST u l-Università ta’ Malta għall-privat fl-isforzi tal-Gvern sabiex jonqsu n-nies jirreġistraw? Jekk iva, liema xogħol ġie outsourced, għal liema raġuni ġie outsourced? Għal liema kundizzjonijiet kuntrattwali ġie outsourced?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mit-tliet entitajiet indikati mill-Onor. Interpellant li ma hemmx xogħol ta’ edukazzjoni u impjiegi li ġie outsourced għall-privat għalkemm infurmat li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ ippubblikat tender permezz tad-Dipartiment tal-Kuntratti bl-isem “Framework Agreement for the Provision of Profiling, Placement and Training for the Implementation of the Work Programme Initiative”. Dan it-tender għadu qed jiġi evalwat.

Sillabu għal-lezzjonijiet ta’ monastery

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-sillabu għal-lezzjonijiet ta’ monastery li jingħataw f’livelli VET 1 u 2 jekk qed jiġi mgħallem?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra s-sillabu segwit fil-korsijiet Monastery Works MQF1 (kors akkreditat) u Monastery Works Level 2 (kors mhux akkreditat).

Sillabu għal-lezzjonijiet ta’ Bavarian Monastery

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-sillabu għal-lezzjonijiet ta’ Bavarian Monastery VET Level 1 jew qed jiġi mgħallem?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li s-suġġett Bavarian Monastery mhuwiex wieħed mill-korsijiet provduti mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja u Studenti li jħallu l-iskola kmieni.

Sillabu għal-lezzjonijiet ta’ Gold Embroidery

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-sillabu għal-lezzjonijiet ta’ Gold Embroidery VET Level 1 li qed jiġi mgħallem fl-iskola primarja tal-Furjana?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra s-sillabu segwit fil-kors Gold Embroidery MQF1 (kors akkreditat).
Leg 12 PQ #15650 Sitting 263 2015-05-13 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Att X tal-2010 – panel ta’ medjaturi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba l-panel ta’ medjaturi ai termini tal-Att X tal-2010 fis-sub-artikolu 3 tal-Artikolu 39 huwiex se jiġi maħtur fil-futur qarib?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Artikolu 39 tal-Att X tal-2010 għadu ma nġiebx fis-seħħ.

Skola Sekondarja ta’ Santa Luċija — studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti f’din is-sena akkademika fl-iskola Sekondarja ta’ Santa Luċija?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ studenti li qegħdin jattendu l-Iskola Sekondarja ta’ Santa Luċija (Kulleġġ San Tumas More) f’din is-sena skolastika hu 889.

Immigranti Irregolari ripatrijati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ripatrijati lura volontarjament jew le, persuni, immigranti rregolari li ma għandhomx status f’pajjiżna?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fis-sena 2013 ġew ripatrijati wieħed u sebgħin (71) persuna, filwaqt li fis-sena 2014 ġew ripatrijati tmienja u disgħin (98) persuna minn pajjiżi terzi. L-ebda wieħed minn dawn il-persuni ta’ pajjiżi terzi ma kellhom xi status f’pajjiżna u dan l-ammont ma jinkludix dawn li ġew ripatrijati voluntarjament.
Leg 12 PQ #15653 Sitting 263 2015-05-13 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Wied il-Għajn – Pjan ta’ Azzjoni

Question

B’referenza għall-mistoqisja parlamentari 7784, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba l-Kumitat Nazzjonali għaż-Żoni Turistiċi ltaqax mal-istakeholders f’Wied il-Għajn? Jekk iva, meta? Ġie mfassal pjan ta’ azzjonijiet li se jittieħdu għall-istess lokalità fis-settur turistiku?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Kumitat Nazzjonali għaż-Żoni Turistiċi, fejn hemm rappreżentanza minn Wied il-Għajn, iltaqa’ regolarment fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet kwart tas-sena 2014. Flimkien mal-Ministeru tal-Infrastruttura, dan il-Kumitat wettaq programm ta` tindif u manutenzjoni fuq il-promenade ta` Wied il-Għajn li kien ilu jinħass il-bżonn għalih iż-żmien. Hemm ukoll il-ħsieb li, b`kollabarazzjoni mal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, tiġi mmaniġġjata l-Bajja tal-Fajtata f`Wied il-Għajn minn dan is-sajf li ġej. Ta’ min ifakkar illi kien dan il-Gvern illi saħaq fuq l-importanza ta’ din il-lokalità u li kkunsidra lil Wied il-Għajn bħala parti miż-żona turistika fin-naħa t’isfel tal-pajjiż.
Leg 12 PQ #15654 Sitting 263 2015-05-13 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Wied il-Għajn — Jerma Palace Hotel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba sarx progress rigward il-bini mill-ġdid f’Hotel mis-sit tal-Jerma Palace Hotel f’Wied il-Għajn? Jista’ jindika jekk kemm-il darba ġie konsultat l-Ministeru tiegħu fuq dan?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu ma ġietx reċentement ikkonsultata dwar il-kwistjoni. Il-Ministru jissottolinea l-fatt li din hija propjeta’ privata li kienet għalqet bħala lukanda taħt amministrazzjoni preċedenti.

Wied il-Għajn – Għassa tal-Pulizija – permessi

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 10904, 10968, 13788, 14049 u 15389, jista’ l-Ministru jikkonferma li l-container li qed jiġi preżentament użat bħala Għassa tal-Pulizija ta’ Wied il-Għajn, għandu permess tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar sal-20 ta’ Mejju 2015 fil-Pjazza Dun Tarcisio u wara jrid jiġi mċaqlaq mill-ġdid?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li kif ġie spjegat fi tweġibiet oħra, l-għassa tal-Pulizija ta’ Wied il-Għajn għandha il-permessi legali neċessarji biex tqegħdet fil-post fejn tinsab illum. Irid jingħad ukoll li qabel ma l-premessi jiskadu, qed isiru arrangamenti biex is-sitwazzjoni tiġi rregolarizzata skond il liġi biex ikun hemm awtorita billi permess għal din l-Ghassa ma jibqax temporanju. Kif diġà thennejt fi tweġiba oħra fuq dan is-suġġet il-ħtieġa ta’ Għassa ġdida ġewwa Marsascala ilu snin twal jinħass u dan għal diversi raġunijet. Il-prokrastinazzjoni fi żmien il-Gvern Nazzjonalista waslitna għas-sitwazzjoni li ninsabu fiha llum. Din l-amministrazzjoni qed tagħmel ħilitha sabiex filwaqt li tibqa` tagħti s-servizz meħtieġ, fl-istess waqt insibu post adegwat sabiex ikun hemm Għassa li taqdi l-bżonnijiet tal-lum

Tempji Neolitiċi ta’ Ħal Tarxien

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm kien hemm persuni li żaru t-Tempji Neolitiċi ta’ Ħal Tarxien fis-snin 2013 u 2014?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fl-2013 marru 83,094 viżitatur it-Tempji Neolitiċi ta’ Ħal Tarxien, filwaqt li fl-2014 in-numru ta’ viżitaturi kien ta’ 77,149. Madanakollu, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minkejja li kien hemm tnaqqis fin-numru ta’ viżitaturi f’dan is-sit partikolari, meta wieħed jikkunsidra s-siti kollha li huma miftuħa għall-pubbliku, is-sena 2014 kienet waħda rekord għall-Heritage Malta.

Il-Palazz tal-Inkwiżitur

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm kien hemm persuni li żaru l-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu fis-snin 2013 u 2014?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fl-2013 marru 40,281 viżitatur il-Palazz tal-Inkwiżitur, filwaqt li fl-2014 in-numru ta’ viżitaturi kien ta’ 37,590. Madanakollu, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minkejja li kien hemm tnaqqis fin-numru ta’ viżitaturi f’dan is-sit partikolari, meta wieħed jikkunsidra s-siti kollha li huma miftuħa għall-pubbliku, is-sena 2014 kienet waħda rekord għall-Heritage Malta.

Il-Mużew Marittimu

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm kien hemm persuni li żaru l-Mużew Marittimu tal-Birgu fis-snin 2013 u 2014?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fl-2013 marru 29,348 viżitatur il-Mużew Marittimu, filwaqt li fl-2014 in-numru ta’ viżitaturi kien ta’ 26,562. Madanakollu, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minkejja li kien hemm tnaqqis fin-numru ta’ viżitaturi f’dan is-sit partikolari, meta wieħed jikkunsidra s-siti kollha li huma miftuħa għall-pubbliku, is-sena 2014 kienet waħda rekord għall-Heritage Malta

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – maħfriet presidenzjali

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15393, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra ta’ liema reat jew reati kien instab ħati l-persuna li ġie rilaxxat mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara maħfra presidenzjali?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata kien issentenzjat għal 15 il-ġurnata priġunerija, wara li kien naqas li jagħti l-manteniment lil martu.

Fgura — kwalità tal-ilma

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 13616, 14849 u 15388, jista' l-Ministru jinforma l-Kamra għala l-kwalità tal-ilma ġewwa l-Fgura għada ħażina?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet diġà mogħtija rigward l-ilma f’din il-lokalità, u ċjoè li huwa tajjeb għax-xorb.

Wied il-Għajn, iż-Żejtun u l-Fgura – persuni jirreġistraw

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm kien hemm persuni residenti Wied Għajn, iż-Żejtun u l-Fgura jirreġistraw għax-xogħol fl-ewwel parti tar-Reġistru fl-aħħar ta’ Diċembru 2014? Jista’ jindika dan lokalità, lokalità u kemm minnhom huma nisa u kemm irġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom ilhom jirreġistraw sena? Jista’ jindika wkoll kemm persuni minn dawn il-lokalitajiet tneħħew minn fuq ir-reġistru għax sabu xogħol, u kemm minnhom tneħħew għal raġunijiet oħra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fiż-żewġ tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Tabella 'A' turi n-numru taʾ persuni rreġistrati fuq l-ewwel parti tar-reġistru fl-aħħar ta’ Diċembru 2014 fil-lokalitajiet indikati fil-mistoqsija maqsum f’irġiel u nisa. Din it-tabella tagħti wkoll tagħrif dwar kemm kien hemm persuni li kienu qed jirreġistraw minn 12-il xahar sa taħt is-sentejn f’dawn il-lokalitajiet. Tabella 'B' tagħti tagħrif dwar kemm persuni minn dawn l-istess lokalitajiet waqfu jirreġistraw għax sabu xogħol ieħor u kemm għal raġunijiet oħra kif muri fit-tabella.

Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, il-Gudja, Ħal Għaxaq, Santa Luċija u l-Marsa – persuni jirreġistraw

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm kien hemm persuni jirreġistraw għax-xogħol fl-ewwel parti tar-Reġistru r-residenti ta' Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, il-Gudja, Ħal Għaxaq, Santa Luċija u l-Marsa fl-aħħar ta’ Diċembru 2014? Jista’ jindika dan lokalità, lokalità u kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom irġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom ilhom jirreġistraw sena? Jista’ jindika wkoll kemm persuni minn dawn il-lokalitajiet tneħħew minn fuq ir-reġistru għax sabu xogħol u kemm minnhom għal raġunijiet oħra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fiż-żewġ tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Tabella 'A' turi n-numru taʾ persuni rreġistrati fuq l-ewwel parti tar-reġistru fl-aħħar ta’ Diċembru 2014 fil-lokalitajiet indikati fil-mistoqsija maqsum f’irġiel u nisa. Din it-tabella tagħti wkoll tagħrif dwar kemm kien hemm persuni li kienu qed jirreġistraw minn 12-il xahar sa taħt is-sentejn f’dawn il-lokalitajiet. Tabella 'B' tagħti tagħrif dwar kemm persuni minn dawn l-istess lokalitajiet waqfu jirreġistraw għax sabu xogħol ieħor u kemm għal raġunijiet oħra kif muri fit-tabella.