Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – Kummissarju tad-Data u l-Informazzjoni -talbiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru talbiet lill-Ministeru u lid-dekasteru u l-korporazzjonijiet li jaqgħu taħtu u taħt il-kompetenza tal-Kummissarju tad-Data u l-Informazzjoni tul din il-Leġiżlatura? Jista’ jgħid x’kien l-eżitu tagħhom inkluż jekk kemm-il darba kienx hemm deċiżjonijiet mill-istess fejn impona multi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul din il-leġiżlatura saru żewġ talbiet, lill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ. F’każ wieħed biss ġew imposti multi.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – talbiet lill-Uffiċċju tal-Ombudsman
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru talbiet lill-Uffiċċju tal-Ombudsman rigward l-operat tal-Ministeru, id-dekasteru u l-korporazzjonijiet li jaqgħu taħtu tul din il-Leġiżlatura? Jista’ jgħid x’kien l-eżitu tagħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ każijiet li saru lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-entitajiet li jaqgħu taħtu tul din il-Leġiżlatura, hu kif se nsemmi:
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol
Numru ta’ każijiet li saru lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – 14
Każijiet pendenti – 8
Każijiet magħluqa favur il-Ministeru- 5
Każijiet fejn il-proċess ġie mwaqqaf minn min għamel l-ilment - 1
Talbiet li saru lill-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru ta’ dan il-Ministeru
L-Università ta’ Malta
Numru ta’ każijiet li rċeviet l-Università ta’ Malta mingħand il-Kummissarju għall-Edukazzjoni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman – 46
Każijiet pendenti – 8
Każijiet magħluqa favur l-Università – 15 *
Każijiet magħluqa fejn min għamel l-ilment ġie mogħti element ta’ raġun – 9 *
Każijiet fejn il-proċess ġie mwaqqaf minn min għamel l-ilment – 9
Każijiet fejn il-proċess ġie mwaqqaf mill-istess Kummissarju għall-Edukazzjoni – 6
* In-numru tat-total huwa ta’ 46 u mhux 47 għaliex każ minnhom huwa tal-istess persuna, fejn id-deċiżjoni li ttieħdet kienet maqsuma b’parti favur min għamel l-ilment u parti favur l-Università.
Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ
Numru ta’ każijiet li rċeviet l-ETC – Talba waħda u kienet magħluqa favur l-ETC
Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada
Numru ta’ każijiet li rċeviet l-FTS – Talba waħda u kienet magħluqa favur l-FTS
MCAST
Numru ta’ każijiet li rċieva l-MCAST – 14
Każijiet pendenti – 1
Każijiet fejn l-Ombudsman aċċetta r-risposta tal-MCAST u għalaq il-każ – 6
Każijiet magħluqa fejn min għamel l-ilment ġie mogħti element ta’ raġun – 1
Każijiet fejn il-proċess ġie mwaqqaf mill-Ombudsman – 2
Każijiet fejn l-Ombudsman u l-MCAST qablu dwar soluzzjoni fuq il-każ – 4
Kunsill Malti għall-iSport
Numru ta’ każijiet li rċieva l-KMS – 2
Każijiet pendenti – 2
Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ħalsu biex daħlu jaraw Għar Dalam f’Birżebbuġa tul is-sena 2014 u jista’ jindika jekk kienx hemm żjarat minn tfal tal-iskola u jekk iva, kemm marru? Kemm kienu ż-żjarat minn skejjel primarji u kemm minn skejjel sekondarji?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fl-2014 kien hemm 36,375 persuna li żaru Għar Dalam f’Birżebbuġa bi ħlas, kif inhu elenkat fir-Rapport Annwali 2014 ta’ Heritage Malta li jinsab fis-sit elettroniku ta’ Heritage Malta www.heritagemalta.org.
Matul l-istess sena kien hemm 46 żjara organizzata minn tfal tal-iskola. B’kollox attendew 1,211 student minn skejjel primarji u 311 oħra minn skejjel sekondarji.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ħalsu biex daħlu jaraw id-Domus Romana fir-Rabat Malta tul is-sena 2014 u jista’ jindika jekk kienx hemm żjarat ta’ tfal tal-iskola u jekk iva, kemm kien hemm żjarat? Kemm kienu ż-żjarat minn skejjel primarji u kemm minn skejjel sekondarji?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fl-2014 kien hemm 29,169 persuni li żaru d- Domvs Romana fir-Rabat Malta bi ħlas, kif inhu elenkat fir-Rapport Annwali 2014 ta’ Heritage Malta li jinsab fis-sit elettroniku ta’ Heritage Malta www.heritagemalta.org.
Matul l-istess sena kien hemm 23 żjara organizzata minn tfal tal-iskola. B’kollox attendew 678 student tal-iskejjel primarji u 59 oħra minn skejjel sekondarji.
Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – ħaddiema b’kuntratt definittiv
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li jaħdmu fuq kuntratt tax-xogħol definittiv fil-Ministeru u fid-dekasteru kollha tiegħu sal-aħħar tas-sena 2014?? Jista’ jindika kemm kuntratti huma minn sitt xhur għal sitt xhur, kemm minn sena għal sena u kemm iktar? Jista’ jindika kemm kienu ta’ sess maskili u kemm ta’ sess femminili?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – kuntratti għal xogħol ta’ tindif jew sigurtà
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm kuntratti għal xogħol ta’ tindif jew sigurtà sal-aħħar tas-sena 2014 fil-Ministeru u fid-dekasteri kollha tal-Ministeru? Jista’ jindika kemm persuni kienu effettivament ingaġġati fuq dawn il-kuntratti u li ħadmu fil-Ministeru, u fid-dekasteri kollha inkluż l-Korporazzjonijiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13790 u jgħid kemm ingħataw traffic tickets mill-Korp tal-Pulizija tul s-snin 2013 u 2014? Jistgħu dawn jinqasmu dettaljatament?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2013 kien hemm 81,816 ċitazzjoni jew ticket maħruġa fuq offiżi relatati mat-traffiku. Fis-sena 2014 l-ammont kien ta’ 72,027. Dettalji qed jitpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra.
Forti Sant’ Iermu u l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra — viżitaturi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni li ħalsu biex daħlu jaraw Forti Sant’ Iermu u l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra tul is-sena 2014 u jista’ jindika jekk kienx hemm żjarat minntfal tal-iskola u jekk iva, kemm kien hemm żjarat? Kemm kien hemmżjarat minn skejjel primarji u kemm minn skejjel sekondarji?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li sal-21 ta’ Settembru fl-2014, meta ngħalaq għall-pubbliku minħabba l-proġett ta’ Sant Iermu, kien hemm 41,917 persuna li żaru l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra bi ħlas, kif inhu elenkat fir-Rapport Annwali 2014 ta’ Heritage Malta li jinsab fis-sit elettroniku ta’ Heritage Malta www.heritagemalta.org.
Matul l-istess sena kien hemm 3 żjarat organizzati minn tfal tal-iskola. B’kollox ġew 69 student minn skejjel primarji u 56 oħra minn skejjel sekondarji.
Kif żgur jaf tajjeb l-Onor Interpellant il-Forti Sant Iermu kien magħluq għall-pubbliku sa Mejju ta’ din is-sena minħabba l-proġett tal-ERDF u għalhekk it-tweġiba ghall-mistoqsija parlamentari tiegħu trid bilfors tkun parzjali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba l-art taż-żonqor li kien hemm fi Triq Matty Grima f’Bormla u li nqagħlet fuq xogħlijiet tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma taħt l-inkarigu tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla tqegħditx f’post adegwat biex terġa’ titqiegħed f’postha?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla li l-pavimentar li kien hemm fi Triq Matty Grima qed jinżamm fil-bitħa tal-Kunsill Lokali. Ħaddiema tal-Projects Implementation Directorate mat-Taqsima tax-Xogħlijiet Pubbliċi, li qed timplimenta l-proġett bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali, qed inaddfu dan il-pavimentar mill-asphalt biex jerġa jitqiegħed fejn kien qabel. It-tqegħid ta’ dan il-pavimentar mistenni jibda fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba l-art taż-żonqor li kien hemm fiTriq Matty Grima f’Bormla u li nqagħlet fuq xogħlijiet tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma taħt l-inkarigu tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla tqegħditx taħt id-direzzjoni tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
B’referenza ghal mistoqsija parlamentari 17139, nixtieq ninforma l-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi Triq Matty Grima, Bormla huma koperti b' permess ta' Transport Malta trenching permit ( numru RWP1-74/15 li jikkonsisti f 'Water Main; House Services; Paving of Road; Servic Duct Works’. Dan il-permess ħareġ b'kondizzjoni li jsegwi t-termini u l-kundizzjonijiet f'permess ieħor numru PA1685/10 - Proposal :-Restoration and partial replacement of hardstone to existing street.
Il-MEPA qed tagħmel 'monitoring' tax-xogħlijiet.
Bormla – Triq il-Pelligrinaġġ – djar ta’ abitazzjoni proprjetà tal-Gvern
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm djar ta’ abitazzjoni proprjetà tal-Gvern mikrija b’titolu ta’ kera fi Triq il-Pelligrinaġġ, Bormla li fihom ħsarat strutturali u li hemm il-ħtieġa li jinbidel is-saqaf tagħhom?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, minn informazzjoni li għandha l-Awtorita’ tad-Djar dwar talbiet għal tiswijiet li rċeviet mingħand inkwilini li jgħixu fl-appartamenti tal-Gvern fit-Triq il-Pellegrinaġġ ġewwa Bormla, hemm 4 talbiet pendenti għal tiswijiet f’gallariji u rapport wieħed dwar ħsarat fis-saqaf ta’ appartament. Għandha ssir spezzjoni minn uffiċjali tekniċi tal-Awtorita’ tad-Djar biex jaraw x’tiswijiet hemm bżonn isiru.
Il-Fgura – Housing Estate – djar ta’ abitazzjoni proprjetà tal-Gvern
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm djar ta’ abitazzjoni proprjetà tal-Gvern mikrija b’titolu ta’ kera fil-Housing Estate tal-Fgura li fihom ħsarat strutturali u li hemm il-ħtieġa li jinbidel is-saqaf tagħhom?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa, għaddej proċess ta’ spezzjonijiet biex jiġu vverifikati talbiet li l-Awtorita’ tad-Djar irċeviet għall-tiswijiet minn inkwilini li joqogħdu taħt titolu ta’ kera f’appartamenti jew djar fil-Housing Estate tal-Fgura.
Mill-ispezzjonijiet li saru sa issa għalkemm instab li hemm bżonn li ssir tiswija f’xi soqfa u gallarijiet, pero’ mhux il-każ li hemm bżonn li jsir bdil ta’ xi soqfa.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm grant agreements taħt l-Employment Aid Programme fl-ewwel ħames xhur tas-sena 2015?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fl-ewwel ħames xhur tas-sena 2015 ma kien hemm l-ebda grant agreement taħt l-Employment Aid Programme. L-aħħar grant agreements ta’ din l-iskema għalqu f’Diċembru 2014.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm instabu persuni li huma Unlicensed Foreigners fl-ispezzjonijiet tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ fl-ewwel ħames xhur tas-sena 2015?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-għadd ta` kemm instabu persuni li huma Unlicensed Foreigners fl-ispezzjonijiet tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ minn Jannar sa April ta` din is-sena hu kif ġej:
Infringements (Persuni barranin)
2015EU Nationals Non-EU NationalsTotal barranin
Minn Jannar sa April 118107225
Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jiswa x-xiri tal-Flemish Public Employment Service li għandu jsir mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ u jistax jiġi indikat x’se jkunu l-punti ta’ ftehim?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi x-xiri tas-sistema tat-tqabbil awtomatiku tal-impjiegi mill-Flemish Public Employment Services se tiswa €72,900 barra mill-ħlas ta’ manutenzjoni ta’ €34,074 fis-sena.
Fir-rigward tal-ftehim fuq is-sistema tat-tqabbil awtomatiku tal-impjiegi mal-Flemish Public Employment Services (VDAB), il-punti maqbula magħhom fil-qosor huwa kif gej:
a) Li l-VDAB iridu jagħmlu numru ta’ modifikazzjonijiet fis-sistemi tagħhom biex jakkomodaw is-sistemi tat-tqabbil tal-impjiegi hekk kif huma użati hawn Malta, u li wara jitpoġġew fuq sistema kompjuterizzata għaliha biex tkun tista’ tintuża minn Malta biss;
b) Li tintuża il-magna tat-tqabbil tal-impjiegi li tinsab fil-VDAB, u li din kapaċi tipproċessa numru kbir ta’ tranżazzjonijiet f’ħin qasir ħafna (peress li kollox se jkun kodifikat sabiex informazzjoni personali ma tintużax waqt it-tqabbil);
c) Li ssir traduzzjoni ta’ madwar 10,000 kompetenza mill-Flemish għall-Malti. Dawn il-kompetenzi se jkunu mehmużin ma’ kull impjieg li jeżisti f’Malta, biex b’hekk it-tqabbil tal-impjiegi bejn imprendituri u dawk li qegħdin ifittxu x-xogħol jkun jista’ jseħħ. Informazzjoni dettaljata fuq kemm wieħed se jkun qabel jew le ma' xogħol battal offrut mill-imprenditur se jkun possibbli li jsir għal kull persuna magħżula u mqabbel mis-sistema;
d) Li jkun hemm appoġġ kontinwu fuq medda ta’ ħames snin fejn kompetenzi ġodda jkunu miżjudin jew modifikati skont kif jirrekjedi s-suq tax-xogħol, kif ukoll appoġġ fuq bażi teknoloġika tas-sistema użata għat-tqabbil awtomatiku tal-impjiegi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li jaħdmu fuq kuntratt tax-xogħol definittiv fil-Ministeru u fid-dekasteru kollha tiegħu sal-aħħar tas-sena 2014?, ? Jista’ jindika kemm kuntratti huma minn sitt xhur għal sitt xhur, kemm minn sena għal sena u kemm iktar? Jista’ jindika kemm minnhom huma ta’ sess maskili u kemm ta’ sess femminili?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Finanzi – kuntratti għal xogħol ta’ tindif jew sigurtà
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm kuntratti għal xogħol ta’ tindif jew sigurtà sal-aħħar tas-sena 2014 fil-Ministeru u fid-dekasteri kollha tiegħu? Jista’ jindika kemm persuni kienu effettivament ingaġġati fuq dawn il-kuntratti u li ħadmu fil-Ministeru, u fid-dekasteri kollha inkluż l-Korporazzjonijiet?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ħalsu biex daħlu jaraw il-Palazz u l-Armerija fil-Belt tul is-sena 2014 u jista’ jindika jekk kienx hemm żjarat minn tfal tal-iskola u jekk iva, kemm kien hemm żjarat? Kemm kien hemmżjarat minn skejjel primarji u kemm minn skejjel sekondarji?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fl-2014 kien hemm 155,375 persuna li żaru l-Palazz u 102,841 persuna li żaru l-Armerija fil-Belt bi ħlas, kif inhu elenkat fir-Rapport Annwali 2014 ta’ Heritage Malta li jinsab fis-sit elettroniku ta’ Heritage Malta www.heritagemalta.org.
Matul l-istess sena kien hemm 46 żjara organizzata għat-tfal tal-iskola fil-Palazz u l-Armerija fil-Belt. B’kollox attendew 1,154 student minn skejjel primarji u 54 oħra minn skejjel sekondarji.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-konsulent li ġew maħtura u miżmuma fil-Ministeru kollu u kemm qed jiġu remunerati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fil-Ministeru inklużi d-Direttorati u l-entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħi b'kollox hemm 26 persuna bħala konsulenti. L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għall-estimi tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, jista’ l-Ministru jindika għalfejn kien hemm żieda fl-infiq ta’ office supplies mis-sena 2013 u 2014 u jista’ jindika mingħand min inxtraw?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li ż-żieda fl-infiq tal-Office Supplies min-naħa tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ għall-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant kien dovut għal żieda fil-konsum minħabba proġetti ġodda relatati ma’ SET (Sheltered Employment Training), EET (Enhancing Employability through Training) u TAF2 (Training Aid Framework), u żieda fl-impjegati full-time.
Ix-xiri tal-Office Supplies sar mingħand is-segwenti:
Alfa Co Ltd; Audio Visual Centre Ltd; BCD Graphics Ltd; Best Print Co Ltd; Classic Press; CLSSYSTEMS; Colour Image Communiqué Creative Ltd; CSD Office Trade; Diaries JD Ltd; Dormax Press Co Ltd; Firm E Maistre; Five Star Printing & Design Ltd; Golden Gate Co Ltd; Ignazio Anastasi Ltd; Intermarkets Stationeries Ltd; JB Stores Ltd; Joseph Hili & Sons; Kasco Trading Ltd; MB Distribution Ltd; Merit Trading; Multi Packing Ltd; Office Essentials Ltd; Office Needs Office Point Malta; OVAL BRANDS; Print Options; Printex Ltd; Rightclick Stationery & Computers; Salander Group Co Ltd; Sunland Printers Ltd; Velprint Ltd.