Legislature:
Category:
Reset
Active:

Maltin li ħadmu fil-Libja — kontribuzzjonijiet soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jsir u x'inhi l-pożizzjoni ta' numru ta' ħaddiema Maltin li ħadmu fil-Libja u li l-kontribuzzjonijiet soċjali li ħallsu baqgħu ma ġewx mehuda inkosiderazzjoni għall-pensjoni tagħhom u b'hekk qed jbatu finanzjarjament?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-1988 id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali kien nieda skema sabiex persuni li kienu jaħdmu l-Libja u li kienu jħallsu l-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali fil-Libja, jipprovdu dokumenti li jikkonfermaw li sar il-ħlas imsemmi fil-Libja. Dan kien seħħ wara ftehim bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Libjan. Kull min applika għal din l-iskema kellu l-kontribuzzjonijiet li ħallas fil-Libja miżjuda ma’ dawk imħallsa f’Malta u b’hekk ma jkollhomx perjodi neqsin fil-kontribuzzjonijiet ta’Malta. Barra minnhekk fl-1991, l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali kien ġie emendat sabiex dawk il-persuni li jaħdmu l-Libja jkollhom id-dritt li jħallsu l-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali f’Malta minflok fil-Libja. Dan sar wara ftehim ieħor li kien sar bejn iż-żewġ gvernijiet dak iż-żmien.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali — ħaddiema ingaġġati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm, tul is-snin 2013, 2014 u 2015 separatament ġew ingaġġati ħaddiema fil-Ministeru u fid-dekasteri varji fuq bażi ta' self-employed? Jista' jiġu indikati l-gradi u s-salarji bażiċi tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – kuntratti għal xogħol ta’ tindif jew sigurtà

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17147 u jgħid kemm kien hemm kuntratti għal xogħol ta’ tindif jew sigurtà sal-aħħar tas-sena 2014 fil-Ministeru u fid-dekasteri kollha tal-Ministeru? Jista’ jindika kemm persuni kienu effettivament ingaġġati fuq dawn il-kuntratti u li ħadmu fil-Ministeru, u fid-dekasteri kollha inkluż l-Korporazzjonijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sal-aħħar tas-sena 2014 il-kuntratti għal xogħol ta’ tindif jew sigurtà kif ukoll n-numri ta’ persuni li kienu effettivament ingaġġati fuq dawn il-kuntratti sal-aħħar tas-sena 2014 kien kif indikat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — ħaddiema ingaġġati

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm, tul is-snin 2013, 2014 u 2015 separatament ġew ingaġġati ħaddiema fil-Ministeru u fid-dekasteri varji fuq bażi ta' self-employed? Jista' jiġu indikati l-gradi u s-salarji bażiċi tagħhom?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Impjiegi Part-time

Question

B’referenza għall-istatistika rraportata fil-mistoqsija parlamentari 16817, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-persuni li kienu qegħdin jaħdmu part-time huma persuni li qabżu l-età tal-pensjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta' ħaddiema li fl-aħħar ta’ Diċembru 2014 kienu jaħdmu fuq bażi part-time u li l-età tagħhom kienet minn 62 sena `l fuq kien ta’ 6,228. Minnhom 5,716-il persuna kellhom l-impjieg part- time bħala xogħol primarju filwaqt li 512 kellhom part-time kif ukoll full time job.

Impjiegi Part-time

Question

B’referenza għall-istatistika rraportata fil-mistoqsija parlamentari 16817, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-persuni li kienu qegħdin jaħdmu part-time huma persuni li jaħdmu Għawdex?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta' ħaddiema li kienu jaħdmu fuq bażi part-time f’Għawdex fl-aħħar ta’ Diċembru 2014 kien ta’ 4,065. Minnhom 2,126 kellhom l-impjieg part time bħala xogħol primarju filwaqt li 1,939 kellhom part-time u full time job.
Leg 12 PQ #17428 Sitting 290 2015-07-15 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Industrija tal-films — flus iġġenerati

Question

B’referenza għall-aħħar stqarrija tiegħu, jista’ l-Ministru jiddikjara kemm mill-ammont ta’ tmenin miljun ewro ser jiġu ġġenerati minn films fejn pajji¿na ser iservi bħala backdrop for foreign films u kemm ser ikunu ġġenerati mill-industrija tal-films lokali?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi huwa fatt illi din is-sena, pajjiżna rnexxielu jattira numru rekord ta' produzzjonijiet internazzjonali. Dawn qed iħallu mpatt pożittiv kbir fuq l-ekonomija tal-pajjiż. Minbarra li jiġġeneraw miljuni kbar, uħud minn dawn il-films ser ikunu ta' riklam kbir għal Malta madwar id-dinja u jattiraw aktar turisti lejn pajjiżna. S’issa, diġa’ kellna erbgħa produzzjonijiet li użaw lil Malta bħala backdrop u għalhekk qed nantiċipaw li pajjizna jigwadanja ukoll min aspett ta' screen tourism. Qed naraw ukoll żvilupp fl-industrija lokali. In-numru ta’ films indigeni Maltin, din is-sena, ser jiżdied ukoll.
Leg 12 PQ #17429 Sitting 290 2015-07-15 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Malta Film Fund — proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ser ikun hemm proġetti li huma jew li ġew iffinanzjati mill-Malta Film Fund u kemm ammonti ġew investiti fl-industrija tal-films lokali speċjalment meta r-riżultat tal-applikazzjoni minn dan il-Fond għas-sena li għaddiet għadu mhux ippublikat u dawk ta’ din is-sena jagħlqu fit-30 ta’ Ġunju 2015?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nassigura lill-Onor. Interpellant illi l-Film Fund qed jitmexxa b'mod professjonali, għal kuntrarju ta' dak li kien jiġri taħt l-amministrazzjoni preċedenti. Għall-ewwel darba, kull proġett li kwalifika għall-Film Fund qed jiġi awditjat sabiex ikun assigurat li flus il-poplu qed ikunu nvestiti kif suppost. Dan ifisser li issa hemm ħafna aktar trasparenza u kkontabilita’ meta kkomparat mas-snin li għaddew, fejn kien hemm każijiet fejn persuni u kumpaniji ħadu l-fondi u ma wettqux il-proġett tagħhom skond il-kuntratt. Tajjeb li ninforma illi, fir-rigward ta’ dawn il-każijiet, qed jittieħdu proċeduri legali. L-Onor. Interpellant huwa żbaljat fir-rigward tar-riżultat tal-Film Fund tas-sena li għaddiet. Kull persuna jew kumpanija li applikat ġiet infurmata bir-riżultat. Dawk li applikaw għal writer's grant u development grant ġew infurmati fil-11 ta' Ġunju 2014, filwaqt li dawk li applikaw għal production grant ġew infurmati fit-30 ta' Ottubru 2014. L-ismijiet tal-proġetti li kkwalifikaw għall-fondi mill-Malta Film Fund qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #17430 Sitting 290 2015-07-15 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Malta Film Fund — riżultati

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’kienu r-riżultati finali tal-Malta Film Fund għas-snin 2013 u 2014 u jista’ jindika dan sena b’sena u jistax jindika kemm kien hemm investiment f’dawn il-proġetti u x’kienu r-riżultati ottenuti għal kull wieħed?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi r-riżultati finali tal-Malta Film Fund għas-snin 2013 u 2014, qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Għas-sena 2013, ġew investiti €210,000 fi proġetti filwaqt illi għas-sena 2014 ġew investiti €234,790. Ix-xogħol fuq dawn il-proġetti miexi tajjeb u numru ta' proġetti diga tlestew.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — ħaddiema ingaġġati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm, tul is-snin 2013, 2014 u 2015 separatament ġew ingaġġati ħaddiema fil-Ministeru u fid-dekasteri varji fuq bażi ta' self-employed? Jista' jiġu indikati l-gradi u s-salarji bażiċi tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara xi jrid ifisser eżatt b’kemm “…ġew ingaġġati ħaddiema… fuq bażi ta’ self-employed?” u dan ukoll fid-dawl tal-mistoqsija sussegwenti fejn qed jitlob li “…jiġu indikati l-gradi u s-salarji bażiċi tagħhom?”.

Wied il-Għajn – librerija pubblika — kotba

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw kotba ġodda u kemm ġew mogħtija b’donazzjoni fil-librerija pubblika ta’ Wied il-Għajn matul l-2014?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li għal-librerija ta’ Wied il-Għajn matul is-sena 2014 inxtraw 196 ktieb minn Malta Libraries u 465 ktieb ieħor ingħataw b’donazzjoni mill-Kunsill Lokali u l-pubbliku.

Għajnuna Soċjali — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni applikaw sabiex jingħataw għajnuna soċjali tul is-sena li għaddiet? Kemm persuni ma baqgħux jirċievu dan il-benefiċċju fl-istess żmien?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Il-Fgura – librerija pubblika — kotba

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw kotba ġodda u kemm ġew mogħtija b’donazzjoni fil-librerija pubblika tal-Fgura matul l-2014?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li għal-librerija tal-Fgura matul is-sena 2014 inxtraw 71 ktieb minn Malta Libraries u 104 ktieb ieħor ingħataw b’donazzjoni mill-Kunsill Lokali u l-pubbliku.

Djar tal-Anzjani – self ta’ kotba

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-servizz ta’ self ta’ kotba mil-libreriji pubbliċi huwiex se jiġi estiż għad-djar tal-anzjani?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li sa issa m'hemm ebda pjan biex jinfetħu libreriji fid-djar tal-anzjani. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li s-servizz ta’ self ta’ kotba mil-libreriji pubbliċi huwa miftuħ għal kulħadd anki l-anzjani, mil-lokalitajiet elenkati fi Skeda A tal-Att dwar il-Libreriji Maltin. Barra minn hekk jiġi offrut servizz ta’ kotba fuq cassettes li jitqassmu bil-posta bla ħlas għal dawk il-persuni li ma jistgħux joħorġu minn darhom.

Iż-Żejtun – librerija pubblika — kotba

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw kotba ġodda u kemm ġew mogħtija b’donazzjoni fil-librerija pubblika taż-Żejtun matul l-2014?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li għal-librerija taż-Żejtun matul is-sena 2014 inxtraw 104 kotba minn Malta Libraries u 808 ktieb ieħor ingħataw b'donazzjoni mill-Kunsill Lokali u l-pubbliku.

Impjiegi Part-time

Question

B’referenza għall-istatistika rraportata fil-mistoqsija parlamentari 16817, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-persuni li kienu qegħdin jaħdmu part-time bħala l-impjieg primarju tagħhom, ilhom hekk reġistrati għal aktar minn ħames snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li mill-34,057 persuna li kienu qegħdin jaħdmu part-time bħala l-impjieg primarju tagħhom sal-aħħar ta` Diċembru 2014, kien hemm 10,479 persuna li kienu ilhom reġistrati għal aktar minn ħames snin.
Leg 12 PQ #17337 Sitting 288 2015-07-13 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tiswija ta’ maħżen

Question

Jista’ l-Prim Ministru jara li jsir ix-xogħol sabiex jiġi msewwi l-maħżen li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li għandu bżonn ta’ tiswijiet kemm esterni kif ukoll interni peress li huwa ta’ periklu għall-pubbliku?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-maħżen li d-dettalji dwaru ngħataw separatament ma jirriżultax li huwa proprjetà tal-Gvern.

Ħal Tarxien – librerija pubblika — kotba

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw kotba ġodda u kemm ġew mogħtija b’donazzjoni fil-librerija pubblika ta’ Ħal Tarxien matul l-2014?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li għal-librerija ta’ Ħal Tarxien matul is-sena 2014 inxtraw 74 ktieb minn Malta Libraries u 32 ktieb ieħor ingħataw b’donazzjoni mill-Kunsill Lokali u l-pubbliku.

Il-Kalkara — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru u qed isiru f’din il-Leġiżlatura fil-Kalkara b’mod partikolari quddiem il-Kunvent ta’ Santa Liberata? Jista’ jgħid kemm intefqu jew mistennija li jintefqu flus fuqhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-bidu ta' din il-leġiżlatura tlesta x-xogħol ta' tisbiħ taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali ta' San Gużepp waqt li bħalissa għaddej ix-xogħol ta' tisbiħ taz-zuntier tal-Kunvent ta' Santa Liberata. Xogħlijiet oħra ppjanati huma dawk tal-bini mill-ġdid tal-latrini pubbliċi, xogħlijiet f’ ġnien pubbliku u l-bini ta' changing rooms u faċilitajiet anċillari fil-ground tal-football tal-Kalkara. Ix-xogħol taz-zuntier ta' San Ġużepp ġie jiswa €233,448 waqt li dak ta' Santa Liberata ser jiswa' madwar €330,000. Fuq it-tliet proġetti l-oħra li se jsiru matul l-2016 qed isiru l-istimi.

Bormla – Il-Kappella tal-Konservatorju – tiswijiet u manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsiru t-tiswijiet neċessarji u l-manutenzjoni meħtieġa lill-Kappella tal-Konservatorju fi Triq San Ġorġ f’Bormla?

Response (MIZZI, JOE)

Nifhem li dan hu xogħol ta’ restawr. Għaldaqstant l-Onor. Interpellant hu mitlub jaghmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Madankollu l-Ministeru tiegħi lest li jagħti l-għajnuna tiegħu b’kull mezz possibli, dejjem jekk ikun hemm fondi u riżorsi biżżejjed.