Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni reġistrati bħala EU Nationals li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, sal-aħħar statistika li għandu d-dipartiment relattiv, kemm kien hemm persuni li huma reġistrati bħala EU Nationals li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol f’pajjiżna? Jista’ jindika dettaljatament ta’ liema nazzjonalità huma?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, fl-aħħar ta’ Awwissu 2016 kien hemm 74 persuna jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru bħala EU Nationals. It-tabella t’hawn taħt turi n-nazzjonalità rispettiva tagħhom, kif se nsemmi: Nazzjonalità Reġistranti Awstrija 1 Belġju 1 Bulgarija 5 Repubblika Ċeka 2 Danimarka 1 Franza 4 Ġermanja 1 Greċja 1 Ungerija 6 Irlanda 1 Italja 20 Polonja 5 Rumanija 3 Spanja 6 Renju Unit 14 EU Nationals 71 EEA & EFTA 1 EU Dependents 2 Total 74
Leg 12 PQ #27169 Sitting 425 2016-10-11 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Finanzi

Monte di Pietà – deheb depożitat taħt l-iskema ta’ rahan f’idejn il-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm deheb depożitat taħt l-iskema ta’ rahan f’idejn il-Gvern fil-Monte di Pietà sal-aħħar ta’ Lulju 2016 u jista’ jinforma lill-Kamra liema hu l-ixjeħ rahan u li għadu veljanti u li ma nġabarax sal-aħħar tas-sena li għaddiet?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li sal-aħħar ta’ Lulju 2016 kien hemm 3,115 depożitu ta’ deheb depożitat taħt l-iskema ta’ rahan f’idejn il-Gvern fil-Monte di Pietà u l-ixjeħ depożitu ta’ rahan li għadu ma nġabarx ilu depożitat mill-1981.

Il-Fgura – Triq Hompesch – bus stop shelters

Question

B’referenza għar-risposta għad-domanda parlamentari 20805, jista’ l-Ministru jinforma lill-Karma jekk kemm-il darba kienx hemm xi żviluppi fuq iż-żewġ bus stop shelters li jinsabu fl-aħħar tat-Triq Hompesch, Fgura?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qiegħda fil-proċess li tippubblika Request for Proposals ġdid li jirrigwardja l-installazzjoni ta’ numru ta’ bus shelters ġodda f’diversi lokalitajiet. Infurmat ukoll li permezz ta’ din is-sejħa ser ikun possibbli jinbidlu iż-żewġ bus shelters li hemm fi Triq Hompesch fil-Fgura.

Nisa li jaħdmu fuq bażi part time

Question

Jista’ l-Ministru jindika skont l-aħħar statistika kemm hemm persuni ta’ sess femminili li huma impjegati fuq bażi part-time? Jista’ jindika kemm minnhom għandhom l-impjieg part-time wieħed prinċipali? Jista’ jindika kemm minnhom għandhom l-impjieg part-time tagħhom flimkien ma’ full time?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, fl-aħħar ta’ April 2016, in-numru ta' nisa li kienu impjegati fuq bażi part-time kien ta’ 28,503. Minn dawn kien hemm 20,472 mara li kellha impjieg part-time bħala xogħol prinċipali u 8,031 mara li kellha impjieg part-time kif ukoll full-time.
Leg 12 PQ #27172 Sitting 425 2016-10-11 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għas-Saħħa

Wied il-Għajn — berġa

Question

B’referenza għar-risposta għad-domanda parlamentari 26601, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’xogħlijiet komplew saru fil-Berġa tas-Saħħa ta’ Wied il-Għajn u x’servizz huwa pjanat li tagħti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Berġa tas-Saħħa ta’ Wied il-Għajn sar xoghol ta’ waterproof membrane. Is-servizzi li jingħataw huma dawk ta’ infermiera u tabib tal-familja u mit-30 ta’ Awwissu 2016 il-berga bdiet tinfetaħ tliet ijiem fil-ġimgħa sabiex b’hekk żdied aktar dan is-servizz.

Bus stop shelters ġodda

Question

B’referenza għar-risposta għad-domanda parlamentari 20807, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm bus stop shelters ġew mibnija jew installati ġodda mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-lum?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena Transport Malta ħadet ħsieb it-tiswija ta’ bus shelters eżistenti. Infurmat ukoll li Transport Malta qegħda fi proċess li toħroġ Request For Proposals fir-rigward ta’ installazzjoni ta’ numru ta’ Bus Shelters ġodda f’diversi lokalitajiet ġewwa Malta u Għawdex. Din ir-rikjesta hija mistennija li tiġi ippubblikata fil-ġimgħat li ġejjin.

Persuni li laħqu l-età tal-pensjoni li huma impjegati fuq bażi part-time

Question

Jista’ l-Ministru jindika skont l-aħħar statistika kemm hemm persuni li laħqu l-età tal-pensjoni li huma impjegati fuq bażi part-time? Jista’ jindika kemm minnhom għandhom l-impjieg part-time wieħed prinċipali? Jista’ jindika kemm minnhom għandhom l-impjieg part-time tagħhom flimkien ma’ full time?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, fl-aħħar ta’ April 2016 kien hemm 6,494 persuna li laħqu l-età tal-pensjoni u li kellhom impjieg part time. Minn dawn kien hemm 5,907 persuni li kellhom impjieg part time bħala wieħed prinċipali u 587 li kellhom impjieg part time kif ukoll full time.

Żgħażagħ reġistrati bħala Not in Education, Employment or Training

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm żgħażagħ li skont il-figuri tad-dipartiment, preżentement jinsabu reġistrati bħala NEET (Not in Education, Employment or Training)?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Jobsplus ser tkun qed tagħmel l-aġġornament tad-data fuq in-NEETS fl-aħħar ta’ Novembru u dan sabiex jingħata biżżejjed ċans lill-istituzzjonijiet edukattivi jilħqu jirreġistraw liż-żgħażagħ.

Heritage Malta — Kollezzjoni ta’ mapep

Question

B’referenza għar-risposta għad-domanda parlamentari 22560 dwar kollezzjoni ta’ mapep, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra xi żviluppi jew passi ulterjuri ttieħdu sabiex din tiġi esebita permanentement flimkien mal-oħrajn li jinsabu f’idejn Heritage Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-mapep imsemmija se jkunu parti mill-wirja permanenti f’MUZA fuq sistema ta’ rotazzjoni skont prassi mużeografiċi moderni. Dawk li ma jkunux esibiti jkunu wkoll aċċessibbli għar-riċerkaturi u l-pubbliku ġenerali. Jiġu organizzati wkoll wirjiet speċjalizzati minn żmien għal żmien. Il-proġett MUZA għandu jiġi inawgurat fl-2018.

Raħal Ġdid – Vjal Sir Paul Boffa – żabar ta’ siġar

Question

B’referenza għar-risposta għad-domanda parlamentari 22561, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra meta l-aħħar li ġew miżbura s-siġar li jinsabu fi Vjal Sir Paul Boffa, Raħal Ġdid u jgħid jistax jiġu mdaħħla fil-programm biex fix-xhur li ġejjin jiġu miżbura?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn is-siġar ġew miżbura l-aħħar fil-21 ta' April 2016. Din it-triq tagħmel parti mill-programm ta’ żbir f’Malta u żabra oħra jmiss li ssir fil-ġimgħat li ġejjin.

International Labour Organisation

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra x’ġie diskuss fl-aħħar laqgħat tul din is-sena mal-International Labour Organisation, min attenda għalihom u xi proġetti jew programmi hemm preżentament għaddejjin mal-istess organizzazzjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li waqt il-konferenza annwali tal-International Labour Organisation li saret f’Ġinevra f’Mejju u Ġunju 2016 ġew diskussi dawn it-temi fil-kumitati rispettivi tagħhom: · Xogħol diċenti fi “ global supply chains ”, · Reviżjoni ta’ Rakomandazzjoni dwar xogħol diċenti waqt it-tranżizzjoni minn sitwazzjoni ta’ gwerra għal dik ta’ paċi, · Evalwazzjoni tal-impatt tad-Dikjarazzjoni tal-ILO fuq Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Xierqa. Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili attendiet u indirizzat is-sessjoni plenarja tal-konferenza. Għal din il-konferenza attendew ukoll uffiċjali mill-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili u mid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg, uffiċjali minn trade unions u mill-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem. Preżentement ma hemmx proġetti jew programmi għaddejjin mal-istess organizzazzjoni.

Persuni li huma impjegati fuq bażi part-time

Question

Jista’ l-Ministru jindika, skont l-aħħar statistika, kemm hemm persuni li huma impjegati fuq bażi part-time? Jista’ jindika kemm minnhom għandhom l-impieg part-time wieħed prinċipali? Jista’ jindika kemm minnhom għandhom l-impieg part-time tagħhom flimkien ma’ full-time?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, in-numru ta' persuni li kienu impjegati fuq bażi part time fl-aħħar ta’ April 2016 kien ta’ 59,388 persuna. Minn dawn 35,053 persuna kellha impjieg part time bħala dak prinċipali u 24,335 persuna li kellha impjieg part time kif ukoll full time.
Leg 12 PQ #27168 Sitting 424 2016-10-10 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għas-Saħħa

Santa Luċija — Berġa

Question

B’referenza għar-risposta għad-domanda parlamentari 26601, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’xogħlijiet saru fil-Berġa tas-Saħħa ta’ Santa Luċija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġewwa l-berġa ta’ Santa Luċija sar xogħol ta' manutenzjoni u tisbieħ. Sar ukoll xoghol infrastrutturali fejn saħansitra nbiddlu s-soqfa, tibdil ta’ bibien, aluminju u aperturi, sistema tal-ventilazzjoni, għamara u tagħmir mediku ġdid.

Rziezet għat-trobbija ta’ baqar

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26373, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk għar-rigward l-irziezet imsemmija ġietx identifikata art fejn jistgħu jiġu rilokati, u jekk iva, x’passi u proċeduri qegħdin jittieħdu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lil Onor. Interpellant li giet identifikata art fejn l-irziezet imsemmija fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 26373 jkunu jistgħu jiġu relokati. Din l-art tinsab fil-limiti tas-Siġġiewi. Fuq din l-art, il-Gvern kiseb permess ‘outline development’ u bħalissa qiegħed fil-proċess li jissottometti applikazjoni ‘full development’ għal dan il-proġett ta’ rilokazzjoni.

Jobsplus — aċċessibilità tal-post

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk persuni b’diżabilità hux qed ikollhom problemi ta’ aċċessibilità meta jmorru Jobsplus? Jekk dan huwa minnu, jista’ jindika x’qed isir biex is-sitwazzjoni tiġi solvuta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li Jobsplus qegħda topera mill-istess binja li kienet topera fiha l-ETC fl-amministrazzjoni preċedenti. Infurmat li Jobsplus ma kellha ebda ilment ta’ nuqqas ta’ aċċessibilità. Madankollu, jekk l-Onor. Interpellant għandu xi ilmenti nitolbu jgħaddihomli biex niżgura li jiġu indirizzati.

Jobsplus — Skills Centre u Trade Skills Centre

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus u possibbilment b'liema fondi nbnew l-iSkills Centre u Trade Skills Centre fil-Jobsplus? Għal liema użu qegħdin dawn iċ-ċentri assenjati bħalissa, u jista' jindika dawk għall-futur? Jista' jagħti lista tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li Jobsplus toffri korsijiet skont id-domanda: (1) tal-industrija u (2) tal-parteċipanti, jiġifieri dawk il-persuni li juru interess fil-korsijiet offruti minn Jobsplus. Din is-sena Jobsplus ippjanat il-korsijiet li jidhru fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Jobsplus ħa tibqa’ toffri dawn il-korsijiet flimkien ma’ korsijiet oħrajn ġodda skont il-ħtieġa tas-suq tax-xogħol u tal-klijenti tagħha. Rigward il-parti tal-mistoqsija li tirreferi għall-estensjoni tal-binja ġewwa t-Training Complex, infurmat li din l-estensjoni saret fl-2007 mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF).

Tarxien – Triq il-Palma – sinjali ta’ għeluq u devjazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk huwiex possibbli li sinjali varji ta’ għeluq u devjazzjonijiet varji tat-trasport li kienu saru fil-passat fi Triq il-Palma, Tarxien, jitneħħew billi jidher li ma għadx hemm iktar bżonn tagħhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għad fadal xogħol xi jsir fiż-żona msemmija.

Marsascala Primary School – Non-Maltese Speaking Parents – Teaching Maltese Language to Adults

Question

With reference to the reply to the parliamentary question 26333, could the Minister kindly direct that the lessons to be held by the Directorate for Lifelong Learning be delivered, preferably, in the mornings? (Can this reply be also given in the English language)

Response (BARTOLO, EVARIST)

The Hon. Member may wish to note that the Directorate for Lifelong Learning offers morning courses in Maltese as Foreign Language at the Msida Lifelong Learning Centre. Other courses are also organised on demand as requested by various NGOs and Local Councils. Applications are open from 12 July to 7 August. The full course offer is available on www.lifelonglearning.gov.mt

Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali — sejħiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk tul din is-sena huwiex ser ikun hemm sejħiet ġodda fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u jekk iva, jista’ jindika f’liema pożizzjonijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li din is-sena ħarġet sejħa għal grad ta’ avukat trainee u ġew impjegati ħames avukati u fil-prezent qegħda tiġi pproċessata sejħa għall-Assistent Legali fil-Justice Unit fi ħdan l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Mhux eskluz li jinħarġu sejħiet oħra biex ikompli jissaħħaħ dan l-uffiċċju.
Leg 12 PQ #26680 Sitting 418 2016-07-13 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Monte Carmeli – servizz ta’ wifi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra f’liema swali tal-Isptar Monte Carmeli hemm il-faċilità elettronika tal-wifi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-Isptar Monte Carmeli hemm facilitajiet ta’ wi-fi fil-gnien principali.