Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bord għat-Tnaqqis tas-Sentenzi – każijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ġie trattat mill-Bord għat-Tnaqqis tas-Sentenzi taħt l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi Kap. 516 tal-Liġijiet ta Malta?Jista’ jgħid l-eżitu tagħhom?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema perjodu jixtieq tweġiba.

Talbiet ta’ petizzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31654 u jinforma l-Kamra kemm tressqu talbiet ta’ petizzjonijiet taħt is-sistema kif stabbilita fl-Att dwar il-Kummissarji għall-Ġustizzja Kap. 291 tal-Liġijiet ta’ pajjiżna? Kemm minnhom daħlu direttament u elettronikament? Kemm minnhom ġew milqugħa u kemm ġew miċħuda?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Sit arkejoloġiku tas-Silġ — ilqugħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ġew meħuda tul is-sena li għaddiet dwar is-sit arkeoloġiku magħruf bħala Tas-Silġ ġewwa Marsaxlokk? Jista’ jara li l-ilqugħ li kien sar temporanjament, jiġi rimedjat?

Response (BONNICI, OWEN)

Nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għax-xibka ħadra li kienet qed tgħatti parti mill-fdalijiet. Ninsab infurmat li din tneħħiet minħabba li bċejjeċ minnha kienu qed jidħlu fis-saffi arkeoloġiċi. Dan kien qed jikkawża ħsara meta jitneħħa. Barra minn hekk, l-istess xibka kienet qed tkun ta’ lqugħ għal ħaxix selvaġġ, li kien qed jikkawża iktar ħsara. Għal dawn ir-raġunijiet ix-xibka tneħħiet.

Pensjoni taħt l-€500

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30174 u jgħid kemm persuni kienu qed jirċievu xi forma ta’ pensjoni taħt is-somma ta' €500 fix-xahar sal-aħħar tas-sena 2016 u jistax jindika dan kategorija b’kategorija, kif ukoll maqsuma skont is-sess?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba minnu hija skont kif tidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Tajjeb li nippreċiża li l-ammonti mogħtija jindikaw persuni indvidwali li jistgħu jinkludu koppji li għandhom żewġ pensjonijiet bejniethom u li flimkien jaqbżu l-ammont imsemmi.

Pensjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30177 u jgħid kemm persuni kienu qed jirċievu xi forma ta’ pensjoni sal-aħħar tas-sena 2016 u jista’ jindika dan kategorija b’kategorija, kif ukoll maqsuma skont is-sess?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba minnu hija skont kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Offender Assessment Board — rapport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rapport ġie diskuss u ppreparat mill-Offender Assessment Board taħt l-artikolu 4 tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi Kap. 516 tal-Liġijiet ta’ Malta tul is-snin 2013, 2014 u 2015?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, minkejja li l-liġi kienet ilha li daħlet fis-seħħ mis-sena 2011, ninsab infurmat li kien biss għal Settembru 2013 illi daħlu l-ewwel każi. B'kollox minn Settembru 2013 ġew diskussi u preparati 180 rapport.

Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi – informazzjoni mgħoddija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kemm-il darba hux qed ikun hemm l-informazzjoni mgħoddija ai termini tas-subartikolu (c) tal-artikolu 7 tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi Kap. 516 tal-Liġijiet ta' Malta? Jekk iva, jista’ jindika kemm-il-darba?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li minn Marzu 2013 s’issa, l-iskrivan tal-Parole kellu 596 laqgħa, però mhux kull priġunier kien interessat sabiex japplika għall-Parole. Il-maġġoranza tal-priġunieri, l-applikazzjoni ttieħdet erba’ xhur qabel id-data ta’ l-eliġibilità tal-Parole, ħlief f’dawk il-każijiet fejn ikun hemm ċerti ċirkostanzi li jipprevenu li dan jsir, bħal f’każijiet fejn ikun hemm arrest preventiv qabel tingħata s-sentenza, jew ċirkostanzi oħra li minħabba f’hekk tkun impossibbli li l-applikazzjoni tittieħed erba’ xhur qabel id-data ta’ l-eligibilità.

Marsaxlokk – sussidju fuq il-kirjiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni residenti Marsaxlokk li bbenefikaw mis-sussidju fuq il-kirjiet? Kemm kienet l-ispiża sal-aħħar tal-2016?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-31 ta’ Diċembru 2016, l-Awtorità tad-Djar kellha 2 persuni minn Marsaxlokk li ibbenefikaw mis-sussidju tal-kera. L-ispiża għal dan il-perjodu kienet ta’ €1,416.68.

Marsaxlokk – librerija pubblika — kotba

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw u ngħataw b’donazzjonijiet kotba lil-librerija pubblika f’Marsaxlokk tul is-sena li għaddiet? Jista’ jgħid kemm kotba ġew mislufa tul l-istess 2016?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li għal-librerija pubblika ta' Marsaxlokk tul is-sena 2016 inxtraw 315-il ktieb minn Libreriji Maltin filwaqt li 915-il ktieb ingħataw b’donazzjoni. Infurmat ukoll li mill-istess librerija matul l-2016 ġew mislufa 23,786 ktieb.
Leg 12 PQ #31661 Sitting 492 2017-03-08 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għas-Saħħa

Marsaxlokk — Berġa tas-Saħħa - servizz

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi qegħdin jiġu pprovduti fil-Berġa tas-Saħħa ġewwa Marsaxlokk? Jista’ jgħid kemm persuni użaw dawn is-servizzi tul is-sena li għaddiet u xi spejjeż ta’ manutenzjoni saru fl-istess żmien?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li fil-Berġa ta’ Marsaxlokk jingħata servizz ta’ tabib tal-familja u t’ infermiera. Dawn is-servizzi jinkludu teħid ta’ pressjoni, kitba ta’ riċetti għal-mediċini, kura ta’ mard mhux ikkomplikat, analiżi tal-urina u analiżi taz-zokkor. Kien hemm 1,748 persuna li attendiet għal xi servizz fil-berġa ta’ Marsaxlokk fl-2016.

Marsaxlokk – persuni li rċevew l-In Work Benefit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna residenti f’Marsaxlokk, irċevew l-In work benefit tul is-sena li għaddiet? Jista’ jindika wkoll dan skont is-sess?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, in-numru ta’ persuni residenti Marsaxlokk li rċevew l-In Work Benefit matul is-sena li għaddiet kien ta’ 12, li minnhom 6 kienu ġenitur singlu ta’ sess femminili.

Offender Assessment Board — laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa’ l-Offender Assessment Board taħt l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi Kap. 516 tal-Liġijiet ta’ Malta tul is-sena 2016?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li kien hemm 44 laqgħa.

Offender Assessment Board — laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa’ l-Offender Assessment Board taħt l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi Kap. 516 tal-Liġijiet ta’ Malta tul is-snin 2013, 2014 u 2015?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li saru dawn il-laqgħat kif ġej; Fl-2013(minn Settembru sa Diċembru{il-Bord kien appuntat f’Awissu}) - 13 –il laqgħa Fl-2014 - 35 laqgħa Fl-2015 - 43 laqgħa

Offender Assessment Board — rapport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rapport ġie diskuss u ppreparat mill-Offender Assessment Board taħt l-Artikolu 4 tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi Kap. 516 tal-Liġijiet ta’ Malta tul is-sena 2016?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li kien hemm 68 każ illi ġie diskuss u ppreparat.

Talbiet ta’ Petizzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu talbiet ta’ petizzjonijiet taħt is-sistema kif stabbilita fl-Att dwar il-Kummissarji għall-Ġustizzja Kap. 291 tal-Liġijiet ta’ Malta? Kemm minnhom daħlu direttament u elettronikament? Kemm minnhom ġew milqugħa u kemm ġew miċħuda?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Għar Ħasan – Qatran

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu wara r-rapport li deher fil-ħarġa tal-24 ta’ Frar 2017 tal-Orizzont dwar qatran li nxteħet mal-irdum ta’ ħdejn Għar Ħasan?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li Uffiċċjali mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi spezzjonaw is-sit wara r-rapport fil-gazzetta u kkonfermaw li dan iż-żejt kien l-istess li kien ġie mitfugħ fuq l-Irdum tal-Mara ħdejn Għar Ħasan numru kbir ta’ snin ilu. Ma kienx hemm żejt frisk li seta’ intefa’ riċentement.

Raħal Ġdid – librerija pubblika — kotba

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw u ngħataw b’donazzjonijiet kotba lil-librerija pubblika ta’ Raħal Ġdid tul is-sena li għaddiet? Jista’ jgħid kemm kotba ġew mislufa tul l-istess 2016?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li għal-librerija pubblika ta' Raħal Ġdid tul is-sena 2016 inxtraw 160 ktieb minn Libreriji Maltin filwaqt li 657 ktieb ingħataw b’donazzjoni. Infurmat ukoll li mill-istess librerija matul l-2016 ġew mislufa 27,803 kotba.

Talbiet għal parole

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru talbiet għall-parole taħt l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi Kap. 516 tal-Liġijiet ta Malta, tul is-sena 2016? Kemm minnhom ġew milqugħa u kemm le? Kemm minnhom ġew revokati?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, ninsab infurmat li kien hemm total ta’ 70 talba, 20 Liċenzja tal-Parole li ġew milqugħa, 48 li ma ġewx milqugħa u 2 li ġew revokati.

Bord tal-Parole — laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa’ l-Bord tal-Parole taħt l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi Kap. 516 tal-Liġijiet ta’ Malta fis-sena 2015 u 2016?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fis-sena 2015, il-Bord iltaqa’ 16 -il darba u fl-2016 iltaqa’ 11 -il darba.