Jista' l-Ministru jgħid: 1) jekk qattx sar xi tip ta' survey fuq l-għoti ta' homework fl-iskejjel ta' l-Istat; 2) jekk fl-affermattiv, x'kienu r-riżultati ta' dan is-survey u jekk ħarġux xi konklużjonijiet dwar l-ammont, il-kwalita' u l-effiċjenza; 3) jekk fin-negattiv, il-Ministru beħsiebu jwettaq survey simili peress li minn stħarriġ li sar ħareġ ċar li s-suċċess fl-eżamijiet kien relatat direttament ma l-ammont ta' homework mogħti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'dawn l-aħħar tlett snin ma sar ebda survey ta' dan it-tip fuq skala nazzjonali. Il-fatti li għandha d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni juru li s-suċċess fl-eżamijiet huwa relatat ma' firxa sħiħa ta' ċirkostanzi, prinċipalment tagħlim effettiv.
Jista' l-Ministru jgħid: 1) jekk huwiex veru li fil-form VI ta' Għawdex il-lezzjonijiet tal-matematika tnaqqsu minn erbgħa għal tnejn fil-ġimgħa; 2) għal liema raġunijiet ġara dan; 3) minn meta tnaqqsu dawn il-lezzjonijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li lill-ebda klassi ma tnaqqsulha lezzjonijiet tal-Matematika fis-VI Form ta' Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid: 1) kemm ilu ma jitħallas imgħax fuq l-ishma lill-Membri tal-Koperattiva Għawdxija tal-Ħalib u Biedja; 2) għaliex mhuwiex jitħallas dan l-imgħax; u 3) jekk l-imgħax fuq l-ishma lill-Membri tal-Koperattiva Maltija tal-Ħalib qed jitħallas?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li:
1. Il-membri tal-Koperattiva Għawdxija tal-Ħalib u Biedja, illum
imsejjħa GOZITANO, ilhom ma jitħallsu mgħax fuq l-isħma mill-1978.
2. Ir-raġuni għal dan, huwa li ftit sar profitt, u meta sar dan, mar biex jagħmel tajjeb għal l-iżbilanċ fil-kont ta' qliegħ u telf tal-Koperattiva.
3. Il-Koperattiva ma għadx fadlilha membri li jissuplixxu l-ħalib peress li ġew reġistrati mal-Koperattiva Produtturi tal-Ħalib.
15.3.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm jinġabru taxxi mill-gżira ta' Għawdex u kif jikkompara ma' l-ispiża kapitali għall-istess gżira?
Response (DALLI, JOHN)
Fil-ġbir ta` taxxa (eżempju, Dazji, Liċenzji u taxxi oħra) ma tinżamx statistika jew elenku ta` taxxi miġbura minn Malta separata minn taxxa miġbura minn Għawdex. Għaldaqstant id-dħul ma jistax jiġi kkomparat man-nefqa kapitali fil-kuntest ta` Għawdex biss.
Tista' l-Ministru tgħid jekk mill-aħħar elezzjoni 'il hawn kienx hemm impjiegi ġodda ta' Għawdxin sew maċ-Ċvil u sew mal-korporazzjonijiet? Jekk fl-affermattiv, kemm kien in-numru, fejn ġew impjegati u min huma dawk li ġew impjegati?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li mill-aħħar elezzjoni 'il hawn ma kien hemm l-ebda impjieg ġdid mad-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex.
Fir-rigward tal-korporazzjonijiet nitlob lill-Onorevoli Interpellant ipoġġi l-mistoqsija lill-Ministri konċernati.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhu n-numru ta' raħħala Għawdxin fulltime u part-time reġistrati mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura? Matul dawn l-aħħar sitt snin kien hemm reġistrazzjoni ta' raħħala ġodda ma' dan id-dipartiment? Jekk fl-affermattiv, kemm kien in-numru sena b'sena?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li n-numru ta' raħħala Għawdxin reġistrati mal-uffiċċju tal-Agrikoltura f'Għawdex huma:
Full time 80
Part time 1101
Mis-sena 1994 'l hawn ir-reġistrazzjoni ta' raħħala ġodda kienu:
1994 123 part-time
1995 1280 part-time
1996 -
1997 1 part-time
1998 -
Ma jeżistux dokumenti ta' reġistrazzjoni ta' raħħala part-time għas-sena 1993.
Tista' l-Ministru tgħid x'kien l-ammont ta' ħalib frisk li r-raħħala Għawdxin biegħu lill-Koperattiva tal-Ħalib matul dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-ammont ta' ħalib frisk li r-raħħala Għawdxin biegħu lill-Malta Dairy Products Ltd f'dawn l-aħħar għaxar snin huwa kif ġej:
1989 - 1548254 Galluni
1990 - 1618092 Galluni
1991 - 1645639 Galluni
1992 - 1725894 Galluni
1993 - 1829077 Galluni
1994 - 1923417 Galluni
1995 - 1997662 Galluni
1996 - 2198693 Galluni
1997 - 2341425 Galluni
1998 - 2337103 Galluni
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li r-riżultat ta' l-eżamijiet ta' nofs is-sena fl-iskola G.P. Agius De Soldanis fir-Rabat, Għawdex għadu ma ħariġx?
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-proċedura hijiex li r-riżultat ta' l-eżamijiet joħorġu qabel ma ssir il-parents day? Jekk fl-affermattiv, x'inhi r-raġuni li ma sarx hekk fl-iskola msemmija?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li r-riżultat ta' l-eżamijiet ta' nofs is-sena fl-iskola G.P. Agius De Soldanis ser jiġi pubblikat f'dawn il-ġranet. Qaluli li dan mhux żmien twil esaġerat minn meta spiċċa l-eżami ta' nofs is-sena.
Hija drawwa komuni, iżda mhux proċedura preskritta, li r-riżultat ta' l-eżamijiet joħroġ qabel ma ssir 'Parents Day'.
Fl-iskola G.P. Agius De Soldanis il-'Parents Day' 1999 saret fl-aħħar ta' Jannar, qabel ma sar l-eżami, bi skop speċifiku li 'Parents Day' ma tirriduċix ruħha biss f'diskussjoni tar-riżultat ta' l-eżami iżda tkun tittratta mix-xogħol u l-progress kollu ta' l-istudenti.
Tista' l-Ministru tgħid kemm ilhom ma jitħallsu d-drainage allowance il-ħaddiema li jaħdmu mat-taqsima tad-drenaġġ ġewwa Għawdex? X'inhi r-raġuni għal dan id-dewmien? Meta hemm il-ħsieb li dawn l-allowances jingħataw lill-ħaddiema konċernati?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-aħħar pagament ta' Drainage Allowances lill-ħaddiema tad-drenaġġ f'Għawdex, sar f'Diċembru 1998.
L-allowances pendenti qegħdin jiġu vverifikati u pproċessati u l-pagament ta' dawn ser jiġi effetwat mill-aktar fis possibbli.
Jista' l-Minsitru jgħid kemm se tiswa lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma s-sistema ta' Automated Meter Reading?
Response (BONNICI, JOSEF)
Is-sistema li għaliha qed jirreferi l-onorevoli Interpellant għadha fi staddju ta' studju preliminari u għalhekk għadu kmieni biex wieħed jesprimi ruħu dwar spiża involuta għat-tħaddim tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il metru kubu ta' ilma l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qiegħda tipproduċi kull sena għal dawn l-aħħar seba' snin: (a) permezz ta' boreholes; (b) permezz tar-reverse osmosis?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' ilma unaccounted for li kellha l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma s-sena li għaddiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-informazzjoni li qed jitlob l-Onorevoli Interpellant għadha qed tinġabar peress li l-amount billed, li hu parti mill-proċess tal-kontijiet tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, għadu ma nħadimx għas-sena kollha.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ilma li l-Water Services Corporation tissupplixxi lill-pubbliku hux qiegħed jiġi ċċekkjat u analizzat għal preżenza ta'Trihalomethanes?
Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-livell u/jew perċentaġġ ta' trihalomethanes (dejjem jekk jeżistu) fl-ilma distribwit lill-pubbliku minn din il-korporazzjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawk il-ħwienet u stabbililemti, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex, li jbiegħu tessuti u żraben?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li permezz ta` l-Att ta` l-Istatistika mhux permess li tingħata din l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant minħabba raġunijiet ta` kunfidenzjalita` li hi mħarsa mill-istess att.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 1868 u ċioe' jista' jieħu l-passi meħtieġa bi jitneħħa l-periklu li hemm fil-bypass tal-Mellieħa fil-hair-pin bend li hemm viċin ir-roundabout? Jaf il-Ministru li dawn l-inċidenti f'din il-parti ta' triq qegħdin iseħħu spiss minħabba d-disinn jew tfassil ta' din il-kurva? Jaf il-Ministru li l-inċidenti li jseħħu minn dawk il-karozzi li jkunu neżlin huma ta' periklu ferm akbar għal dawk il-karozzi li jkun telgħin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Ħadt passi biex flimkien mad-Dipartiment tat-Toroq isir ix-xogħol meħtieġ.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 1869 u ċioe' jista' jieħu l-passi meħtieġa biex tiġi rranġata dik il-kurva perikoluża mmens li hemm fi Triq Baħar iċ-Cagħaq viċin it-Torri ta' l-Għallis? Jaf il-Ministru li minkejja li l-crash barriers jiġu rranġati u minkejja li twaħħlu sinjali li jiddentifikaw din il-kurva bħala black spot, xorta waħda għadhom iseħħu l-inċidenti peress li d-difett qiegħed fid-disinn jew tfassil ta' din il-kurva?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li diġa beda xogħol ta` tiswija fit-triq ta` Baħar iċ-Ċagħaq minn naħa tas-Salini lejn St Andrews u l-asfalt fil-kurva ndikata mill-Onor. Interpellant ser jitranġa waqt dan ix-xogħol.