Tista' l-Ministru tgħid jekk sarux il-konsiderazzjonijiet li hemm riferenza għalihom fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 3896? Jekk fl-affermattiv, x'riżultati kien hemm minn dawn il-konsiderazzjonijiet? Jekk fin-negattiv, x'hemm jimpedixxi li dawn ma sarux?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li saru kuntatti mal-iskola tan-Navigazzjoni biex isir kors ta' taħriġ fin-navigazzjoni f'Għawdex. Jidher li sa issa hemm possibilta' li jsir kors ta' tmuniera.
Tista' l-Ministru tgħid jekk l-ispezzjonijiet bil-closed circuit television fuq is-sistema tad-drenaġġ fi Triq San Blas, li hemm riferenza għalihom fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 3868, sarux? Jekk saru, x'kien ir-riżultat? Jekk ma sarux, x'inhi r-raġuni għaliex dawn ma ġewx esegwiti? Jista' jiġi kkonfermat li l-problema hija dovuta għal fatt li d-daqs tal-katusi huwa żgħir komparat ma' l-ammont ta' likwidu li jgħaddi minn ġo l-imsemmija katusi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li inħarġet offerta għas-servizz ta' closed circuit television biex isiru spezzjonijiet ta' katusi tad-drenaġġ. Kif tingħata din l-offerta issir l-ispezzjoni meħtieġa fi Triq San Blas in-Nadur.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5281 li kienet saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' tista' tgħid min hu responsabbli mit-tqassim ta' l-overtime fl-uffiċini tal-posta ġewwa Għawdex?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li s'issa l-persuni responsabbli mit-tqassim tas-sahra ġewwa Għawdex huma l-Principal Mail Officer stazzjonat fir-Rabat għal dak li jirrigwarda proċessar u tqassim tal-valiġġa u l-Manager, Sales and Counter Services ġewwa l-Head Office il-Marsa, għal dak li għandu x'jaqsam mas-servizzi offruti fuq il-counter ġewwa l-fergħat t'Għawdex.
Tista' l-Ministru tgħid jekk l-istudju ta' impatt ambjentali msemmi fir-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 3898 sarx? Jekk fl-affermattiv, tista' l-Ministru tpoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li d-Dipartiment diġa'ssottometta studju preliminari lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar, fejn ġew suġġeriti siti diversi għall-kostruzzjoni ta' l-impjant għat-tisfija tad-drenaġġ. Meta d-Dipartiment ikollu risposta mill-Awtorita' dwar liema sit jirriżulta l-aktar favorevoli, il-konsulenti tad-Dipartiment ikunu jistgħu jissoktaw bid-disinn ta' l-imsemmi impjant u d-Dipartiment ikun f'pożizzjoni jipproċedi bl-istudju ta' l-impatt ambjentali, kif kien oriġinarjament mistenni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn furnara bil-liċenzja? Jista' l-Ministru jagħti lista ta' l-ismijiet tal-furnara f'Malta u f'Għawdex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi hawn 234 furnara li għandhom liċenzja maħruġa mill-Pulizija. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi t-tagħrif mitlub.
03.05.99 (a.m.)
Tista' l-Ministru tgħid x'passi ttieħdu s'issa biex jitneħħa l-periklu ta' Triq it-Torri ta' Isopo, fin-Nadur, Għawdex, liema periklu kien imsemmi fil-mistoqsija parlamentari numru 900?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li minn spezzjonijiet li saru jidher li ma jeżistix periklu imminenti fit-triq imsemmija.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-programm ta' xogħlijiet ta' drenaġġ f'Għawdex, li hemm riferenza għalih f'mistoqsija parlamentari numru 5842, huwiex diġa' mfassal? Jekk fl-affermattiv, tista' l-Ministru tpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li jeżisti programm ta' xogħolijiet ta' drenaġġ ġewwa Għawdex. Ma jidhirlix li huwa xieraq li dan il-programm jitqiegħed fuq il-mejda tal-kamra minħabba tibdiliet li jistgħu jsiru kawża ta' xogħolijiet urġenti li jinqalgħu minn żmien għal żmien.
Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx xi forma ta' programm ta' resurfacing ta' toroq ġewwa Għawdex? Jekk fl-affermattiv, tista' l-Ministru tpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li jeżisti programm ta' resurfacing ta' toroq ġewwa Għawdex. Ma jidhirlix li huwa xieraq li dan il-programm jitqiegħed fuq il-mejda tal-kamra minħabba tibdiliet li jistgħu jsiru kawża ta' xogħolijiet urġenti li jinqalgħu minn żmien għal żmien.
Jista' l-Ministru jgħid għal-liema raġunijiet fil-Higher Secondary School ta' Għawdex, il-lezzjonijiet tal-matematika tnaqqsu minn erbgħa għal tnejn fil-ġimgħa? Minn meta tnaqqsu dawn il-lezzjonijiet? Hemm possibbilta' li jerġgħu għan-numru li kienu qabel, speċjalment minħabba l-eżamijiet li l-istudenti jridu jagħtu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn Jannar 1999 'il hawn l-istudenti kollha li qegħdin isegwu xi kors fil-matematika kemm f'livell ordinarju, intermedjarju u avvanzat fiċ-Ċentru għall-Istudji Ogħla Sir Mikiel Refalo Għawdex għandhom il-lezzjonijiet kollha li suppost għandhom.
Fil-bidu ta' din is-sena skolastika, minħabba n-numru kbir ta' studenti li għażlu l-Matematika u minħabba nuqqas żgħir ta' għalliema, l-istudenti li kienu qegħdin isegwu l-kors ta' reviżjoni f'livell ordinarju ingħataw tnejn minn erba' lezzjonijiet bejn Ottubru u Diċembru 1998.
Jista' l-Ministru jgħid xi kwalita' ta' membri fadlilha l-Koperattiva Maltija tal-Ħalib, jiġifieri l-KMĦ?
Għal-liema sena l-aħħar li rċevew l-imgħax fuq l-ishma l-membri tal-ħalib li kellha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onor. Membru qed jirreferi għall-"Malta Milk Producers Co-operative Society Limited" kif kienet reġistrata taħt l-ordinanza ta' l-1946, din illum qegħda reġistrata bħala Koperattiva Produtturi tal-Ħalib, skond l-Att ta' l-1978 dwar l-Għaqdiet Koperattivi.
Il-membri ta' din il-koperattiva huma raħħala (Maltin u Għawdxin) li jipproduċu ħalib għall-ippasturiżżar.
Is-sehem ta' membru f'din il-koperattiva hi ta' Lm1 u bħala regola ma jiġix dikjarat "dividend" għal sehem ta' Lm1. Iżda l-koperattiva tqassam kull sena benefiċċji kbar lill-membri - bħal servizz ta' veterinarju b'xejn, skonti, apparat u gaġeġ, u benefiċċji oħra li f'sena jammontaw eluf kbar ta' liri.
29.3.99
Taf il-Ministru li Triq il-Madonna ta' Fatima, Vjal l-Imnarja u Triq il-Madonna ta' Lourdes, kollha fin-Nadur, Għawdex, jintħieġu resurfacing? Tista' tgħid meta beħsiebu jsir l-imsemmi resurfacing fit-toroq fuq imsemmija?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
It-toroq imsemmija huma mdaħħla fil-programm ta' xogħolijiet ta' resurfacing.
Taf il-Ministru li Triq Cordina, f'Għajnsielem, Għawdex tenħtieġ resurfacing? Tista' l-Ministru tieħu l-passi meħtieġa biex l-imsemmija triq tingħata wiċċ ġdid?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-bżonn ta' resurfacing fi Triq Cordina f'Għajnsielem jiġi kkunsidrat skond il-prijoritajiet ta' xogħolijiet ta' toroq f'Għawdex.
Taf il-Ministru li dawk il-ħaddiema/passiġġieri li jkunu se jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer m'għandhomx il-faċilita' ta' waiting room fil-port ta' l-Imġarr?
Taf il-Ministru li dan qiegħed joħloq inkonvenjent għal passiġġieri kemm fix-xhur tas-sajf kif ukoll matul ix-xitwa?
Meta se jittieħdu l-passi meħtieġa biex tiġi pprovduta xi forma ta' waiting area?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li faċilitajiet xierqa għall-passiġġieri ser ikunu pprovduti sew fl-Imġarr kif ukoll fiċ-Ċirkewwa fil-proġett li qiegħed jitħejja għal dawn iż-żewġ portijiet. Hija ħasra li fis-sentejn ta' Gvern Laburista ma saru l-ebda xogħolijiet fil-port ta' l-Imġarr biex ta' l-inqas tittaffa l-problema li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant.
Taf il-Ministru li Triq Santa Marija, Marsalforn, Għawdex tinsab fi stat diżastruż? Tista' tgħid x'inhi r-raġuni li din it-triq tħalliet f'dan l-istat? Meta beħsiebhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex din it-triq tiġi rranġata?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li Triq Santa Marija, Marsalforn kienet qiegħda fi stat ħażin ħafna minħabba xogħol ta' trinka li saret fiha. Dan ix-xogħol huwa lest u t-triq ġiet irranġata.
Jaf il-Ministru li l-prassi hi li dawk il-ħaddiema li jagħmlu 15-il sena jaħdmu bħala Hospital Auxiliary group B (ekwivalenti għal grad 18) fl-iSptar Ġenerali t'Għawdex, dawn awtomatikament jieħdu group D?
Jaf il-Ministru li f'dan l-isptar hemm ħaddiema li minkejja li skorrew iż-żmien stipulat jaħdmu x-xogħol fuq imsemmi, dawn baqgħu ma ħadux il-grad ta' group B?
X'passi se jittieħdu biex dawn it-talin jieħdu l-grad mistħoqq?
Kemm hemm ħaddiema ta' dan it-tip jaħdmu fl-isptar fuq imsemmi li huma ntitolati għal grad ta' group B u għadhom ma ħaduhx?
Kemm hu n-numru ta' dawk il-persuni li kienu ntitolati għal dan il-grad ta' group B u baqgħu ma ħaduhx anke li llum spiċċaw l-impjieg tagħhom bl-eta'?
X'se jiġri minn dawn l-ex-ħaddiema u kif se jiġu rrimedjati dawn in-nuqqasijiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Interpellant jindirizza l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernata.
Taf il-Ministru li Triq Gorġun, fix-Xewkija, Għawdex m'għandhiex is-servizz tad-drenaġġ minkejja li hemm bosta familji jgħixu fiha? Tista' l-Ministru tieħu l-passi kollha meħtieġa biex is-servizz tant bżonnjuż jitwassal anke f'din it-triq?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jekk l-Onorevoli Interpellant qigħed jirreferi għal Triq it-Torri Gorġun, jiena nfurmata li x-xogħolijiet meħtieġa iridu jsiru bħala parti mill-programm ta' xogħolijiet ta' drenaġġ f'Għawdex.
Taf il-Ministru li Triq Girġor, fix-Xewkija tenħtieġ manutenzjoni peress li fiha ħsarat konsiderevoli? Tista' l-Ministru tieħu l-passi meħtieġa biex l-imsemmija triq tiġi rranġata?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jekk l-Onorevoli Interpellant qigħed jirreferi għal TRiq it-Torri Gorġun, jiena nfurmata li l-manutenzjoni ta' din it-triq hija responsabilita' tal-Kunsill Lokali tax-Xewkija.
Taf il-Ministru li Triq il-Ġnien f'Għajnsielem tinsab fi stat ħażin u tenħtieġ resurfacing? Tista' l-Ministru tieħu l-passi kollha meħtieġa biex din it-triq tiġi resurfaced?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li Triq il-Ġnien f'Għajnsielem hija miksija bit-tarmac u m'għandhiex bżonn resurfacing. Jekk hemm xi ħtieġa ta' manutenzjoni din taqa' taħt ir-responsabilita' tal-Kunsill Lokali ta' Għajnsielem.
Jista' l-Ministru jistabilixxi l-ammont ta' homework ideali għal kull eta' fl-iskejjel ta' l-Istat?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-parir informat hu li ma jkunx għaqli li wieħed jistabbilixxi xi kwota ta' homework ideali għal ebda eta' ta' tfal, f'ebda kategorija ta' skejjel. Għal għoti ta' homework jeżistu linji ta' gwida għall-għalliema, sew fuq bażi ġenerali, kif ukoll skond is-suġġett speċifiku. Imbagħad kull skola tibni hi l-politika tagħha dwar il-homework. Din il-politika tkun ibbażata primarjament fuq il-bżonnijiet ta' l-istudenti ta' dik l-iskola u fuq in-natura ta' l-iskola nnifisha, bid-direzzjoni wkoll tal-linji ġwida.
Din il-politika titfassal mill-għalliema u mill-kap ta' l-iskola, b'konsultazzjoni wkoll mal-ġenituri, u ħafna skejjel ta' l-istat daħħlu din il-politika tagħhom dwar il-homework bħala parti mill-'School Development Planning' li qegħdin jagħmlu.