Taf il-Ministru li s-slielem li hemm fil-bajja tax-Xlendi jinsabu fi stat t'abbandun? Tista' l-Ministru tieħu passi biex dan l-apparat jiġi rranġat jew mibdul skond il-ħteġijiet, peress li l-użu tagħhom huwa indispensabbli?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Is-slielem li rrifera għalihom l-Onorevoli Interpellant saru ġodda u ser jitpoġġew f'posthom fil-ġranet li ġejjin.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari numri 900 u 6108, tista' l-Ministru tgħid jekk l-ispezzjonijiet li saru, sarux min-nies kompetenti u jekk iċ-ċertifikat hux legalment validu?
F'każ li din it-triq tiġġarraf, min se jidħol responsabbli għal ħsarat fil-proprjeta' tal-gvern u tal-privat?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-ispezzjonijiet saru min-nies tekniċi tas-Sezzjoni tax-Xogħolijiet Pubbliċi f'Għawdex.
Jaf il-Ministru li minħabba l-qagħda li teżisti fl-Isptar Ġenerali f'Għawdex il-pazjenti Għawdxin qed ikollhom ta' bilfors jirrikorru għal kura fi sptarijiet privati? Jaf il-Ministru li minħabba r-raġunijiet fuq imsemmija 40% tal-pazjenti fi sptarijiet privati huma Għawdxin? X'passi se jittieħdu biex din il-problema tiġi solvuta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-isptarijiet ta' Malta u Għawdex ġewx medikati raħħala kawża tal-bexx li jintużaw fl-agrikoltura? Jekk fl-affermattiv, kemm kien in-numru?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ma hemm l-ebda rekord li fl-Isptar San Luqa ġew medikati raħħala kawża tal-bexx li jintuża fl-agrikoltura. Dwar Għawdex, nitlob lill-Onor. membru jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Xagħra — Għawdex - Pjazza Vitorja - Estensjoni ta' drenaġġ
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk l-estensjoni tas-servizz tad-drenaġġ fi Sqaq fi Pjazza Vitorja, Xagħra, Għawdex, kienx inkluż fl-offerta li nħarġet għall-estensjoni tad-drenaġġ fil-pjazza msemmija? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, għaliex l-estensjoni msemmija ma tkomplietx meta f'dan l-isqaq hemm joqogħdu sitt familji? Din l-estensjoni se titkompla? Jekk m'hijiex se titkompla, għaliex it-trinka li saret tħaffret madwar 4.3 metri speċifikament biex isir id-drenaġġ f'dan l-isqaq? Il-ħlasijiet konnessi ma' din l-offerta għaddew lill-kuntrattur?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-isqaq imsemmi huwa inkluż fl-offerta li nħarġet għall-estensjoni tad-drenaġġ fil-pjazza Vitorja, Xagħra. Din l-estensjoni ser titkompla fl-isqaq u s'issa ma sar l-ebda ħlas fuq dan ix-xogħol.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-isptar mentali f'Għawdex m'għadux igawdi s-servizz ta' psikjatra residenti meta tant hemm il-ħtieġa għalih? Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx professjonisti Għawdxin ikkwalifikati biex jagħtu dan is-servizz? Jekk fl-affermattiv għaliex dan is-servizz qiegħed jiġi mċaħħad lill-poplu Għawdxi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-servizz tal-kiruġija fl-isptar ta' Għawdex mogħti mill-barranin, huwiex wieħed sodisfaċenti u li jixraq lill-poplu Għawdxi? Jidhirlu l-Ministru li wasal iż-żmien li fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex jiġu appuntati kirurgi Maltin?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-Direttur tal-Kirurġija hu sodisfatt bil-kwalitajiet professjonali tal-kirurġi barranin li jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta'Għawdex. Nittama li meta l-Ministeru għal Għawdex joħroġ sejħa għall-applikazzjoni għal kirurġi f'Għawdex ikollu rispons pożittiv minn kirurġi Maltin mhux bħal ma kellha kemm il-darba fil-passat meta d-Diviżjoni tas-Saħħa ħarġet dawn l-applikazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid x'investigazzjonijiet saru wara r-rapporti li dehru fil-ġurnal lokali "The Malta Independent" ta' l-allegat racket ta' kirurgi li qegħdin jabbużaw minn pazjenti Għawdxin? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-riżultati ta' dawn l-investigazzjonijiet? X'passi ttieħdu biex jiġu kkontrollati dawn l-abbużi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u għalhekk mhux prudenti li jingħataw dettalji f'dan l-istadju.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew allokati appartamenti u djar tal-gvern f'postijiet f'Malta u f'Għawdex, sena b'sena mill-1987 'l hawn? Liema huma dawn l-appartamenti u djar tal-gvern li ġew allokati? Kemm kienet il-kera sussidjata li tħallset jew li qed titħallas fuq kull appartament u dar tal-gvern allokati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali alloka 3703 post fil-perjodu indikat kif muri sena b'sena hawn taħt. Dawn kienu il-postijiet li tbattlu u kienu madwar Malta u Għawdex. Uħud minnhom kienu allokati iżjed minn darba fl-istess perjodu. Il-kirjiet kummerċjali ta' dawn il-postijiet kienu regolati skond l-Avviż tal-Gvern numru 202 tat-13 ta' Marzu 1987. Dawn jiġu ssussidjati skond id-dħul tal-inkwilini kif hemm stipulat fl-istess Avviż.
1987 (minn Lulju) 217
1988 338
1989 374
1990 353
1991 428
1992 227
1993 362
1994 330
1995 228
1996 223
1997 238
1998 312
1999 73
17.5.99
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3901, tista' l-Ministru tgħid jekk l-ispecifications ta' l-offerti msemmija ġewx konklużi? Jekk fl-affermattiv, minn min intrebħet l-offerta? Meta se jinbeda x-xogħol imsemmi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-offerti reġgħu ġew ippubblikati fuq struzzjonijiet tad-Direttur tal-Kuntratti.
B'riferenza għall-mistoqsijijiet parlamentari numri 900 u 6108, tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport ta' spezzjoni li saru u li jgħidu li m'hemmx periklu mminenti fit-triq imsemmija?
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 5702, tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett biex jiġu provduti faċilitajiet xierqa għall-ħaddiema/passiġġieri fl-Imġarr, Għawdex? Tista' l-Ministru tgħid ukoll kemm se jiswew dawn il-faċilitajiet u meta beħsiebhom jibdew?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-provvidement ta' faċilitajiet għal passiġġieri f'Għawdex jagħmel parti mill-iżvilupp tal-mollijiet u faċilitajiet simili għal passiġġieri ġewwa ċ-Ċirkewwa u l-Imġarr. Dan il-proġett huwa maqsum f'diversi stadi.
Preżentament qegħdin jiġu finaliżati l-istudji tekniċi illi jwasslu sabiex ikun possibbli l-ħruġ tal-permessi meħtieġa mill-Awtorita' tal-Ippjanar. Ix-xogħolijiet fuq il-mollijiet kif ukoll faċilitajiet għal passiġġieri fiċ-Ċirkewwa u l-Imġarr u l-'Breakwater' fiċ-Ċirkewwa ikunu jistgħu jibdew wara l-ħruġ tal-permessi neċessarji.
B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 5842, tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-programm ta' xogħlijiet ta' drenaġġ ġewwa Għawdex u x'xogħlijiet oħra għad fadal li jsiru qabel ma jinbeda x-xogħol fuq imsemmi?
Rabat — Għawdex - Triq Repubblika - Traffic lights
Question
Tista' l-Ministru tgħid għaliex it-traffic lights li hemm f'salib it-toroq (Triq Repubblika, Rabat, Għawdex) humiex se jintużaw iktar? Jekk fin-negattiv, għaliex ma nqalgħux u twaħħlu f'post ieħor?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li jkunu jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet dwar it-traffic lights imsemmija meta jitwaqqaf il-Bord il-ġdid dwar il-Kontroll tat-Traffiku.
Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew reġistrati artijiet/proprjeta' fir-Reġistru ta' l-Artijiet f'Għawdex, raħal b'raħal u sena b'sena, matul dawn l-aħħar ħames snin f'kejl ta' metri kwadri u fuq bażi ta' reġistrazzjoni volontarja? Kemm kien hemm overlapping kull sena f'kull raħal? Kemm minn dawn l-overlapping ġew solvuti?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li fir-Reġistru ta' l-Artijiet f'Għawdex f'dawn l-aħħar ħames snin ġew irreġistrati artijiet u proprjeta' kif muri hawn taħt:
SENA APPLIKAZZJONIJIET
(FIRST REGISTRATION)
1995 546
1996 851
1997 817
1998 877
1999 207 (01-01-99 sa 13-05-99)
Dawn iċ-ċifri jinkludu applikazzjonijiet li saru kemm fuq bażi volontarji kif ukoll dawk li jaqgħu taħt 'compulsory registration area'.
Jiena nfurmata li ma tinżammx statistika ta' rħula individwali u ta' kemm kien hemm 'overlappings'. L-anqas ma jista' jingħata rendikont ta' kemm mill-'overlappings' li jkun hemm ġew solvuti.
Taf il-Ministru li t-triq li tieħu miż-Żebbuġ għall-Għasri (ħdejn iċ-Ċimiterju ta' l-Għasri u l-pumping station tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma) tinsab fi stat diżastruż u tinħtieġ attenzjoni urġenti? Meta hemm il-ħsieb li l-imsemmija triq se tiġi rranġata?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li x-xogħol fit-Triq li tieħu miż-Żebbuġ għall-Għasri huwa mdaħħal fil-programm ta' xogħolijiet ta' toroq f'Għawdex.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5704 li kienet saret lill-Ministru tas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' taf li l-prassi hi li dawk il-ħaddiema li jagħmlu 15-il sena jaħdmu bħala Hospital Auxiliary group B (ekwivalenti għal grad 18) fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex dawn awtomatikament jieħdu group D? Jaf il-Ministru li f'dan l-isptar hemm ħaddiema li minkejja li skorrew iż-żmien stipulat jaħdmu x-xogħol fuq imsemmi, dawn baqgħu ma ħadux il-grad ta' group B? X'passi se jittieħdu biex dawn it-talin jieħdu l-grad mistħoqq? Kemm hemm ħaddiema ta' dan it-tip jaħdmu fl-isptar fuq imsemmi li huma ntitolati għal grad ta' group B u għadhom ma ħaduhx? Kemm hu n-numru ta' dawk il-persuni li kienu ntitolati għal dan il-grad ta' group B u baqgħu ma ħaduhx anke li llum spiċċaw l-impjieg tagħhom bl-eta'? X'se jiġri minn dawn l-ex-ħaddiema u kif se jiġu rimedjati dawn in-nuqqasijiet?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li fil-preżent fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex hemm żewġ Hospital Auxiliaries Group II (scale 18) u l-proċeduri diġa' nbdew biex dawn jiġu promossi għal Health Assistants. Infatti l-kaz tagħhom qiegħed quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Jiena nfurmata wkoll li ma jidhirx li hemm xi persuni li m'għadhomx impjegati li huma ntitolati għal din il-promozzjoni.
Taf il-Ministru bil-problema ta' l-ilma tax-xita li hemm fi Triq Wied is-Simar, fil-Qala, Għawdex? Taf li din il-problema hi kkaġunata minħabba l-pendil tat-triq kif inhu u minħabba ċ-ċokon tal-katusa li mhix tvinċi l-ilma tax-xita? Taf ukoll li din il-problema kompliet tiggrava bl-asfaltar tat-triq u bil-bini li tela' wara li saret din il-katusa? Taf li dan qed jikkawża inkonvenjent kbir lir-residenti ta' din it-triq u kull min jgħaddi minnha? Tista' l-Ministru tieħu l-passi meħtieġa biex dan l-inkonvenjent jitneħħa?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li għandhom jittieħdu l-passi neċessarji biex din il-problema tiġi solvuta.