Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #14279 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali — Ħwejjeġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk huwiex minnu li l-ħwejjeġ nodfa li jkunu nħaslu Malta qegħdin jinġarru lejn l-iSptar Ġenerali t'Għawdex fl-istess vetturi li jkunu nġarru l-ħwejjeġ maħmuġin mill-iSptar Ġenerali t'Għawdex lejn Malta dakinhar stess? Xi prekawzjonijiet qegħdin jittieħdu biex il-ħwejjeġ li jkunu nħaslu ma jitniġġsux u ma jkunux infettati bħala kawża tal-ħwejjeġ maħmuġin li jkunu nġarru dak il-ħin stess mill-istess persuni u fl-istess vettura? Huwa minnu li l-ħwejjeġ maħmuġin u nfettati qegħdin jinġarru lejn Malta fuq l-istess vapur tal-passiġġieri u ma' l-istess passiġġieri? Pass bħal dan hu qed jipperikola s-saħħa ta' l-istess baħrin li jaħdmu fuq il-vapur u anke s-saħħa tal-passiġġieri li jagħmlu użu mis-servizz ta' l-istess vapur? X'se jiġri f'każ ta' maltemp meta s-servizz tal-vapur bejn iż-żewġ gżejjer jkun sospiż għal diversi jiem bħalma ġara bosta drabi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-impjegati tal-Koperattiva Kols Ltd imorru Għawdex bil-bjankerija nadifa, liema bjankerija tkun ippakkjata f'pakketti tal-plastic. Wara li l-bjankerija nadifa tinħatt minn fuq it-trakk, titgħabba l-bjankerija maħmuġa. Barra minn hekk, il-vannijiet kollha tal-koperattiva huma ta' tip li jingħalqu bix-shutter u jissakkru. Għalhekk, il-ġarr tal-bjankerija nadifa jew maħmuġa ma taffettwa lil ħadd - la lill-passiġġieri u l-anqas lill-baħrin. Dan il-proċess ta' ġarr ma jippreżenta l-ebda forma ta ' riskju ta' infezzjoni jew mard għaliex mal-wasla tal-vann, ġo l-laundry (Malta) il-van jinħasel bil-pressa u jiġi disinfettat. Il-proċess ta' disinfestazzjoni hija proċedura tal-Koperattiva u hija mħarsa bl-akbar serjeta' u attenzjoni. Nista' nassigura lill-Onorevoli Interpellant, li f'każ li l-vapur ta' Għawdex ma jkunx qed jagħti servizz bejn iż-żewġ gżejjer, l-Isptar ta' Għawdex mhux ser ikollu problemi ta' nuqqas ta' bjankerija nadifa. Dan għaliex l-Isptar ta' Għawdex hu fornut b'istore ta ' emerġenza ta' bjankerija nadifa apposta għal ċirkostanzi simili.
Leg 9 PQ #14280 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali ta' Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ingħataw ħatriet ta' nursing aides fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex matul din l-aħħar leġislatura? X'inhuma d-dmirijiet ta' dawn in-nursing aides? Kien hemm applikanti oħra li kien imisshom jieħdu din il-ħatra u ma ħaduhiex? Jekk fl-affermattiv, x'inhi r-raġuni li l-applikanti fuq imsemmija ma ngħatawx din il-ħatra?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li kien hemm 110 Health Assistants li ngħataw il-ħatra ta' Nursing Aides mill-Ministeru għal Għawdex. Id-dmirijiet tagħhom huma annessi. Kien hemm 3 Health Assistants li ma ħadux l-appointment ma' l-oħrajn minħabba żball amministrattiv u dan ġie spjegat lill-impjegati nfushom. Il-proċeduri f'dan ir-rigward huma mexjin.
Leg 9 PQ #14281 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Proġetti

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-prijoritajiet għal din is-sena (2000) dwar dawn il-proġetti: (1) toroq; (2) xogħlijiet pubbliċi; (3) sptar ġenerali; (4) ċentru amministrattiv; (5) edukazzjoni u skejjel; (6) mużewijiet?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ix-xogħolijiet għas-sena jsiru skond il-Business Plan fil-parametri ta' l-Estimi Finanzjarji.
Leg 9 PQ #14282 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Ċimiterju Santa Marija

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li ċ-ċimiterju ta' Santa Marija ssirlu estensjoni? Jekk fl-affermattiv, f'liema stadju waslu t-tħejjijiet konnessi ma' din l-estensjoni? Meta hemm il-ħsieb li jinbeda x-xogħol fuq l-estensjoni msemmija aktar 'il fuq? Meta hemm il-ħsieb li dawn ix-xogħlijiet ikunu lesti?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li fil-preżent hemm applikazzjoni sabiex jiġi estiż iċ-ċimiterju ta' Santa Marija f'Għawdex. Din għadha qed tiġi ipproċessata mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Hekk kif ikun hemm il-permessi meħtieġa jibdew il-preparamenti għall-ħruġ ta' l-offerti. Għaldaqstant f'dan l-istadju ma ninsabx f'posizzjoni li nagħti risposta dwar meta x-xogħlijiet konnessi mal-estensjoni ta' ċimiterju jkunu lesti.
Leg 9 PQ #14283 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Casual social assistants

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' casual social assistants fl-1 ta' Jannar, 1999? Kemm kien in-numru ta' causual social assistants fl-1 ta' Jannar, 2000? Kemm kien in-numru ta' sigħat li dawn is-CSAs ħadmu f'kull data separata? Teżisti xi differenza bejn in-numru ta' sigħat li nħadmu fiż-żewġ dati fuq imsemmija? Jekk fl-affermattiv, x'inhi r-raġuni għal din id-differenza?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li n-numru ta' Assistenti Soċjali Każwali mas-Sezzjoni ta' l-Anzjani kemm fl-1 ta' Jannar 1999 kif ukoll fl-1 ta' Jannar 2000 kien ta' 126. F'dawn id-dati ma ingħatax servizz perezz li kienu btajjel pubbliċi.
Leg 9 PQ #14010 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Membri

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-ammont ta' eżerċizzji fiżiċi li qiegħed jingħata lill-membri tal-Forzi Armati ġewwa Għawdiex huwiex iktar minn dak li qiegħed jingħata lill-membri sħabhom ġewwa Malta? Jekk fl-affermattiv, x'inhi r-raġuni għaliex qiegħed isir hekk? Membri b'etajiet differenti huma jingħataw l-istess eżerċizzju, u jekk dan hux adattat għal etajiet varji tagħhom? Għalkemm kulħadd jaqbel li l-armata għandha jkollha membri f'kondizzjoni fiżika tajba biex jaqdu dmirijiethom aħjar, il-Prim Ministru hu konxju li programm li ma jkunx adattat għal individwu jista' jkun ta' detriment għas-saħħa ta' l-istess membri? Dan it-taħriġ qed jingħata b'doża qawwija li tħalli effetti negativi fuq il-membri?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat li t-taħriġ fiżiku li qiegħed jingħata lis-suldati stazzjonati f'Għawdex mhux differenti minn dak li qiegħed jingħata f'Malta. Is-suldati kollha taħt il-55 sena jsirilhom dak li jissejjaħ Army Physical Fitness Test (APFT) darbtejn fis-sena. Peress li t-test li jmiss għandu jsir f'April, bħalissa qiegħed jingħata taħriġ preparatorju biex igħin lis-suldati jħejju ruħhom aħjar għat-test. Il-livelli li jridu jintlaħqu fl-APFT ivarjaw skond l-eta'u s-sess. Minn stħarriġ li sar jirriżulta li dan it-taħriġ hu skond il-prattika militari.
Leg 9 PQ #14065 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Proċeduri dixxiplinari

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm inbdew proċeduri tad-dixxiplina mid-dipartimenti rispettivi li jaqgħu taħt il-ministeru tagħha, dipartiment b'dipartiment, bejn l-1 ta' Jannar, 1999 u l-aħħar ta' Jannar, 2000?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #14066 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Corporate Services - Impjegati

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa l-istaff u liema huma l-gradi li jaqgħu taħt id-direttur tal-corporate services fil-ministeru tagħha? Kemm hemm uffiċjali fil-gradi minn principal 'l fuq, grad bi grad? X'inhuma d-doveri speċifiċi ta' kull uffiċjal fi ħdan dan id-dipartiment?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li b'kollox hemm 57 impjegat li jaqgħu taħt id-Direttur għas-Servizzi Korporattivi fil-Ministeru għal Għawdex. Dawn l-impjegati huma f'dawn il-gradi: Senior Principal, Principal, Assistant Principal, Executive Officer, Clerk, Senior Tradesman, Senior Operative, Supervisor, Messaġġier, Operative, Senior Postperson, Health Assistant, Pustiera, Hospital Auxiliary u General Hand. Minn dawn l-impjegati hemm 4 Senior Principals u 5 Principals. Id-doveri ta' l-uffiċċjali fi ħdan dan id-dipartiment huma kif inhu skedat hawn taħt: Grad Numru Doveri Senior Principals 2 Finance Managers, wiehed fuq il-Vot Kapitali u l-ieħor fuq il-Vot Rikorrenti 1 Human Resources Manager 1 Senior Auditor Principals 2 Accounts 1 Personnel Officer 1 Inkarigat mill-Procurements u supplies 1 Jimmoniterja r-risposti għall-Mistoqsijiet Parlamentari kollha li jirrigwardjaw lil Għawdex Assistant Principals 1 Inkarigata mir-Registry Executive Officers 2 Diversi doveri fir-Registry 2 Accounts 1 Cons umer Affairs 1 Personnel Section 2 Fil-preżent huma fuq Parental Leave Clerks 6 Diversi doveri fis-Sezzjoni ta' l-Accounts 4 Registry 1 Fil-pr eżent qegħda fuq Parental Leave Senior Tradesman 2 Assenjati mal-Librerija tal-Katidral Postperson 1 Registry Sup ervisors 2 Jagħmlu spezzjonijiet fuq il-lantijiet tax-xogħol Messaġġiera 2 Jagħmlu xogħol messinġerjali Operative 1 Responsabbli għaż-żamma tas-swali ta' l-esibizzjonijiet General Hands 2 Tqassim ta' files u photocopying 2 Xogħol ta' tindif 2 Xogħol ta' operator fuq il-PABX taċ-Ċentru Amministrattiv Barra minn dawn id-Dipartiment għandu wkoll Clerk, Health Assistant, 2 Senior Postpersons, Gardener, 2 postpersons, Senior Operative, Operative, 2 Hospital Auxiliaries u 3 General Hands li fil-preżent qed jagħmlu xogħol fil-heliport in konnessjoni mas-servizz tal-helicopter.
Leg 9 PQ #14067 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Equipment

Question

Tista' l-Ministru tagħti lista ta' apparat u equipment li nxtara għall-iskejjel Għawdxin u għall-Isptar Ġenerali ta' Għawdex matul is-sena 1999? Kemm minnhom f'kull każ? Il-kwotazzjoni u l-offerti ġew deċiżi minn adjudicating board? Kemm inxtraw bid-dirett?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-informazzjoni mitlub qiegħda tinġabar.
Leg 9 PQ #13881 Sitting 240 2000-02-14 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għall-Ambjent

Drenaġġ — Bini ta' kamra

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tiswa biex tinbena kamra għal pompi tad-drenaġġ bis-sump u l-pompi nklużi? Xi kemm qed ikun il-konsum tad-dawl li jintuża f'kamra tad-drenaġġ bħal dik fuq imsemmija?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Biex l-Onorevoli Interpellant ikun jaf kemm tiswa kamra għall-pompi tad-drenaġġ, bis-'sump' u l-pompi nklużi, jrid jagħti indikazzjoni ta' kemm trid tkun kbira din il-kamra u x'volum ta' drenaġġ trid tkopri. Mingħajr dawn id-dettalji, huwa mpossibbli biex wieħed joħroġ stima għax il-prezz jista' jvarja minn ftit eluf għal eluf kbar skond id-daqs tal-'pumping station'.
Leg 9 PQ #13882 Sitting 240 2000-02-14 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Membri fil-korp

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' membri fil-korp tal-pulizija li marru jagħtu d-demm matul dawn l-aħħar sentejn, xahar b'xahar? Jikkonferma l-Ministru li dan l-aħħar fil-korp tal-pulizija ġew introdotti miżuri ġodda ma' dawk il-membri li jagħtu d-demm, cioe' li jingħataw permess biss jekk ikunu first watch biss? X'effetti qed iħallu miżuri bħal dawn fuq l-għoti tad-demm?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li kull meta l-Korp tal-Pulizija jiġi nfurmat li jkun meħtieġ id-demm, jiġu notifikati l-għasses u s-sezzjonijiet kollha tal-Pulizija, sabiex min ikun jista` jmur jagħti d-demm. Din il-proċedura ilha tkun segwita u ma ġietx midbula. Ninsab infurmat ukoll li ma tinżammx statistika dwar kemm il-darba membri tal-Korp imorru jagħtu d-demm.
Leg 9 PQ #13499 Sitting 235 2000-02-07 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Club Class Residential Language School

Question

Jista' l-Ministru jara li l-iskola li tgħallem l-Ingliż lill-barranin u li qiegħda tirreklama f'rivisti barranin u ġġib l-isem ta' Club Class Residential Language School għandha l-permessi kollha meħtieġa biex topera? Min hu d-direttur ta' l-istudji tagħha? Meta nħarġulha l-permessi kollha meħtieġa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Club Class Residential Languae School ilha li applikat għal-Liċenzja ta' Skola li tgħallem l-Ingliż lill-barranin mill-10 ta' Marzu 1999 u l-proċeduri waslu fl-aħħar stadju tagħhom. Informat ukoll li d-Direttur ta' l-Istudji hija Ms Marisa Galea Cavallazzi u li għandha l-kwalifiki kollha meħtieġa għal din il-kariga.
Leg 9 PQ #12218 Sitting 215 2000-01-10 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Karmenu Refalo - Għalliem ta' l-Ingliż

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fl-iskola Karmenu Refalo fir-Rabat, Għawdex ma ntbagħatx teacher ta' l-Ingliż? Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux veru li hemm il-ħsieb li din l-iskola se tingħalaq? F'każ ta' din l-iskola tingħalaq, x'se jsir mill-istudenti u l-għalliema li hemm ta' din l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għalliema ta' l-Ingliż ser tibda fil-bidu tat-tieni term. Informat ukoll li d-Dipartiment qed jistudja l-qagħda ta' din l-iskola fl-isfond ta' l-istudju li qed isir mit-Trade School Review Working Group dwar l-iskejjel tas-snajja'.
Leg 9 PQ #12219 Sitting 215 2000-01-10 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Pjazza Indipendenza

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hi l-kirja tat-tinda l-kbira li hemm armata fi Pjazza Indipendenza, Rabat, Għawdex? Kemm intnefqu flus b'kollox biex inġiebu l-pasturi li hemm fil-pjazza fuq imsemmija? Kemm intnefqu flus (f'materjal u xogħol) biex intrema' l-presepju li hemm fil-Pjazza Indipendenza? Kemm sewa (f'materjal u xogħol) biex inbena t-Torri tal-Millenju li hemm fil-pjazza fuq imsemmija?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-kirja tat-tinda l-kbira li ġiet armata fi Pjazza Indipendenza għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Millennju ġiet tiswa Lm9200. Il-pasturi ġodda li saru għall-istess pjazza ġew jiswew Lm1500 liema ammont jinkludi t-trasport ta' l-istess pasturi minn Sqallija għal Għawdex. Il-presepju li nbena fi Pjazza Indipendenza sewa Lm1127.21. Dwar it-torri tal-Millennju nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija numru 10131.
Leg 9 PQ #9944 Sitting 211 1999-12-16 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Gozo Channel — Studenti - Pass speċjali

Question

Jista'l-Ministru jiżvela jekk studenti Maltin li jkunu jistudjaw fl-Universita' ta' Għawdex humiex intitolati għall-pass speċjali tal-Gozo Channel biex ikunu jistgħu jaqsmu lejn Għawdex bi prezz ridott?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li m'hemmx arranġamenti biex studenti Maltin li jistudjaw fl-Universita' ta' Għawdex ikunu ntitolati għall-pass speċjali tal-Gozo Channel.
Leg 9 PQ #11269 Sitting 180 1999-11-15 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru tas-Saħħa

San Luqa

Question

Peress illi nhar it-Tnejn li għadda diversi pazjenti , fosthom Għawdxin, li marru għal check-up fl-Isptar San Luqa reġgħu ntbagħtu lura bla ma sarilhom xejn minħabba l-eżerċizzju li sar fl-ajruport ta' Malta, liema eżerċizzju kien jinvolvi anke l-isptar ewlieni fuq imsemmi u diversi minn dawn il-pazjenti, minħabba t-testijiet li kellhom isirulhom, kien ilhom sajmin tlett ijiem; li l-Għawdxin ikollhom jieħdu battikata biex jiġu Malta, speċjalment meta jkollhom bżonn tal-kura; li parti kbira ta' dawn il-pazjenti huma ħaddiema u kellhom jieħdu l-leave biex setgħu jattendu għal dawn it-testijiet li baqgħu ma sarulhomx, jista' l-Ministru jgħid jekk dawn il-pazjenti humiex se jiġu kkumpensati ta' l-ispejjeż bla bżonn li dawn għamlu u tax-xogħol li tilfu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nhar it-tnejn li għadda sar `Major Disaster Exercise` li involva is-servizz ta` l-Isptar San Luqa. Minħabba s-serjeta li eżerċizzju bħal dan jirrikjedi, u minħabba li l-Isptar irid jimxi skond il-`Major Disaster Plan`, xi servizzi jkollhom bil-fors jew jieqfu jew jiġu proposti. Dan kemm jista jkun jiġi limitat sabiex is-servizz normali ta` l-Isptar jibqa għaddej. Wieħed irid jifhem, li eżerċizzji bħal dawn isiru mingħajr avvis sabiex ikollna prova ta` kemm is-servizzi tagħna ikunu ippreparati jirrispondu għall eventwalita din. Irrid inżid li r-rispons kien posittiv.
Leg 9 PQ #11043 Sitting 175 1999-11-08 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għal Għawdex

Skejjel — Għawdex - Higher secondary

Question

Taf il-Ministru li l-Higher Secondary ġewwa Għawdex tinsab bla għalliem/a tal-matematika? Meta se jittieħdu l-passi meħtieġa biex din l-iskola tiġi pprovduta b'għalliem f'dan is-suġġett?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li fil-preżent fil-Higher Secondary School ġewwa Għawdex hemm fil-preżent nuqqas ta' għalliem wieħed tal-matematika. Dan il-post mistenni jimtela meta jkun magħruf ir-riżultat ta' l-intervista għall-mili ta' post ta' supply teacher tal-matematika.
Leg 9 PQ #10840 Sitting 168 1999-11-01 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għal Għawdex

Skejjel — Skola Agius De Soldanis - Għawdex

Question

Taf il-Ministru li l-klassi tal-ħames sena fl-iskola tal-bniet Agius De Soldanis tar-Rabat, Għawdex ilha bla għalliem tal-Malti minn mindu bdiet minn wara l-btajjel tas-sajf? Jidhirlhiex il-Ministru li xahar bla għalliem għal din il-klassi huwa żmien twil wisq meta wieħed iqis li dawn l-istudenti jridu jersqu għall-eżami ftit tax-xhur oħra? Meta se jittieħdu l-passi meħtieġa biex dan l-għalliem/a jiġi provdut lil din il-klassi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li ma kienet teżisti l-ebda vakanza ta' għalliema tal-Malti fil-klassi tal-Form V fl-iskola tal-bniet Agius de Soldanis, fir-Rabat Għawdex fil-bidu tas-sena skolastika. Iżda minħabba li l-għalliema ta' dan is-suġġett ħarġet b'long sick leave wara l-ftuħ ta' l-iskola, qegħdin jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex din l-għalliema tiġi sostitwita minn xi għalliem ieħor.
Leg 9 PQ #10841 Sitting 168 1999-11-01 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għal Għawdex

Skejjel — Junior Lyceum Ninu Cremona - Għawdex

Question

Taf il-Ministru li l-klassi tar-raba' sena fil-Junior Lyceum Ninu Cremona tar-Rabat, Għawdex ilha bla għalliem tal-Malti minn mindu bdiet? Meta se jittieħdu l-passi meħtieġa biex dan l-għalliem/a jiġi provvdut lill-din il-klassi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li ma kienet teżisti l-ebda vakanza ta' għalliema tal-Malti fir-raba' sena fil-Junior Lyceum 'Ninu Cremona' tar-Rabat Għawdex fil-bidu tas-sena skolastika. Iżda peress li l-għalliema ħarġet b'long sick leave id-Diviżjoni tal-Edukazzjoni qiegħda tieħu l-passi meħtieġa sabiex din l-għalliema tiġi sostitwita minn xi għalliem ieħor.
Leg 9 PQ #10639 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għal Għawdex

Skejjel — Għalliema

Question

Taf il-Ministru li studenti tal-Form V li waslu biex jagħmlu l-eżamijiet tal-GCE jew tal-Matsec, fil-futur qarib, għadhom mingħajr għalliema tal-Malti u tat-Taljan?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li ma kienu jeżistu l-ebda vakanzi ta' għalliema tal-Malti u tat-Taljan fil-Form V fil-bidu ta' din is-sena skolastika. Iżda minħabba li l-għalliema ta' dan is-suġġett fl-iskola Agius de Soldanis ħarġu b'long leave wara l-ftuħ ta' l-iskola, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qegħda tieħu l-passi meħtieġa sabiex jimtlew dawn il-vakanzi.