B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 153, jista' l-Ministru jgħid min huma n-nies li qed jaħdmu full-time mal-Kunsill Malti għall-Isport u fejn kienu jaħdmu qabel ħadu dan ix-xogħol?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Qed inpoġġi wkoll lista tal-impjegati full-time mal-Kunsill Malti għall-Isport.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 575 u ċjoè: B’referenza għar-risposti tal-mistoqsijiet parlamentari 26738 u 28661 tal-XI-il Leġiżlatura fejn kien ġie kkonfermat li s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali approva li jsir, u finalment jitħallas, ammont konsideroveli ta’overtime u li jammonta għal madwar €12,000 fuq medda ta’ tliet snin biss lil persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħtaw separtament, jista' l-Ministru jgħid x’kien l-ammont ta' overtime li tħallas lil din il-persuna fil-perijodu ta’ bejn Ġunju 2011 u Marzu 2013?
Peress li kien hemm kunflitt ċar ta’ interess fejn uffiċjal pubbliku japprova li jsir u jitħallas
overtime
lil din il-persuna u peress li minn dawn ir-risposti li kienu ngħataw dak iż-żmien is-Segretarju Permanenti ma rreferiex dawn it-talbiet lis-Segretarju Permanenti Prinċipali għall-approvazzjoni tiegħu li b’hekk kien ikun evitat dan il-kunflitt ta’ interess, x’passi dixxiplinarji ttieħdu jew se jittieħdu fil-konfront tal-persuna kkonċernata?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jinvestiga kif taħt it-tmexxija ta’ dan is-Segretarju Permanenti, din il-persuna ngħatat diversi promozzjonijiet u saħansitra nħolqot kariga ġdida minnu stess, li t-titlu tagħha qed jintbagħat ukoll separatament, biex b’hekk din il-persuna setgħet tapplika, u finalment ingħatat din il-kariga fi skala ferm ogħla minn dik li kellha?
Jikkonferma jekk fl-aħħar xhur ta’ qabel l-elezzjoni, dan l-istess Segretarju Permanenti reġa' ħoloq kariga ġdida oħra fl-istess Ministeru li kien responsabbli tiegħu, saru l-intervisti u din il-persuna reġgħet ġiet l-ewwel fl-intervista?
Peress li jidher li hemm lok ta’ abbuż ta’ poter mill-ex Segretarju Permanenti, jista' jikkonferma jekk il-Pulizija qattx kienet mitluba li tinvestiga, bħalma għamlet f’każ ferm anqas gravi minn dan meta mitluba mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali xi snin ilu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant ili l-każ qiegħed jiġi investigat.
B'referenza għall-mistoqsija numru 588, jista' l-Ministru jibgħat esperti ħalli jagħmlu assessment serju tat-Triq il-Palazzi fiż-Żejtun minħabba li anke l-parti l-kbira tat-triq li qed jingħad li hija fir-responsabbiltà tal-kunsill lokali mhux f'sitwazzjoni tajba?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat minħabba li l-assessment mitlub minnu huwa r-responsabbilta` tal-Kunsill Lokali kknoċernat, u mhux ta’ Transport Malta, madanakollu lesti li naghtu kull ghajnuna.
Medicine Entitlement Unit — Approvazzjoni ta' Mediċina Imfliximab
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi approvata l-mediċina Imfliximab li ilha mis-sena l-oħra quddiem il-Medicine Entitlement Unit għal persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatment?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni ġiet mibgħuta lejn l-aħħar ta’ Jannar tal-2013 u wara diskussjoni klinika l-pazjent imsemmi baqa’ fuq it-trattament li kellu. Infatti d-dipartiment kien miftiehem mal-kliniċi li jerġgħu javżaw id-dipartiment b’emejl, meta jkunu jridu li jinbeda dan it-trattament lill-pazjent. Id-dipartiment qiegħed f’kuntatt mal-kliniċi u jekk minnufiħ iridu li t-trattament jinbeda, t-trattament se jingħata.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-protokoll jew il-quality service charter tas-servizz importanti mogħti mill-Crisis Intervention Team? F’każ ta’ xi kriżi, x’servizzi konkreti qed jirċievu l-ġenituri ta’ membri tal-familja tagħhom li jsofru minn xi mard mentali? Fi x’ħin jistgħu jċemplu għall-għajnuna? Għaliex dan is-servizz mhux qed jingħata 24 siegħa kuljum u kemm ilu ma jinghata 24 siegħa kuljum? Isiru home visits mill-ewwel mill-professjonisti ta’ dan it-team meta jkun hemm ‘kriżi’ fil-familja?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tgħid meta l-istandards nazzjonali għall-out-of-home children li ġew ippubblikati fl-2009, se jiġu implimentati mill-Aġenzija Appoġġ? X’kienet ir-raġuni li dawn għadhom ma ġewx implimentati?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-Out of Home Care Standards l-Aġenzija APPOGG hi identifikata bħala l-Aġenzija responsabbli għall-ħarsien tat-tfal. Diversi partijiet mill-Istandards huma diġà fis-seħħ mill-Aġenzija, filwaqt li hemm limitazzjoni fl-implimentazzjoni ta’ wħud mill-istandards minħabba nuqqas ta’riżorsi u flessibilita` fis-sistema.
Fil-qasam tal-Fostering, l-Aġenzija APPOGG hi identifikata wkoll bħala l-Aġenzija li tipprovdi l-ħarsien. L-Aġenzija tassigura li s-servizz ipprovdut hu kemm jista’ jkun skont dak stabbilit mill-Istandards tal-Out of Home Care permezz ta’ professjonisti li jimmoniterjaw kemm il-kura li tingħata, kif ukoll lit-tfal li qed jirċievu s-servizz, kif ukoll permezz ta’ taħriġ lil min ikun ser jieħu ħsieb, u qed jieħu ħsieb it-tfal, iżda hemm limitazzjonijiet fin-numru ta’ foster carers. Parti kbira mill-Istandards huma diġa’ fis-seħħ filwaqt li hemm limitazzjoni fl-implimentazzjoni ta’ wħud mill-istandards minħabba nuqqas ta’ riżorsi u ta` foster carers. L-Aġenzija hija wkoll akkreditata biex tipprovdi s-servizz tal-fostering u biex tingħata din l-akkreditazzjoni jsir assessment tas-servizz provdut mid-Dipartiment tas-Social Welfare Standards, skont kif provdut fil-Liġi tal-Fostering.
Sadanittant l-Istandards Nazzjonali li qed jirreferi għalihom huma n-
National Standards for Out of Home Care
li jirregolaw is-servizzi kollha li jingħataw lil tfal li ma jistgħux jgħixu mal-familji tagħhom. Dawn is-servizzi jinkludu is-servizzi mogħtija mid-djar tat-tfal, kif ukoll is-servizz tal-
fostering
li huwa kkordinat mill-Aġenzija Appoġġ.
Id-Dipartiment tal-iStandards tal-Ħarsien Soċjali għaddej b'diskussjonijiet mal-Ufficcju tad-Djar tat-Tfal sabiex dawn id-djar jiġu konformi ma’ dawn l-istandards.
La darba jiġi reġistrat progress mas-settur tad-djar tat-tfal, jinbeda ukoll il-proċess mas-servizz tal-
fostering
, biex dan ukoll jiġi konformi mal-istandards imsemmija.
B’referenza għar-risposti tal-mistoqsijiet parlamentari 26738 u 28661 tal-XI-il Leġislatura fejn kien ġie kkonfermat li s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali approva li jsir, u finalment jitħallas, ammont konsideroveli ta’overtime u li jammonta għal madwar €12,000 fuq medda ta’ tliet snin biss lil mara tiegħu stess, jista' l-Ministru jgħid x’kien l-ammont ta' overtime li tħallas lil din il-persuna fil-perjodu ta’ bejn Ġunju 2011 u Marzu 2013?
Peress li kien hemm kunflitt ċar ta’ interess fejn uffiċjal pubbliku japprova li jsir u jitħallas overtime lil mara tiegħu stess u peress li minn dawn ir-risposti li kienu ngħataw dak iż-żmien is-Segretarju Permanenti ma rreferix dawn it-talbiet lis-Segretarju Pemanenti Prinċipali għall-approvazzjoni tiegħu u b’hekk kien ikun evitat dan il-kunflitt ta’ interess, x’passi dixxiplinarji ttieħdu jew se jittieħdu fil-konfront tal-persuna kkonċernata?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jinvestiga kif taħt it-tmexxija ta’ dan is-Segretarju Permanenti, il-mara tiegħu ngħatat diversi promozzjonijiet u saħansitra nħolqot kariga ġdida minnu stess (Manager – Naturalment Malti) biex b’hekk il-mara tiegħu setgħet tapplika, u finalment ingħatat din il-kariga fi skala ferm ogħla minn dik li kellha?
Jikkonferma jekk fl-aħħar xhur ta qabel l-elezzjoni, dan l-istess Segretarju Permanenti reġa' ħoloq kariga ġdida oħra fl-istess Ministeru li kien responsabbli tiegħu, saru l-intervisti u l-mara tiegħu reġgħet ġiet l-ewwel fl-intervista?
Peress li jidher li hemm lok ta’ abbuż ta’ poter mill-ex Segretarju Permanenti, jista' jikkonferma jekk il-Pulizija qattx kienet mitluba li tinvestiga bħalma għamlet f’każ ferm anqas gravi minn dan meta mitluba mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali xi snin ilu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi t-tweġiba se tingħata f’xi seduta oħra.
Fondi tal-Unjoni Ewropea — Sussidju lill-Bdiewa u Raħħala
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta l-bdiewa u r-raħħala se jieħdu s-sussidju minn fondi tal-Unjoni Ewropea li ġie mwiegħed lilhom mill-amministrazzjoni preċedenti u li lanqas tħallas qabel l-elezzjoni? B’mod partikolari nistaqsi meta se jiġu mhallsa dawn is-sinjuri li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Awtorita tat-Tmexxija Għall-Iżvilupp Rurali ser tippreżenta talba lill-Kummissjoni Ewropea, sabiex jiġu trasferiti fondi mhux utilizzati taħt miżuri oħra tal-Programm Għall-Iżvilupp Rurali, għal fuq il-Miżura 121, biex jintużaw għal dawk il-proġetti li ġew ikklassifikati bħala eliġibbli iżda li ma kienx hemm biżejjed fondi għalihom.
Ninsab infurmat ukoll li l-applikazzjoni tas-sinjuri li d-dettalji dwarhom intbagħtu separatament, ġiet meqjusa eliġibli għall-fondi u skond ir-riżultat ġiet ikklassifikata fis-sebgħa post. Madankollu, bħalissa kif intqal diga, m’hemmx biżżejjed fondi biex l-applikazzjoni tiġi kkuntrattata f’dan il-waqt.
Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir Triq il-Palazzi ġewwa ż-Żejtun wara li f’din it-triq sar żvilupp sostanzjali u allura t-triq hemm bżonn li ssir bit-tarmak?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Triq tal-Palazzi ġewwa ż-Żejtun taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali, għajr għal biċċa żgħira mit-triq li qatt ma saret peress li sar żvilupp u l-bini ġie rtirat ‘il ġewwa sabiex jikkonforma mal-linja tal-bini eżistenti. Din il-parti tat-triq se tiġi kkunsidrata għall-programm tax-xogħlijiet li jmiss. Madankollu, huwa l-obbligu legali tal-iżvilippatur tal-propjetajiet li jiffurmaw u jimmantjenu t-triq ta’ quddiemhom sew sakemm jingħata l-wiċċ min-naħa tal-Gvern.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 38624 u 38466 u jgħid fejn jista' jirrikorri l-pubbliku meta jkun hemm każ ta’ problema fis-sistema tad-drenaġġ li tista' tkun kkawżata lil terzi mill-ġirien li jgħixu fuq jew inkella fil-madwar ta’ xi post ta’ persuna oħra fejn ikun qed jirriżulta li qed ikun hemm problem fl-istess sistema tad-drenaġġ possibilment anke minħabba li servizzi ta’ drenaġġ ma jkunux saru kif suppost? X’rimedji jistgħu jsiru f’każijiet bħal dawn?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli mid-Dipartiment tas-Sanità Pubblika.
kumpanija li tipprovdi saqajn għal min ikun għamel l-operazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 38583 u cioè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 38010, jista' l-Ministru jispjega l-ħlasijiet bejn l-2010 u l-2012 u żidiet li kien hemm? Barra minn dan, jista' jgħid min huma l-għaqdiet li ġew ikkonsultati u meta sar dan? X'tip ta' konsultazzjoni saret?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li ż-żieda fil-ħlasijiiet bejn 2010 u 2012 kienet sempliċiment għax żdiedet l-attivita’ fl-OPU. L-għaqda li ġiet konsultata kient “Amputees 4 Amputees” (A4A). Dawn kienu laqgħat informali fejn l-għaqda esprimiet ix-xewqat tagħha dwar kif jista jitmexxa s-servizz. Dawn saru fit-2011 u 2012. L-għaqda ma kienetx involuta fil-kitba tat-tender il-ġdid iżda x-xewqat tal-pazjenti ingħataw konsiderazzjoni serja.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 38525 u jgħid x'reviżjonijiet saru fil-budget għal din is-sena minn dak li ġie oriġinarjament ivvutat? Jista' jagħti dawn id-dettalji separatament u sa Ottubru 2012? Jista' jgħid ukoll kemm ġie minfuq sa dan iż-żmien fuq kull line item u kemm hemm kontijiet pendenti sabiex jitħallsu?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 38489 u jgħid jekk il-batterija tal-Mistra taqax taħt ir-responsabilità tal-Heritage Malta? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li din tiġi restawrata u preservata kif jixraq?
Response (MARCO, MARIO DE)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-batterija tal-Mistra ma taqax taħt ir-responsabbilita’ tal-Heritage Malta.
Tista' l-Ministru tgħid fiex jikkonsisti s-servizz ta' appoġġ u ħarsien wara l-ħin tal-iskola? Dan is-servizz huwa issusidjat għal dawk il-ġenituri li ma jistgħux iħallsu r-rata ta' €1.20 fis-siegħa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Is-servizz ta’ appoġġ u ħarsien wara l-ħin tal-iskola – Klabb 3-16 - jiġi pprovdut mill-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES). Dan is-servizz tnieda f’Ottubru tal-2009 u jiġi pprovdut minn ġewwa l-bini tal-iskejjel. Bħalissa is-servizz jingħata minn 8 lokalitajiet u għaddej xogħol ta’ preparazzjoni biex jinfetħu aktar ċentri fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin (total ta’ 29 ċentru f’Malta u Għawdex). Klabb 3-16 huwa maħsub għat-tfal kollha tal-iskola (li jattendu skejjel tal-Istat, tal-Knisja u Independenti) u huwa miftuħ is-sena kollha inkluż fil-vaganzi tal-iskola. Is-servizz ikopri l-ħin ta’ wara l-iskola u jinkludi programm t’attivitajiet edukattivi fejn it-tfal jistgħu jlestu l-homework u jieħdu sehem f’attivitajiet edukattivi u ta’ gost f’ambjent stimulanti u san b’superviżjoni adekwata. Is-servizz huwa offrut mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn is-2.30 ta’ wara nofsinhar u s-6.00 ta’ filgħaxija matul il-ġranet tal-iskola, u mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-7.15 ta’ filgħodu u l-5.15 ta’ filgħaxija fi ġranet ta’ vaganzi (eż. il-vaganzi tas-sajf).
Dan is-servizz huwa bi ħlas u l-ġenituri jħallsu rata ta’ €1.20 fis-siegħa. Dawk il-ġenituri li ma jistgħux iħallsu din ir-rata jistgħu japplikaw mal-Fondazzjoni għal sussidju.
Ċentri ta' Matul il-Jum — persuni bi problemi ta' saħħa mentali
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni bi problemi ta' saħħa mentali li regolarment qed jattendu fiċ-Ċentri ta' Matul il-Jum? Kemm qed tiġi l-ispiża ta' kull persuna li qed tattendi dawn il-postijiet?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li hemm 313-il persuna li qegħdin jattendu b’mod regolari fiċ-ċentri ta’ matul il-jum għall-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali. L-ispiża hija ta’ €6.40 għal kull persuna li tattendi kuljum.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-batterija tal-Mistra taqax taħt ir-responsabilità tal-Heritage Malta? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li din tiġi restawrata u preservata kif jixraq?
Response (MARCO, MARIO DE)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid jekk u meta l-iskola sekondarja ta' Santa Luċija se jkollha sala u gym tagħha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fl-iskola sekondarja ta’ Santa Luċia għandu jkun hemm faċilita’ li sservi bħala multi-purpose hall. Dan ix-xogħol hu meqjus bħala priorità iżda data għax-xogħol għadha ma ġietx stabbilita.
Ħaż-Żabbar — Triq Patri Felicjan Grech - tiswija tat-triq
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 38285 u jgħid meta se ssir Triq Patri Felicjan Grech (area ta’ St. Peter) ġewwa Ħaż-Żabbar meta din suppost saret diġà skont ma kien intqal lir-residenti tal-istess triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-triq li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant ma' tagħmilx parti mill-programm tax-xogħlijiet eżistenti ta’ Transport Malta. Madankollu, din it-triq ġiet inkluża mill-Kunsill Lokali fil-lista proposta ta’ toroq residenzjali li qatt ma' saru, liema lista ġiet sottomessa lil Transport Malta fid-29 t’Awissu 2012. Għaldaqstant, bħalissa Transport Malta qed tevalwa din il-lista għall-programm tax-xogħlijiet li jmiss ta’ bini ta’ toroq.
Jista' l-Ministru jgħid x'reviżjonijiet saru fil-budget għal din is-sena minn dak li ġie oriġinarjament ivvutat? Jista' jagħti dawn id-dettalji separatament u sa Ottubru 2012? Jista' jgħid ukoll kemm ġie minfuq sa dan iż-żmien fuq kull line item u kemm hemm kontijiet pendenti sabiex jitħallsu?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.