Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #1399 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MIA Baggage Handling Department — Sistema ta' ċirkolazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jiċċekkja jekk is-sistema ta' ċirkolazzjoni ta' l-arja fl-MIA Baggage Handling Department hijiex sodifaċenti għal saħħet dawk li jużawh inkluż il-ħaddiema u jekk le, xi pjanijiet hemm biex id-disinn jitjieb?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-Kumpanija Malta Inernational Airport plc tikkonferma li s-sistema ta' ċirkolazzjoni ta' l-arja li titħaddem fl-ajruport hija sodisfaċenti għal saħħet dawk kollha li jużaw il-bini ta' l-ajruport internazzjonali ta' Malta, inklużi l-ħaddiema kollha. Ta' min jgħid, li kull meta kien hemm xi lment mill-ħaddiema, inklużi dawk li jaħdmu fil-Baggage Handling Department, dejjem ġew mistħarrġa u ttieħdu l-miżuri kollha li ġew irrakkomandati.
Leg 9 PQ #1400 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Ambjent

Lija/Balzan/B'Kara — Għargħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-gvern fit-tul u fil-qasir biex jibda jissoljeva il-problemi tal-għargħar li hemm f'Ħal Lija, Ħal Balzan u partikolarment f'Birkirkara?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li għadu kif tlesta culvert ġo Triq Birbal, Ħal Balzan li jibda minn quddiem il-ġnien ta' San Anton sa Triq San Franġisk. Qiegħed isir ukoll manutenzjoni tas-sistemi ta' l-ilma tax-xita fil-lokalitajiet imsemmija, dawk li huma f'toroq arterjali. Dan għandu jservi biex tittaffa l-problema ta' l-ilma fl-inħawi imsemmija. Bħalma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-problema ta' l-ilma tax-xita fl-inħawi msemmija partikolarment f'Birkirkara hija problema kbira u tenħtieġ soluzzjoni li tirrikjedi infieq sostanzjali ta' flus. Bħala soluzzjoni tal-problema dejjem kien jissemma illi jrid isir xi ħaġa lejn in-naħa ta' Cane Street kif taqgħad ma' Mannarino Road speċifikament fil-parti d-dejqa li tgħaddi minn taħt Mannarino Road. Xogħol fuq din il-parti biss ma tkunx soluzzjoni aħħarija għax il-qofol tal-problema m'huwiex hemm imma huwa l-ilma li jkun ġej min-naħat ta' fuq ta' Birkirkara, ta' Ħal-Lija, Ħal Balzan, partijiet mill-Mosta u n-Naxxar. Għalhekk irid jinstab metodu kif dan l-ilma jista' jinġabar qrib iżjed lejn dawn l-inħawi fejn jiġi ġġenerat u jiġi ddevjat b'sistema li l-ilma ma jibqax jiġri mat-toroq. Bħalissa din is-soluzzjoni qiegħda tiġi studjata u hija parti minn Storm Water Master Plan li qed issir flimkien mal-Water Services Corporation. Bħala xogħol immedjat qed isir l-esproprazzjoni tad-dar u partijiet oħra li hemm fit-tarf ta' Cane Street u kif din l-esporprazzjoni ssir allura jkun jista' jsir ix-xogħol f'din l-area.

Koperattivi — Support unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kienu dawk li ġew impjegati fis-Support Unit għall-koperattivi bejn l-1992 u l-1996? Jista' l-Ministru jgħid jekk f'dawn l-impjiegi kienx hemm sejħa pubblika u fil-każ li, iva meta u kif saret din is-sejħa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar, u għalhekk, Twegiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #1594 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

UE — Programm Leonardo

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' studenti Maltin li ħadu sehem fil-programm Leonardo ta' l-Unjoni Ewropea, sena b'sena, minn mindu Malta applikat fl-1990 għal sħubija sħiħa sa l-1996?

Response (GALEA, LOUIS)

M'għandix x'inżid mat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija numru 1325.
Leg 9 PQ #1326 Sitting 13 1998-11-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Unjoni Ewropea — Programm Socrates

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' studenti universitarji Maltin li ħadu sehem fil-programm Socrates ta' l-Unjoni Ewropea, sena b'sena, minn mindu Malta bdiet tieħu sehem f'dan il-programam?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri: 11152, 12080 u 12430 li ingħataw fil-Leġislatura preċedenti kif ukoll għat-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari numru 1144 li tajt ftit ilu.
Leg 9 PQ #1327 Sitting 13 1998-11-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bordijiet/Kummissjonijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 649, jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-membri li jiffurmaw il-Kumitat tan-Nomini (Att dwar Ġieħ ir-Repubblika) u min kienu dawk ta' qabel ma ġie ffurmat mill-ġdid dan il-kumitat?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-Kumitat tan-Nomini imwaqqaf taħt l-Att dwar Ġieħ ir- Repubblika huwa kompost minn: Is-Sur Alfred Fiorini Lowell - Chairman ex officio Segretarju tal-Kabinett Dott Anthony Borg Barthet Is-Sur Richard Cachia Caruana Is-Sinjorina Angela Callus L-Imħallef Victor Caruana Colombo Dott Mercedes Schembri Wismayer Rev Professur Peter Serracino Inglott Il-Kumitat ta' qabel kien magħmul minn: Is-Sur Joseph Zammit - Chairman ex officio Segretarju tal-Kabinett Dott Anthony Borg Barthet Dott Philip Sciberras Dott Dominic Fenech Is-Sur Joe Attard Is-Sinjura Matilde Balzan Is-Sinjura Josephine Attard Sultana
Leg 9 PQ #1328 Sitting 13 1998-11-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Ambjent

Xrobb l-Għaġin — Park Nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għadx hemm il-ħsieb li l-Munxar kif ukoll l-area fejn kien hemm id-Deutsche Welle fi Xrobb l-Għaġin, isir park nazzjonali? Jekk iva, meta hemm il-ħsieb li jibda dan ix-xogħol? Fiex se jkun jikkonsisti dan ix-xogħol? Min se jagħmel dan ix-xogħol? Jekk le, x'se jiġri minn dawn l-inħawi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Proġett tal-Park Nazzjonali f'Delimara għadu qiegħed taħt studju u qegħdin jitħejjew il-pjanti neċessarji għal dan ix-xogħol. Huwa maħsub hekk kif dawn ikunu lesti u jinġiebu l-permessi neċessarji, li x-xogħol ikun jista' jibda. Dan iżda huwa marbut ma' żewġ Parks Nazzjonali oħra, dak ta' Ta' Qali u Tas-Salina u għalhekk wieħed irid jara l-prioritajiet.
Leg 9 PQ #1329 Sitting 13 1998-11-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Zejtun — Skola - Carlo Diacono

Question

Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex l-istudenti fl-iskola Carlo Diacono fiż-Żejtun ġew kostretti jixtru ktieb bl-ingliż u jħallsu Lm3 anke jekk il-prezz kien immarkat anqas? Min awtorizza li dan isir? Dan jista'jagħti lok għall-abbuż minħabba li jista' jsir xi qligħ ta' flus u dan a skapitu tat-tfal. Id-dipartiment ta' l-edukazzjoni kien infurmat b'dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istudenti fl-Iskola Carlo Diacono, Junior Lyceum taż-Żejtun ma ġew kostretti jixtru ebda ktieb ta' l-Ingliż. Probabilment l-Onor. Membru qed jirreferi għall-inizjattiva li ħadu xi għalliema ta' l-Ingliż, biex skond id-Development Plan ta' l-iskola jsaħħu t-tagħlim ta' din il-lingwa. Dawn l-għalliema għamlu proġett li permezz tiegħu l-istudenti ngħataw il-possibilita' - u mhux ġew obbligati - li fi tmiem is-sena jixtru bil-prezz ta' Lm3 wieħed mill-25 ktieb li nxtraw biex jinqraw matul is-sena. Il-Prezz ta' dawn il-kotba jvarja minn Lm2.75 għall-Lm4.35 (7 jiswew inqas minn L3 u 18 aktar minn Lm3) u għalhekk ġie deċiż li dawk li jixtru l-kotba jħallsu ftit anqas mill-media - jiġifieri Lm3. Fil-fatt dan mhu se jħalli ebda qliegħ. Bis-sistema ta' devolviment ta' l-awtorita' lill-iskejjel, ma hemm ebda ħtieġa li d-Dipartiment joqgħod jiġi nfurmat jew mitlub li jgħati awtorizzazzjoni fi proġetti bħal dawn.
Leg 9 PQ #1330 Sitting 13 1998-11-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Science lab technicians — Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se joħorġu l-applikazzjonijiet għal science lab technicians?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-applikazzjoni għal Science Lab Technicians bħalissa qegħda għall-verifika u approvazzjoni għand il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.
Leg 9 PQ #1331 Sitting 13 1998-11-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Zejtun — Skola Primarja "A"

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk awtorizzax lil xi deputati Nazzjonalisti sabiex lejn l-aħħar ġimgħa ta' Ottubru jew f'xi ġranet oħra, marru f'xi skola u anke daħlu fl-uffiċċju tal-headmistress u raw xi files kif ukoll ċemplu mill-istess uffiċċju? Jekk iva, x'kienet ir-raġuni? X'kien l-iskop li sar dan? Jista' l-Ministru jwieġeb din il-mistoqsija b'riferenza partikolari għall-iskola Primarja "A" taż-Żejtun?

Response (GALEA, LOUIS)

Għandi informazzjoni mill-Kap ta' l-iskola Żejtun A li Onor. Mario Galea mar darba f'din l-iskola wara li kellu xi kuntatti mil-ġenituri dwar nuqqas ta' caretakers. Waqt li kien l-iskola s-Sur Galea ma rax files, iżda ċempel lid-Dipartiment dwar l-istess problema.
Leg 9 PQ #1320 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel Primarji — Sillabu rivedut

Question

Jista' l -Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sillabu rivedut tal-klassijiet 4, 5, u 6 ta' l-iskejjel primarja?

Response (GALEA, LOUIS)

Id-dokument mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #1321 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kumplessi sportivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hu jew huma l-persuni li se jagħmlu l-istudji u analiżi dwar il-bini ta' 3 kumplessi sportivi li l-gvern qal li se jibni fi tliet reġjuni ta' Malta? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li dawn jiġu ffinanzjati anke mis-settur privat?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser jitwaqqaf kumitat li ser jagħmel analiżi tal-faċilitajiet sportivi eżistenti sabiex ikunu identifikati l-ħtiġijiet fid-diversi dixxiplini sportivi. Il-Gvern lest jikkonsidra l-proposti li jsirulu.
Leg 9 PQ #1322 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Ambjent

Impjant tar-Riċiklaġġ — Ilmenti

Question

Jista' l -Ministru jgħid mill-bidu ta' din is-sena 'l hawn kemm irċieva lmenti l-ministeru jew id-dipartiment dwar l-impjant tar-Riċiklaġġ ta' Sant'Antnin, mill-Kunsill Lokali ta' Marsascala u mir-residenti li joqogħdu fil-viċinanzi ta' l-istess impjant?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li mill-bidu tas-sena 'l hawn l-uffiċju tal-'Planning, Policy and Regulation' fi ħdan il-Waste Management laqa' ftit li xejn ilmenti minn għand il-Kunsill Lokali ta' Marsascala. Dan seħħ l-iżjed fix-xhur ta' Mejju u Awissu. Iżda, ma rridux ninsew li dawn ma ġewx irrapurtati direttament lid-Direttur tal-Waste Management Strategy Implementation Department. Min-naħa l-oħra n-numru ta' ilmenti mir-residenti li joqogħdu fil-viċinanzi ta' l-istess impjant kien hekk: Xahar % ----- --- Jannar 0.90 Frar 1.33 Marzu 3.50 April 7.91 Mejju 9.67 Ġunju 8.75 Lulju 8.33 Awissu 29.03 Settembru 5.55 Ottubru 0.40
Leg 9 PQ #1323 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għawdex — Korsa taż-żwiemel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif titmexxa u minn min il-korsa taż-żwiemel f'Għawdex? B'riferenza għad-dejn li għandha l-korsa tal-Marsa, xi pjanijiet għandu l-kumitat il-ġdid sabiex jitħallas dan id-dejn jew parti minnu?

Response (GALEA, LOUIS)

L-Onor. Interpellan huwa mitlub jagħmel l-ewwel parti tal-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat. Dwar it-tieni parti informat li l-problema tad-dejn tal-Marsa Racing Club kibret tant li l-Kumitat sab ruħu f'pożizzjoni fejn ma jistax jagħmel programm dwar kif jistgħu jsiru ħlasijiet tal-pagamenti lill-kredituri tiegħu. Madankollu, il-Kumitat se jimpenja ruħu biex jara li jkun hemm żieda fid-dħul u jikkontrolla l-infieq biex, barra li jagħmel tajjeb għat-telf li sofra l-Club is-sena l-oħra, ikun jista' jħallas lura parti mid-dejn.
Leg 9 PQ #1324 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Unjoni Ewropea — Programm Comenius

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm skejjel primarji u sekondarji lokali li ħadu sehem fil-programm Comenius? ta' l-Unjoni Ewropea, sena b'sena, minn mindu Malta bdiet tieħu sehem f'dan il-programm?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #1325 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Unjoni Ewropea — Programm Leonardo

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' studenti Maltin li ħadu sehem fil-programm Leonardo ta' l-Unjoni Ewropea, sena b'sena, minn mindu Malta bdiet tieħu sehem f'dan il-programm?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li x-xogħol meħtieġ għall-parteċipazzjoni f'dan il-programm safa' fix-xejn bl-iffriżar ta' l-applikazzjoni ta' Malta għal sħubija fl-UE, ma jirriżultalix li Malta kellha sehem kif jipprovdi l-istess programm.

Sptar Monte Carmeli — Każ ta' anzjan

Question

Jista' l-Ministru jara li l-persuna, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, jiġi trasferit mill-Isptar Monte Carmeli għal San Vinċenz de Paule, minħabba li m'hemmx lok li jibqa' fl-isptar fejn jinsab fil-preżent?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-każ ta' din il-persuna biex jiġi trasferit mill-Isptar Monte Carmeli għal San Vinċenz de Paule qed jiġi kkunsidrat. 9.11.98
Leg 9 PQ #642 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti fil-Ministeru u fis-Segretarjat li ġew imqabbda wara l-elezzjoni tal-5 ta' Settembru, 1998? X'kondizzjonijiet għandhom, kemm qed jitħallsu u fuq liema suġġett ġew mitluba li jagħtu l-parir tagħhom flimkien mal-kwalifiki li għandhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 173 li ingħatat f'Seduta 6.
Leg 9 PQ #379 Sitting 5 1998-11-02 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għaqdiet sportivi — Testijiet anti-doping

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna tingħata lill-għaqdiet sportivi li minn żmien għal żmien jagħmlu testijiet anti-doping fuq l-atleti tagħhom? Liema huma dawk l-għaqdiet li matul l-1997 sa Settembru 1998 ibbenefikaw minn din l-għajnuna? Kemm saru testijiet anti-doping minn kull għaqda sportiva li ngħatat għajnuna? X'inhu jagħmel jew x'beħsiebu jagħmel id-dipartiment konċernat sabiex jiġu nkoraġġiti għaqdiet oħra biex huma wkoll jagħmlu dawn it-testijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Ministeru jissussidja l-ispejjeż biex ikunu jistgħu jsiru t-testijiet anti-doping peress li dawn iridu jsiru f'laboratorji awtorizzati barra minn Malta. L-ispejjeż għal dawn it-testijiet huma konsiderevoli. Matul l-1997 u sa Settembru 1998 ġew mgħejjuna dawn l-għaqdiet: * Malta Football Association * Amateur Swimming Association * Malta Amateur Body Building Association L-informazzjoni dwar kemm saru testijiet għadha qed tinġabar. Biex jinkoraġġixxi għaqdiet sportivi jagħmlu dawn it-testijiet il-Gvern ħa dawn il-miżuri: * Kull għaqda sportiva li titlob rikonoxximent tal-Gvern għandha tinkludi fl-istatut tagħha klawsola dwar il-kontroll ta' l-użu tad-drogi fl-attivitajiet tagħha. * Ma jiggarantix għajnuna finanzjarja għall-attivitajiet internazzjonali f'pajjiżna jekk ma jitteħdux il-passi meħtieġa biex isiru testijiet anti-doping meta dawn ikunu rakkomandati.
Leg 9 PQ #380 Sitting 5 1998-11-02 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għaqdiet sportivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn għaqdiet sportivi reġistrati f'pajjiżna u liema huma? Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-gvern sabiex iħeġġeġ aktar nies jipprattikaw l-isport? X'tip ta' għajnuna qed tingħata lill-għaqdiet sportivi fil-ħidma tagħhom? Liema huma dawk l-għaqdiet sportivi li bbenefikaw minn għotjiet mill-bidu ta' Settembru 1998 sal-lum?

Response (GALEA, LOUIS)

Ġejt informat li f'Malta hawn 33 għaqdiet sportivi li huma reġistrati mal-Kumitat Olimpiku Malti u 50 Assoċjazzjoni/Club li għalkemm m'humiex membri tal-Kumitat Olimpiku, huma reġistrati mas-Sezzjoni tal-Isport tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport. Lista ta' dawn l-Assoċjazzjonijiet ser titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. Sabiex iħeġġeġ aktar nies jipprattikaw l-isport il-Gvern qed jibbaża l-ħidma tiegħu billi: * Fl-iskejjel tiġi nkuraġġita parteċipazzjoni mill-istudenti kollha. Din hija supplementata anki f'attivitajiet bħal Skola Sport u għajnuna oħra lill-għaqdiet li jorganizzaw attivitajiet għal tfal u żgħażagħ. * Għaqdiet sportivi u Clubs jingħataw għajnuna kemm finanzjarja u ta' natura oħra bħal bini u manutenzjoni ta' faċilitajiet. * Jiġu organizzati attivitajiet sportivi fuq bażi ta' 'Sport for All' imfassla fuq il-politika tal-Kunsill ta' l-Ewropa u diversi għaqdiet internazzjonali fl-Ewropa u madwar id-dinja. Il-Gvern jagħti wkoll għajnuna oħra finanzjarja permezz tal-Kumitat Olimpiku Malti u anki diretta. Bis-saħħa ta' hekk jiġu provduti għajnuna teknika u pariri professjonali lill-għaqdiet permezz ta' kuntatti ma' organizzazzjonijiet u għaqdiet lokali u internazzjonali. Mill-bidu ta' Settembru 1998 kien hemm 16-il għaqda li bbenefikaw minn għotjiet. Ħdax minn dawn l-għotjiet kienu ġew approvati qabel il-5 ta' Settembru 1998 u kienu jammontaw għal Lm16,000. Il-ħamsa l-oħra bejniethom ħadu s-somma ta' Lm4840.