Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 2059?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-vot li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant taħt it-titolu "Improvement to Property" - Item 60 huwa maħsub biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż ta' natura rikorrenti għal xogħlijiet in konnessjoni mat-trasferiment tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport mill-Belt għall-Furjana. Barra minn hekk hu maħsub li jintuża fuq xogħlijiet ta' l-istess natura fuq faċilitajiet dipartimentali użati miż-żgħażagħ.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 1324?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li taħt il-Comenius, kienu ħadu sehem, bħala 'silent partners', 2 skejjel sekondarji fil-'Quality in Education Project'.
Bl-għajnuna tal-'British Council', kien sar seminar ta' preparazzjoni għall-iskejjel tal-primarji kollha.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 707, jista'l-Ministru jgħid fiex waslu d-diskussjonijiet bejn is-Socrates Office ta' l-Universita' ta' Malta u s-Socrates Technical And Assistance Office ġewwa Brussels u ma' l-EU DGXXII?
Response (GALEA, LOUIS)
Meta d-diskussjonijiet meħtieġa jitlestew, jingħataw id-dettalji kollha.
Jista' l-Ministru jgħid jekk wara d-diversi laqgħat li saru bejn il-pulizija u sedqa ġiex imħejji xi pjan sabiex tiġi ffaċċjata l-problema ta' adoloxxenti u ż-żgħażagħ li qabdu minn kmieni t-triq tal-kriminalita'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Laqgħat bejn l-Aġenzija Sedqa w l-Pulizija, dwar il-problema ta' adoloxxenti w ż-żagħżagħ li qabdu t-triq tal-kriminalita', għadhom qed jissoktaw, bil-ħsieb li jiġu mnedija inizzjattivi f'dan ir-rigward.
12.1.99
Jista' l-Ministru jgħid min qed jagħmel l-istudju ta' kif għandha tkun l-aħjar struttura li tista' tmexxi u tikkordina politika u attivitajiet taż-żgħażagħ? Fiex wasal dan l-istudju? Saru jew se jsiru xi konsultazzjonijiet? Jekk iva, ma' min?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ qiegħed jagħmel l-aħħar xogħol sabiex jinġabar feedback fuq il-Politika Nazzjonali għaż-Żgħażagħ bil-ħsieb li fix-xhur li ġejjin issir Konferenza Nazzjonali dwar l-istess politika.
Fl-istess ħin l-abbozz ingħata lis-Sur Anthony Azzopardi, Kordinatur ta' l-Istudji taż-Żgħażagħ fl-Universita' ta' Malta, sabiex flimkien ma' persuni gradwati fil-Youth & Communications Studies, jagħmlu rapport fuq l-istess abbozz.
Saru diskussjonijiet mas-Sur Azzopardi sabiex jiġu mistħarrġa strutturi li jikkordinaw din il-politika.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament ma ġiex mibgħut bħala welder trainee l-Malta Drydocks?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-aħħar lista ta' "trainee welders" li ntbagħtet mill-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ lill-Malta Drydocks kien fit-2 ta' Settembru 1998.
Il-persuna msemmija bdiet tirreġistra fl-10 ta' Settembru 1998 bħala "Electronics" u "Telecom Technician".
11.1.99
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 2466, jista' l-Ministru jgħid kemm qed iħallas anzjan li jgħix fid-dar ta' l-anzjani fiż-Żejtun?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Anzjan fid-Dar taż-Żejtun qed iħallas bħal kull anzjan ieħor fid-djar tal-Anzjani l-oħra tal-Gvern jiġifieri 60% tad-dħul tiegħu basta ma jeċċediex Lm4.00 kuljum.
11.1.99
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1730, jista' l-Ministru jgħid dawn il-persuni li għandhom employment licence x'tip ta' xogħol qed jagħmlu?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru 621 f'Seduta 20, Nru 2585 f'Seduta 34 u Nru 2869 f'din l-istess Seduta.
11.01.99
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1734, jista'l-Ministru jgħid għalfejn il-bini eżistenti, ex-Deutschwelle, il-Gvern mhux qiegħed jikkonsidra sabiex dan jagħmel parti wkoll mill-park nazzjonali ta' Delimara? Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet għal dan il-park nazzjonali?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Dwar il-bini ta' l-ex-Deutshcwelle, saret talba biex dan jinbidel għal użu residenzjali. F'dan l-istadju, t-talba għandha tiġi kkunsidrata mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Sadanittant, fuq is-sit kollu tal-Park f'Delimara hemm Master Plan u qed nidentifikaw passaġġi biex jinħolqu mixjiet fil-kampanja li anke' jgħaqqdu mill-inħawi tal-Bajja ta' San Tumas sa dawk ta' Marsaxlokk.
Jista'l-Ministru jgħid meta informazzjoni hi meqjusa ta' natura kummerċjali? Jista' jgħid ukoll liema huma dawk il-kumpanniji li huma responsabbilta' tal-ministeru tiegħu li jaqgħu taħt din il-kategorija?
Response (BONNICI, JOSEF)
Kull każ jitqies fuq il-mertu tiegħu u għaldaqstant huwa diffiċli biex tagħmel regoli ġenerali.
Madankollu, wieħed jista` jgħid illi nformazzjoni hija ta` natura kummerċjali meta din tkun relatata ma` transazzjonijiet strettament kummerċjali ta` xi korporazzjoni pubblika jew ta` xi ażjenda ta` l-Istat, jew li tinvolvi l-iżvelar ta` nformazzjoni kummerċjali illi l-Istat tkun ottjena kunfidenzjalment jew taħt obbligu li ma jiżvelahiex. Tista` tkun ukoll informazzjoni li l-iżvelar tagħha jkun inġustament jippreġudika l-interessi kummerċjali ta` terzi.
Mhux il-każ li tgħid li hemm xi entita illi l-informazjoni mitluba dwarha ma` tista` tiġi żvelata qatt. Jiddependi x`informazzjoni tkun qed tintalab.
Jista' l-Ministru jgħid min kienu dawk li ġew impjegati fis-Support Unit għall-koperattivi bejn l-1992 u l-1996? Jista' l-Ministru jgħid jekk f'dawn l-impjiegi kienx hemm sejħa pubblika u fil-każ li, iva meta u kif saret din is-sejħa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta hija kif ġejja:
IMPJEGAT/A SEJĦA GRAD
Alphonse Żammit Lulju 1994 Project Leader
Emanuel Zahra Ġunju 1995 Project Leader
Marcelle Azzopardi Ġunju 1996 Clerk
Michael Fenech Marzu 1996 Project Leader
F'dawn il-każijiet kollha, saru sejħiet pubbliċi fil-gażżetti ta' kuljum u nżammu ntervisti ma' l-applikanti kollha.
17.12.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħata għajnuna finanzjarja l-Kumitat Olimpiku Malti f'dawn l-aħħar erba' snin? Kemm hu maħsub li jingħata s-sena d-dieħla?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli, ser ikolli nwieġeb f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-commitments li diġa' jeżistu kif ukoll xi proġetti kapitali oħra qed ikunu ppjanati u dan b'riferenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 2092 mogħtija f'Seduta Numru 21?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-proġetti kapitali li hemm committed mill-Vot 13 tad-Dipartiment ta' l-Isport jinkludu xogħlijiet fuq il-canopy ta'l-Istadium Nazzjonali f'Ta' Qali, bini ta' dressing rooms fil-Lyceum ta' Kordin, Pitch tal-boċċi f'Bormla, xiri u installazzjoni ta' laboratory equipment għall-Kumitat Olimpiku Malti. In-nefqa se tkopri wkoll xogħol preliminari konness mal-bini tat-tlett ċentri sportivi.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 2091, jista' l-Ministru jgħid x'diffikulta' qed isib li jinforma lill-Kamra kemm qed jitħallsu l-konsulenti, kemm dawk full-time kif ukoll dawk part-time? F'każ li ma għandu l-ebda diffikulta', jista' jagħti l-figura ta' kemm qed jitħallsu?
Response (GALEA, LOUIS)
S'issa m'hemm ebda konsulent li qed jitħallas.
B'effett mill-1 ta' Ottubru 1998 tlabt lis-Sur Richard Muscat jaġixxi ta' Konsulent fi ħdan il-Ministeru fuq materji li għandhom x'jaqsmu ma' kultura u lil Dr. Simon Busuttil LL.D. biex jagħti pariri fuq kwestjonijiet konnessi mal-programmi tal-U.E. fil-kamp edukattiv. Qed jiġu proposti l-kundizzjonijiet normali fuq bażi ta' kuntratt għal dan ix-xogħol u li jridu jiġu approvati mill-Management and Personnel Office fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Meta dan jiġi definit inkun nista ninforma 'l Kamra. Barra minn hekk nikkonsulta ma' diversi persuni oħra skond il-bżonn.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm flus ivvotati fil-budget dwar il-wegħda elettorali tal-Partit Nazzjonalista Nru. 170?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qed isiru l-analiżi neċessarji biex jiġu stabbiliti l-parametri li fihom irid jopera dan il-unit meta jitwaqqaf. Dan ser isir minn riżorsi finanzjarji u tekniċi eżistenti fid-Dipartiment tas-Saħħa. Fondi speċifiċi jiġu allokati aktar tard.
Jista' l-Ministru jgħid kemm iltaqgħu ma' għaqdiet sportivi taż-żgħażagħ u volontarji, hu jew is-segretarju parlamentari jew it-tnejn flimkien?
Jista' l-Ministru jgħid min kienu dawn l-għaqdiet jew organizzazzjonijiet, meta ltaqgħu magħhom u x'kien is-suġġett diskuss?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex tinġabar l-informazzjoni, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu talbiet għal għajnuna għal inizjattivi minn Għaqdiet taż-Żagħżagħ issa li l-applikazzjoni għalqet fit-30 ta' Novembru, 1998? Kemm hemm flus ivvotati għal dawn it-talbiet? Min huma l-għaqdiet li applikaw, x'inhu l-proġett jew l-attivita' tagħhom u kemm hi s-somma li ġiet mitluba?
Min se jiddeċiedi dwar kif se jingħataw dawn il-fondi?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex tinġabar l-informazzjoni, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti, kemm dawk full-time kif ukoll dawk part-time fil-Ministeru tiegħu, inkluż fis-segretarjat? Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm qed jitħallsu?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub diġa' ingħata fi tweġibiet għal Mistoqsijiet Parlamentari preċedenti.