Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus taħt Item 4185 - Programmes and Initiatives - sa l-aħħar ta' Jannar? Jista' l-Ministru jgħid fiex intnefqu dawn il-flus?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sa l-aħħar ta' Jannar 1999 intnefqu Lm9944 mill-Item 4185 - Programmes and Initiatives tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport. Dan l-ammont huwa mqassam hekk:
Għotjiet - Lm6,600
Akkomodazzjoni Le Meridien Phoenician - Lm1,800
(Żjara ta' delegazzjoni Ċiniża)
Kiri ta' P.A. System - Lm 20*
Proviżjoni u tqegħid ta' Foam Board - Lm 58*
Avviżi - Lm 691
Beverages - Lm 36*
Riċeviment - Lm 220*
Kiri ta' Courtyard - Teatru Manoel - Lm 176*
Sundry Materials - Lm 339
Photoprints - Lm 4*
*Din in-nefqa saret in konnessjoni ma' l-Youth Exchange Exhibition.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 4176?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-permess meħtieġ kien ingħata snin twal ilu taħt l-Ordinanza dwar l-Imħatri fit-Tiġrijiet taż-Żwiemel. Baqa' jiġġedded regolament b'mod awtomatiku kull sena meta l-Malta Racing Club kien jimla formola hekk kif jimlew il-Każini normali: madwar għoxrin sena ilu l-Pulizija informat il-Club li ma kienx meħtieġ jibqa' jimla l-formola imsemmija minħabba li ma kienx "Club" b'lista ta' membri. L-awtoritajiet baqgħu jirrikonoxxu l-funzjonijiet tal-Malta Racing Club kif dejjem ġew imwettqa. L-approvazzjoni għall-imħatri li keinet ingħatat oriġinarjament fil-bidu tas-seħħ tal-liġi in kwistjoni qatt ma ġiet irtirata u l-operazzjonijiet tat-tiġrijiet taż-żwiemel baqgħu jiġu sviluppati a' bażi ta' din l-approvazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jkun l-użu tal-kamra li tinsab fil-korsa tal-Marsa, li tagħti għal Racecourse Street, Marsa, quddiem London Yard, li kienet qed tinbena b'mod illegali u li dwarha nħareġ enforcement notice mill-Planning Authority (ECF 23/99)?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol ta' kostruzzjoni fuq din il-kamra ġie miżmum. Dettalji jingħataw meta dwar l-użu tagħha jinħareġ il-permess meħtieġ mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Marsa Racing Club staqsewx lil stazzjonijiet oħra dwar ix-xandir tat-tlugħ tal-poloz tal-final tal-President's Cup?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mhijiex il-Policy tal-Kumitat tal-Malta Racing Club li javviċina lil stazzjonijiet televiżivi biex jara jekk humiex interessati fit-tlugħ tal-poloz tal-final tal-President's Cup. Madankollu l-Kumitat dejjem lest li jikkonsidra t-talbiet kollha li jsirulu jekk ikun il-każ.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3715, jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet hemm ippjanati li jsiru fiż-Żejtun, Ħaż-Żabbar u Wied il-Għajn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn-naħa tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar hemm ippjanati dawn il-proġetti għas-snin li ġejjin.
Żejtun Tlestija tal-proġett ta' ġnien pubbliku f'Ta Ganza H.E.
Żabbar Bini ta' 8 maisonettes u 8 garages f'Blokk P, Żabbar H.E.
Wied il-Għajn Żvilupp ta' ġnien pubbliku/landscaping f'Taż-Żonqor HOS.
15.2.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq Minzel, fiż-Żejtun imsemmija f'mistoqsija parlamentari numru 3943, hux l-istess waħda msemmija f'mistoqsija parlamentari numru 4376?
Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid jekk din it-triq hijiex se tispiċċa jew le kif intqal fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 3943?
Jista' l-Ministru jpoġġi site plan ta' fejn tinsab din it-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li Triq Minzel li sar aċċess għalijha f`Mistoqsija Parlamentari Nru. 3943, hija passaġġ qadim li kien iservi bħala aċċess għall-għelieqi qabel ma beda tiela l-bini. Skond l-iskema ta` l-iżvilupp, dan il-passaġġ irid jispiċċa.
Triq il-Minzel msemmija f`Mistoqsija Parlamentari Nru. 4376, hija t-triq li għad trid tinbena skond il-pjan tal-lokalita ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar.
Kopja tas-`site plan` ser titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb l-aħħar parti tal-mistoqsija parlamentari numru 3922 imwieġba f'Seduta Nru. 58?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ membri tal-Forzi Armati li jaqgħu taħt il-kategoriji ta’ etajiet mitluba skond ir-rank tagħhom huwa mqassam kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Minsitru jgħid fiex waslu l-pjanijiet ta' rmiġġi li kienet qed tħejji l-Awtorita' Marittima għall-inħawi ta' Wied il-Għajn?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-pjan ta` l-irmiġġi ta` Wied il-Għajn ilu jiġi diskuss u tlestew il-pjanti bbażati fuq applikazzjonijiet li jmorru lura għas-sena 1994.
Dan il-proġett ma setax jiġi mplementat qabel, minħabba t-tul tad-diskussjonijiet mal-Għaqda tal-Baħħara u Sajjieda tal-lokal. Illum jidher li dan il-proġett għandu bżonn ta` studju dettaljat rigward is-sitwazzjoni attwali f`din il-Bajja sabiex wieħed jara jistgħux jintlaqgħu aktar talbiet minn dawk li kienu daħlu sal-1994.
Ta` min jgħid ukoll li riċentament sar eżerċizzju u ġew identifikati dawk id-dgħajjes li jorbtu fuq il-ħoloq mal-mollijiet li jdawwru din il-Bajja.
B'riferenza għall-aħħar parti tat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari numru 3833, jista' l-Ministru jgħid jekk l-għoli fil-prezz tas-servizz tal-Melita Cable TV hux ġustifikat jew le? Peress li s-servizz għola wara l-1 ta' Jannar, 1999, jikkonferma l-Ministru li dan l-għoli sar minħabba t-taxxa tal-VAT?
Response (DALLI, JOHN)
M`għandi xejn x`inżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 3833.
Jista' l-Ministru jitlob lill-Korporazzjoni Enemalta biex titneħħa lampa li hemm fuq store K ex-Bruno Stores, Kalkara u titwaħħal floodlight bħal m'hemm ħdejn ir-Regatta Club, biex l-area li hija suġġetta għal xi atti vandali tkun imdawla aħjar u jitnaqqas ir-riskju ta' xi att vandalu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li għalkemm jidher li l-provvista ta' dawl li hemm bħalissa hija adegwata, t-talba ta' l-onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar il-bini bla permess ta' kamra li tinsab fil-korsa tal-Marsa u li tagħti ġo Racecourse Street, Marsa quddiem London Yard?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li appena s-Sezzjoni ta' l-Infurzar ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar saret taf bl-iżvilupp in kwestjoni, inħareġ Stop and Enforcement Notice (ECF 23/99) fil-15 ta' Jannar, 1999, liema Avviż ġie servut direttament lil persuna nkarigata minn dan ix-xogħol. Sussegwentement, l-istess persuna ssottomettiet applikazzjoni (PA 356/99) sabiex tissanzjona dan l-iżvilupp.
Is-Sezzjoni ta' l-Infurzar dwar l-Ippjanar ser tibqa' ssegwi l-każ sakemm jiġi eżawrit il-proċess kollu skond il-Liġi.
08.02.99
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4078, jista' l-Ministru jgħid jekk il-fatt li ma kienx hemm karta ta'l-eżami, jista' ikun hemm xi abbuż, aktar u aktar wara li ħareġ ir-rapport dwar il-Matsec fejn ġie suġġerit titjib?
Min kien responsabbli għal dan il-kors u allura għal dan it-test?
X'passi ttieħdu sabiex ħaġa bħal din ma terġax tiġri u jekk hux se jkun hemm konsegwenzi għal min għamel dan it-test?
Response (GALEA, LOUIS)
Naħseb li l-Onor. Membru jaf li l-lecturer responsabbli għal dan l-unita' ta' studju, u allura għal dan it-test, kien ir-Reverendu George Deguara. filwaqt li ma nistax nifhem x'abbuż jista' jimmaġina l-Onor. Interpellant, ir-rapport dwar il-Matsec m'għandu l-ebda rilevanza għal dan il-każ. Nerġa nirreferi għar-risposta li tajt għall-mistoqsija Nru 4078. Fil-każ ta' test l-Universita' issostni li m' hemm xejn straordinarju li lecturer jiddetta l-mistoqsija. Għalhekk jien infurmat li la ttieħdu passi u lanqas ma hemm il-ħsieb li jittieħdu passi sabiex ħaġa bħal din ma terġax tiġri, anzi mhux eskluż li darb'oħra xi test ieħor jingħata bl-istess mod. Dan peress li la hemm regolament li jipprojbixxi li dan isir u lanqas ma hemm lok li jkun hemm xi regolament jew provvediment ieħor li jipprojbixxi lil lecturer li jiddetta mistoqsija ta' test.
Jista' l-Ministru jikkonferma li t-tlugħ tal-poloz tal-final tal-President's Cup li se ssir fl-14 ta' Frar, 1999 fil-Marsa Race Course, se jitilgħu fuq l-istazzjoni televiżi tal-PN?
Fuq liema kriterju ġie magħżul dan l-istazzjon u min kien responsabbli għal din id-deċiżjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Marsa Racing Club iddeċieda li jagħti d-dritt tat-tlugħ tal-poloz tal-final tal-President's Cup lin-NET TV minħabba li dan hu l-uniku stazzjon televiżiv li qiegħed jagħti trasmissjonijiet diretti tal-programmi tat-tiġrijiet. Informat ukoll li dan kien l-uniku stazzjon li għamel talba biex ixandar dawn il-poloz diretti.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3632, jista' l-Ministru jgħid min qed jagħmel dan l-eżerċizzju?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll x'inhuma l-miri ta' dan l-eżerċizzju?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-eżerċizzju li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant qed isir mill-Kabinet. Huwa l-għan ta' dan l-eżerċizzju li r-remunerazzjoni taċ-Chairman tkun relatata mar-responsabbiltajiet li tali karigi jesiġu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li jiswew il-ħsarat li hemm fil-Pixxina Nazzjonali f'Tal-Qroqq?
Response (GALEA, LOUIS)
Naħseb li l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-ħsarat li hemm fil-madum tal-pixxina. Infurmat li din il-ħsara ġiet irranġata mill-kuntrattur oriġinali u għadu ma sar ebda ħlas għaliex għad trid issir evalwazzjoni tar-responsabbilta' għall-ħsarat wara li jiġi mistħarreġ ir-rapport mibgħut mill-konsulenti maħtura għal dan il-għan.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li jinsabu fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin li huma taħt it-30 sena? Kemm minnhom huma Maltin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fit-28 ta' Jannar, 1999, in-numru ta' priġunieri taħt it-30 sena li kienu jinsabu fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin kien ta' 121, li minnhom, 91 kienu Maltin.
02.02.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' stqaff li jaħdmu fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin?
Jista' jagħti din l-informazzjoni skond il-grad jew ix-xogħol tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' l-istaff li preżentement jaħdem fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin hu ta' 216 u huma mqassma kif ġej : -
GRAD NUMRU
---- -----
Direttur 1
Prinċipal 1
Clerks 3
Psikoloġista 1
Uffiċjal Mediku 1
Assistant Managers 3
Correctional Supervisors 4
Senior Correctional Officers 10
Correctional Officers 158
Registered Social Workers I 3
Teachers 2
Sorijiet 2
Patri 1
General Hand 1
Surġenti tal-Pulizija 4
Pulizija 21
TOTAL 216
02.02.99