Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-preparamenti tal-kumitat imwaqqaf apposta fuq l-istipendji?
Meta hemm il-ħsieb li tiġi onorata l-wegħda elettorali li jingħataw stipendji sħaħ?
Kemm saru laqgħat bejn il-Ministru jew uffiċjali oħrajn tal-Ministeru jew tad-Dipartiment mal-KSU u meta saru?
Saru laqgħat bejn il-kumitat li twaqqaf dwar l-istipendji u l-KSU? Jekk iva, meta saru?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kummissjoni "Students Stipend Scheme Commission" waslet fil-parti finali tad-deliberazzjonijiet fuq l-istħarriġ li għamlet, skond it-termini li kienet ġiet mogħtija u li ġew ippubblikati. Laqgħat ma' l-istudenti saru kemm kien hemm bżonn u kull meta talbu.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet it-tħejjija fuq il-Politika Nazzjonali għaż-Żgħażagħ?
Jista' l-Ministru jgħid jekk tlestiex ir-rapport li l-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, flimkien ma' oħrajn, kellu jagħmel? Jekk iva, jista' l-Ministru jpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?
Jista' jagħti dettalji dwar strutturi ġodda sabiex jikkordinaw din il-politika, frott tad-diskussjonijiet li saru ma' l-istess persuna msemmija aktar 'il fuq?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li diġa' saru 3 sessjonijiet bejn is-Segretarju Parlamentari, rappreżentanti tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport u tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, u d-Direttur tal-Youth Programme ta' l-Universita' ta' Malta, is-Sur Anthony Azzopardi.
Il-persuna indikata mill-Onor. Interpellant ma ssottomettiex rapport iżda rakkomandazzjonijiet u emendi/emenda għall-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ wara diskussjonijiet li kellu ma' membri oħra tad-Dipartiment tiegħu. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet qed jiġu diskussi waqt il-laqgħat li qegħdin isiru biex tiġi finalizzata t-tħejjija tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ. Għadu kmieni biex jingħataw dettalji dwar strutturi ġodda sabiex jikkordinaw din il-politika.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jkun l-użu tal-kamra li tinsab fil-korsa tal-Marsa, li tagħti għal Racecourse Street, Marsa quddiem London Yard skond l-applikazzjoni pendenti quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Response (BORG, TONIO)
Jien infurmat li l-applikazzjoni li aktarx qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hija PA 356/99. Din hija sabiex tissanzjona estensjoni ta' kamra ma' bar eżistenti. Skond l-informazzjoni mogħtija mill-perit ta' l-applikant fil-formola ta' l-applikazzjoni, din il-kamra ser tintuża bħala uffiċċju. Din it-talba qiegħda tiġi analizzata.
01.03.99
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Avviż Legali numru 179 ta' l-1995 u l-emendi li saru f'dan l-avviż legali? Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartimenti konċernati humiex qed jimxu ma' dan l-avviż legali? Hemm avviżi legali oħra li huma marbuta ma' l-isport? Jekk iva, jista' jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, JOHN)
L-Avviż Legali Numru 179 u l-emendi relatati għalih diġa ġew imqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra.
It-tweġiba għat-tieni parti tal-mistoqsija hi fl-affermattiv. L-allokazzjoni ta`fondi ssir b`konsultazjoni mal-Ministeru responsabbli mill-Isports.
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra verżjoni emendata tal-avviż legali numru 2 tal-1990 li għandu x`jaqsam ukoll ma` allokazjoni ta` fondi għall-isports mill-lotterija Super 5.
Jista' l-Ministru jgħid kif l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tħares lejn ix-Xagħra tal-Furjana fejn hemm diversi faċilitajiet sportivi?
Xi pjanijiet għandha l-awtorita' fuq dan il-post?
Response (BORG, TONIO)
Din l-area taqa' fil-konfini tal-Pjan Lokali għall-Port il-Kbir, liema Pjan preżentament qiegħed jiġi evalwat mill-Gvern.
01.03.99
B'riferenza għas-sejħa għall-skrivani part-time għall-erba' skejjel li saret dan l-aħħar, jista' l-Ministru jgħid meta tidħol applikazzjoni kellhiex tingħata riċevuta bħala acknowledgement?
Jekk iva, għalfejn fl-iskola tal-Kalkara ma ġietx osservata din il-prassi?
Jista' l-Ministru jgħid jekk photocopy tal-kondotta tal-pulizija kienx biżżejjed, minħabba li kien hemm skejjel li talbu ċertifikat oriġinali meta l-pulizija ċertifikat oriġinal wieħed joħorġu?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba għadha ma waslitlix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal lukandi ġodda, extensions u upgrading ta' lukandi eżistenti?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm kull kategorija mistennija li jkollhom sodod?
Response (BORG, TONIO)
Tweġiba għall-ewwel parti ta' din il-Mistoqsija diġa' ngħatat f'Seduta 54 tal-21 ta' Jannar, 1999.
Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li, skond il-proposti li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għandha quddiemha, in-numru ta' sodod f'lukandi ġodda hu 2,588 u dawk f'estensjonijiet għall-lukandi eżistenti hu 1,490.
Peress illi 2 mill-41 applikazzjoni li hemm pendenti quddiem l-Awtorita', huma outline, għad mhux possibli li jingħata tagħrif dwarhom.
24.02.99
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 3526?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Konferenza u n-National Workshops, 11-15 Jannar li saru fil-Lukanda Meridien Phoenicia swew:
1. Kiri ta' swali, faċilitajiet u ikel: Lukanda Meridien
Phoenicia
a. Workshops 1 & 2 Parteċipanti 23
b. Workshops 3 & 4 Parteċipanti 20
c. Workshop 5 Parteċipanti 19
d. Konferneza Nazzjonali Parteċipanti 99
2. Kiri ta' apparat ta' PA, Interpretazzjoni u Projection
(5 ijiem)
3. Interpreti
4. Folders/Dokumentazzjoni u Back Board
5. Ħlasijiet lill-Esperti Maltin
6. Spejjeż Oħrajn
Total 1 - 6 Lm4,345.82
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus mill-Item 4349 - EU Programmes sa l-aħħar ta' Jannar u fiex intnefqu?
Fiex waslu t-taħdidiet dwar dawn l-istess programmi ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sa l-aħħar ta' Jannar 1999 għadhom ma ntefqux flus mill-Item 4349 - E.U. Programmes.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-analisi neċessarji sabiex jiġu stabiliti l-parametri li fihom irid jopera l-unit li wegħda elettorali tal-PN Nru. 170 tagħmel riferenza għalih?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Minkejja li għadhom għaddew biss ħames xhur mill-ħames snin mandat li għandu dan il-Gvern, diġa saret laqgħa għolja fid-Diviżjoni biex jiġu stabbiliti prioritajiet, parametri u 'time frames' għat-twettiq tal-punti kollha fil-Programm Elettorali li jirrigwardaw din id-Diviżjoni.
Dwar punt 170 tal-Programm Elettorali ġa bdew il-proċeduri biex jiġi ngaġġat Venerioloġista, liema talba kienet ġiet rifjutata mill-Kabinett preċedenti. Id-Dipartiment se joħroġ ukoll applikazzjoni biex persuna tmur issegwi kors speċjalizzat ta' tlett snin, fl-Ingilterra.
Dan hu l-mod kif isir ippjanar serju.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li d-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport ikunu trasferiti għall-uffiċini ħdejn is-Segretarjat fil-Furjana?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-trasferiment ta' l-uffiċini tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport għall-Furjana sar bejn l-aħħar ta' Diċembru 1998 u l-bidu ta' Jannar 1999.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus taħt l-Item 60 - Improvement to property sa l-aħħar ta' Jannar u fiex intnefqu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-nefqa mill-Item 60 - Improvements to Property tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport sa l-aħħar ta' Jannar 1999 kienet ta' Lm19.47. Din in-nefqa saret biex inxtraw 15-il litru żebgħa.
B'riferenza għal dak li nsibu f'paġna 30 tar-rapport ta' l-ETC għas-sena li għaddiet, jista' l-Ministru jgħid kemm ilhom ifittxu xogħol skond l-age groups differenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B'referenza għal dak li nsibu f'pagna 30 tar-rapport ta' l-ETC, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella ta' kemm nies ilhom ifittxu xogħol skond l-eta' għal Settembru 1998.
23.2.99
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li konkors organizzat fuq skala nazzjonali, dak ta' l-Isportivi tas-Sena, ma ntweriex fuq l-istazzjon nazzjonali? Min ħa din id-deċiżjoni u fuq liema bażi? Kien hemm stazzjonijiet oħra interessati minbarra l-istazzjon tal-PN?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kumitat Organizattiv xtaq li, per prinċipju, jkun l-istazzjon televiżiv ta' l-istat li jxandar l-Għażliet. Iżda, għat-tieni sena konsekuttiva, minħabba talba għall-ħlas mill-P.B.S. Ltd, il-Kumitat kien kostrett li jirrikorri għall-istazzjonijiet privati għat-trasmissjoni diretta tal-Finali.
Wara laqgħa li saret ma' uffiċjali tal-P.B.S. Ltd, il-Kumitat Organizattiv ġie magħrraf li l-ħlas li kien se jiġi mitlub għall-kiri ta' OB Unit (3 cameras u crew) u Lights & Sound kien ta' Lm2000 u Lm5 għal kull siegħa overtime.
Fit-8 ta' Novembru 1998 intbagħtet ittra lid-direzzjoni ta' Net TV, Super 1 TV u Smash TV. Net TV irrisponda fil-15 ta' Nivembru 1998 li kien interessat u talab li ssir laqgħa dwar is-suġġett. Super 1 TV ikkuntattjaw verbalment lil xi uffiċjali tal-Kumitat Organizattiv u ġie mitlub jibgħat fax iżda l-Kumitat baqa' mingħajr risposta. Smash TV ma bgħat ebda risposta.
Fit-3 ta' Jannar 1999, uffiċjali mill-Kumitat Organizattiv iltaqgħu mad-direzzjoni ta' Net TV li minn naħa tagħhom offrew koperazzjoni sħiħa mingħajr kumpens finanzjarju għat-trasmissjoni finali.
Peress li l-offerta ta' Net TV kienet l-aktar waħda vantaġġjuża, ġie deċiż li jingħata l-esklussivita' għax-xandira tal-Finali. Dan tħabbar uffiċjalment waqt Press Conference li saret fit-12 ta' Jannar 1999.
Ta' min jgħid ukoll li Net TV offra li jkun co-sponsor fis-sens li ħallas għall-kiri tas-sistema tad-dawl, l-allestiment tal-palk u l-kiri ta' multi-video screen system, ħlasijiet li jammontaw għal madwar Lm1,000.
Peress li skond ma ġie rapportat fit-12 ta' Frar, 1999 fin-Nazzjon, responsabbiltajiet tad-dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali se jiġu taħt l-Awtorita' tad-Djar, jista' l-Ministru jgħid liema huma dawn ir-responsabbiltajiet u x'inhu l-ħsieb tal-gvern? Jista' jgħid ukoll x'se jiġri mill-ħaddiema tad-dipartiment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-ħtieġa li l-funzjonijiet li preżentement iwettqu l-Awtorita' tad-Djar, d-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali u d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar jitwettqu b'mod aktar integrat ilha tinħass u fil-fatt xi żmien ilu kien tħejja rapport dwar dan is-suġġett mill-"Management Efficiency Unit" ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Għadu prematur, iżda, li tingħata l-informazzjoni speċifika mitluba mill-Onor. Membru.
23.2.99
B'riferenza għal dak li qal il-Ministru dwar li ntlaħaq ftehim ma' l-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne', jista' l-Ministru jgħid: (1) min huma l-għaqdiet membri ta' l-Assoċjazzjoni? (2) Min huma l-persuni li jitkellmu f'isem din l-Assoċjazzjoni? (3) Xi ftehim intlaħaq ma' l-Assoċjazzjoni u bejn min? (4) Min huma dawk l-għaqdiet li jużaw premises ġewwa Tigne'? (5) X'se jiġri minn dawn l-għaqdiet li hemm f'Tigne'?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni mitluba tkun tista' tinġabar wara l-iffirmar tal-ftehim kollu fuq Manoel Island u Tigne'.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm suldati fil-Forzi Armati li fil-passat kienu jagħmlu parti mill-kap tal-pijunieri u f'liema gradi jinsabu?
Jista' jgħid ukoll jekk iż-żmien li dawn is-suldati għamlu mal-Korp tal-pijunieri jgħoddx maż-żmien li ilhom fil-Forzi Armati?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-għadd u l-grad ta' dawk is-suldati tal-
Forzi Armati li fl-imgħoddi kienu jagħmlu parti mill-Korp
tal-Pijunieri hu kif muri hawn taħt:
Kurunell
2
Tenent Kurunell
1
Maġġur
1
Logutenent
2
Warrant Officer 1
1
Warrant Officer 2
5
Staff Sergeant
6
Surġent
15
Bumbardier
15
Lance Bombardier
14
Gunner
1
TOTAL
63
Fir-rigward ta' pensjonijiet, iż-żmien li dawn is-suldati
għamlu fil-Korp tal-Pijunieri ma jgħoddx maż-żmien li ilhom
iservu fil-Forzi Armati.