Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li ismu qed jintbagħat separatament hux qed jirreġistra filwaqt li qed jaħdem ukoll?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Skond "records" tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ il-persuna ndikata attwalment qed taħdem ma kumpanija privata. Fl-istess ħin qed tirreġistra wkoll fuq it-Tielet Parti tar-Reġistru. Din il-parti hi riservata għal dawk il-persuni li jkunu qiegħdin haħdmu bi qliegħ u jkunu qiegħdin jfittxu impjieg alternattiv.
22.3.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk ingħatatx xi forma ta' għajnuna finanzjarja mill-ministeru, dipartiment jew korporazzjoni li jinsabu fid-dekasteru tiegħu, lil promoturi li organizzaw iż-żjara tal-Juventus f'Malta?
Jekk iva, minn min u kemm?
Kif ittieħdet id-deċiżjoni u fuq liema bażi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tlett azjendi u cioe` il-Maltacom, il-Mid-Med Bank u l-MIA ikkontribwew bejniethom is-somma ta' Lm25,000 lill-promoturi li organizzaw iż-żjara ta' dan it-tim f'Malta. Min-naħa tagħhom l-Air Malta ikkontribwiet billi pprovdiet is-servizzi.
In kontrokambju, l-azjendi msemmija ħadu pubbliċita` fil-filmat dwar Malta li xxandar fl-intervall tal-logħba u reklami fuq il-boards ta' madwar l-istadium.
Id-deċiżjoni li dawn l-entitajiet jipparteċipaw ittieħdet fuq il-bażi kummerċjali li l-azjendi msemmija dejjem ikkontribwew f'avvenimenti simili fil-passat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartiment tas-saħħa jew il-ministeru rċevewx ilmenti dwar abbużi li qed isiru fejn hemm l-inċineratur li jintuża mill-Air Malta Cargo Division fl-Ajruport ta' Malta? Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fin-nuqqas ta' aktar dettalji, nitlob l-Onor. Interpellant biex ikun iktar speċifiku dwar l-abbuż li qed jallega li qed isir.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi abbuż fiż-żona fejn hemm l-inċineratur, li suppost jintuża sabiex materjal ta' l-ikel ta' fuq l-ajruplani jinħaraq, liema abbuż huwa ta' periklu għas-saħħa?
Jaf il-Ministru li fi żmien Gvern Laburista, l-Ministeru għall-Ambjent kien qabbad konsulenti dwar waste management li fost ħwejjeġ oħra jagħmlu riferenza għall-periklu li dan l-inċineratur qed joħloq?
Response (BONNICI, JOSEF)
Wara deċiżjoni tal-kabinett, f`Lulju 1998, l-Environmental Management Unit ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar, qabbdet lil Aspinwall & Co. Ltd tar-Renju Unit bħala konsulenti, biex jagħmlu studju li ġie msejjaħ ~Waste Management Subject Plan for the Maltese Islands~.
Dan l-istudju ġie iffinanzjat mill-Ministeri tas-Saħħa, Xogħolijiet Pubbliċi u Agrikultura u Trasport. Ta` min jgħid li l-MIA plc ħarġet ħamsa u għoxrin fil-mija, jiġifieri s-somma ta` Lm9,000 ta` l-ispejjeż tal-konsulenza. Dan sar minkejja l-fatt li l-MIA plc għadha mhix responsabbli għall-immaniġġjar tal-iskart mill-ajruplani.
Dan l-istudju beda fl-1 ta` Awissu 1998 u l-aħħar draft report mistenni jiġi ppreżentat sa l-aħħar ta` Mejju 1999, biex iservi ta` bażi biex jittieħdu deċiżjonijiet. L-ewwel draft report kien ġie ppreżentat f` Settembru 1998. F`dan id-draft report saret referenza għan-nuqqasijiet preżenti, iżda ma jsemmix periklu jew abbużi.
Ta` min jgħid li jekk l-MIA tkun taf li qegħdin isiru xi abbużi, din tieħu l-passi neċessarji biex dawn jieqfu.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li wara bosta xhur il-passes tal-personnel u tal-karozzi fiż-żoni ristretti ta' l-ajruport ta' Ħal Luqa/Gudja, għandhom l-istess passes ta' qabel li kienu validi sa' l-aħħar ta' Diċembru 1998?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-passes tal-personnel biex ikollhom aċċess fiż-żona ristretta tal-ajruport Luqa/Gudja huma validi sa' l-aħħar ta' Diċembru 2000.
Ninsab infurmat ukoll li l-passes tal-vetturi, li skadew f'Diċembru li għadda, għad ma ġewx mibdula għax id-Dipartiment responsabbli qiegħed fil-proċess iminenti li jibdel is-sistema tal-ħruġ tal-passes għal waħda komputerizzata.
Peress li kull xufier tal-vetturi in kwistjoni għandu pass personali validu sa l-aħħar tas-sena 2000, u għalhekk ma hemm ebda riskju għas-sigurta', il-bdil tal-passes tal-vetturi darbtejn f'qasir żmien ma jkunx ħlief ħela ta' fondi pubbliċi.
23.03.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm tibdil fil-kumitat tal-Malta Racing Club? Jekk iva, min inbidel u għaliex? Jista' jgħid ukoll min huma l-persuni l-ġodda?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-Sur George Fenech li kien ġie maħtur membru fuq il-Kumitat tal-Malta Racing Club irriżenja dan l-aħħar għal raġunijiet personali. Minfloku ġie maħtur is-Sur Francis Catania.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti ta' l-Awdituri ta' l-aħħar ħames snin tal-Malta Racing Club?
Response (GALEA, LOUIS)
Kopja tar-rapport ta' l-Awdituri għas-snin 1994 sa 1997 ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Ir-rapport ta' l-1998 ikun jista' jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra meta jiġi finalizzat.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jingħata s-servizz ta' l-ilma fi Triq ġdida fi Triq in-Nadur, f'Wied il-Għajn?
Jista' l-Ministru jinvestiga jekk il-ħadid li twaħħal mal-faċċati tad-djar fil-post imsemmi hawn fuq, sabiex jipprovdu s-servizz tad-dawl humiex ta' periklu peress li jinsabu fil-baxx? Jista' jinsab mezz alternattiv anqas perikoluż?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma lestiet il-pjanijiet biex dan ix-xogħol isir, iżda minħabba l-ammont sostanzjali ta' proġetti li qed twettaq bħalissa l-Korporazzjoni, l-imsemmi xogħol hu ppjanat għas-sena d-dieħla.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol u għandhom anqas minn 25 sena? X'persentaġġ jirrappreżenta ta' dawk li qed jirreġistraw? Kemm hemm nies li qed jirreġistraw bejn il-25 u t-30 sena? X'persentaġġ jirrapreżentaw ta' dawk li qed jirreġistraw? Kemm hu t-total ta' dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' nies li kienu qegħdin jirreġistraw għax-xogħol sa l-aħħar ta' Jannar 1999 kien ta' 7,528 persuna. Minn dawn hemm 2,199 persuna li għandhom anqas minn 25 sena, jiġifieri 29.2%; u bejn il-25 u 30 sena kien hemm 782 persuna (10.4%).
22.3.99
Jista' l-Ministru jagħti dettalji ta' kemm kienu s-sigħat ta' overtime minn Ottubru 1998 sal-lum tal-persuni kollha li jaħdmu fid-Dipartiment ta' l-Artijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li minn Ottubru 1998, sa Frar 1999, in-numru ta' sigħat overtime li nħadmu minn impjegati tad-Dipartiment ta' l-Artijiet kien ta' 505.
22.03.99
Jista' l-Ministru jgħid xi tkun ir-raġuni li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar idumu ħafna sabiex jagħtu risposta lil xi kunsill lokali u dan anke fid-dawl tat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 5023?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li normalment l-Awtorita' tal-Ippjanar ma ddumx ma tagħti tweġiba.
Għar-rigward tar-referenza magħmula għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5023, ninsab infurmat li l-aħħar korrispondenza dwar il-każ kienet ittra mill-Kunsill bid-data ta' 21 ta' Awissu, 1998, li t-tweġiba għaliha ngħatat fl-1 ta' Settembru, 1998. Mat-tweġiba ntbagħat ukoll kopja tal-permess bil-kundizzjonijiet imposti maħruġ mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar fis-27 ta' Lulju 1998. Il-faċċata ta' Villa De Fremaux m'għandiex titwaqqa'.
15.03.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk iż-żmien ta' l-għeluq tas-sejħa għal skrivani part-time għall-erba' skejjel li saret dan l-aħħar, ġiex imġedded? Jekk iva, x'kienet ir-raġuni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-ingaġġ ta' part-time Clerks kienet tagħlaq fl-24 ta' Frar 1999. Din id-data ġiet estiża sat-Tnejn l-1 ta' Marzu 1999, wara li ġie avżat fil-Gazzetta tal-Gvern, li l-iskola ta' l-Imtarfa oriġinarjament reklamata bħala dik tal-Primarja, kellha filfatt tkun dik tas-Sekondarja tas-subien, Sir Temi Żammit.
Jista' l-Ministru jgħid bħala informazzjoni fiex tinsab l-applikazzjoni numru PA 5111/95?
Veru li l-permess li kien inħarreġ inżamm? Jekk hu hekk, x'inhi r-raġuni li x-xogħol f'dan il-post baqa' sejjer?
X'għamlet l-Awtorita' ta' l-Ippjanar sabiex tiġi osservata l-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni PA 5111/95 kienet ġiet approvata fl-24 ta' Ġunju, 1998 u l-permess inħareġ fis-27 ta' Lulju, 1998. Fil-11 ta' Awissu 1998, l-Awtorita' rċeviet Appeal Against Conditions tal-permess, liema appell għadu pendenti.
Ninsab infurmat ukoll li l-permess maħruġ fl-ebda zmien ma ġie rtirat iżda nħareġ Stop Notice.
L-Awtorita' qegħda tispezzjona s-sit in kwistjoni sabiex tassigura li l-kundizzjonijiet tal-permess jiġu osservati.
15.03.99
Peress li impjegati mal-gvern li huma intitolati għall-pensjoni tat-Teżor malli jagħlqu l-61 sena qed ikollhom jistennew ix-xhur qabel ma tingħatalhom, jista' l-Ministru jindaga x'inhi l-kawża ta' dan id-dewmien?
Jista' l-Ministru jara li ma jkunx hemm iżjed dewmien fl-għoti ta' din il-pensjoni biex b'hekk tiġi evitata tbatija żejda lil dawn il-pensjonanti?
Response (DALLI, JOHN)
Huwa minnu li bħalissa hemm xi xogħol lura fit-Taqsima tal-Pensjonijiet tad-Dipartiment tat-Teżor. Ir-raġuni hija kemm mard fit-tul kif ukoll minħabba nuqqas ta` uffiċjali fit-Taqsima, u minħabba irtirar bil-pensjoni.
Qed isir sforz biex, kemm jista` jkun malajr, ix-xogħol pendenti jitlesta u l-pensjonanti jibdew jirċievu l-pensjoni fi żmien raġjonevoli.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każi rapportati ta' T.B. minn Ottubru, 1998 sal-lum, xahar b'xahar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Ottubru 1998 sa llum kellna disa' (9) każi ta' T.B. Minn dawn sitt(6) każi kienu T.B. Pulmonary u tlett(3) każi kienu T.B. Non-Pulmonary. Xahar b'xahar dawn il-każi kienu mqassmin skond kif ġej:
XAHAR T.B. T.B.
Pulmonary Non-Pulmonary
----------------------------------- ----------------
Ottubru 1998 5 1
Novembru 1998 - 2
Diċembru 1998 1 -
Jannar 1999 - -
Frar 1999 - -
Sa 10 ta' Marzu 1999 - -
------------------------------------------------ --
TOTAL 6 3
----------------------------------------------- ---
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu sabiex il-problema ta' l-evażjoni tat-taxxa tiġi miġġielda?
Response (DALLI, JOHN)
Issa li ġiet imħaddma l-VAT raġa` ġie stabbilit audit trail aħjar milli kien hemm qabel.
Qegħdin jiġu mhejjija tibdil fil-proċessar tat-taxxa tad-Dħul li nisperaw ikunu jistgħu jiġu fis-seħħ min din is-sena.
Fl-istess ħin qed isir pjan ta` re-engineering tad-dipartiment tat-taxxi interni li għandu jimmodernizza din il-funzjoni u jagħtiha aktar kredibilita.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ministeru kif ukoll id-dipartimenti li jaqgħu taħtu jżommux inventarju aġġornat ta' l-affarijiet kollha li wieħed jista' jsib f'dawn il-postijiet imsemmija aktar 'il fuq?
Jista' l-Ministru jagħti ċ-ċifri ta' dawk li qegħdin jirreġistraw miż-Żejtun, Ħaż-Żabbar u Wied il-Għajn għax-xogħol taħt Part 1 u Part 2, xahar b'xahar, minn Settembru sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru.
8.3.99
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4709, jista' l-Prim Ministru jagħti r-raġuni/raġunijiet għaliex iż-żmien li dawn is-suldati għamlu fil-Korp tal-Pijunieri ma jgħoddx fir-rigward ta' pensjoni? Jista' jgħid ukoll liema liġi jew regolamenti qed jikkwota u jpoġġi kopja tas-silta kkwotata fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirrepeti dak li diġa għidt fit-tweġiba għall-Mistoqsija
Numru 4709, jiġifieri li s-servizz li suldati kienu taw fil-
Korp tal-Pijunieri ma jgħoddx bħala servizz fil-Forza
Regolari tal-Forzi Armati għall-fini ta' pensjoni. Dan
skond ir-Regolament Numru 24(2) tar-Regolamenti dwar
Nominazzjonijiet u Kundizzjonijiet tas-Servizz (Forza
Regolari) ta' l-1970 kif emendat b'diversi Avviżi Legali u
kkonfermat mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru dak iż-żmien bl-
ittra OPM/449/75 tas-6 ta' Jannar 1977, li kopja tagħha qed
inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra għall-konvenjenza tal-
Onorevoli Membru.