Jista’ l-Ministru jgħid min qed inaddaf l-uffiċini tal-health inspectors madwar Malta peress li jidher li m’hemmx min inaddaf? Jekk mhux qegħdin ikunu mnaddfa, jista’ jgħid għaliex? Jista’ l-Ministru jgħid min qed inaddaf Cutrico House ġewwa Santa Venera, u kif ġie magħżul? Kemm huwa l-ħlas? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx xi kuntratt għat-tindif, min hu l-kuntrattur, u min ħa din id-deċiżjoni? Meta jiskadi dan il-kuntratt?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-uffiċini tas-Servizzi tal-Ispettorat tas-Saħħa fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali jiġu mnaddfa minn ħaddiema tat-Taqsima tal-Manutenzjoni fi ħdan l-istess Direttorat u bħalissa hemm persuna waħda li hija assenjata sabiex tagħmel dan ix-xogħol.
Il-persuna reponsabbli li jagħmel dan it-tindif fl-uffiċċini tagħmel dan fuq bażi regolari permezz ta’ roster imadawwar mal-uffiċċini kollha ancillari, izda billi hemm persuna waħda, dan isir f’perjodi relativament twal, izda kull uffiċċju għandu numru ta’ ħaddiema fi gradi ta’ General Hand li huma obbligati jagħmlu t-tindif ta’ kuljum.
L-uffiċini tad-Direttorat f’Cutrico House jiġu mnaddfa mill-kuntrattur privat Gafa Saveway Cleaners Ltd.
Dan intgħażel permezz ta’ sejħa għall-offerti konġunta bejn id-Direttorati diversi fi ħdan il- Ministeru. Il-prezz ghal kull cleaner huwa ta’ €5.84 fis-siegħa. Il- kuntratt jiskadi fit-13 t’Awwissu, 2013.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1326 u jgħid x’inhi l-waiting list taċ-checkups fid-Dipartiment tad-Dentistrija u kif se tiġi indirizzata? Barra minn dan, jista' jgħid x'servizzi jingħataw minn dan id-Dipartiment? Jista’ jgħid x'inhi r-raġuni li l-appuntamenti li qed jingħataw għal check up huma għal Settembru 2014? Jista’ jgħid min huwa l-persuna responsabbli minn dan id-Dipartiment u x'azzjonijiet qed jieħu biex jirranġa s-sitwazzjoni?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif diġa weġibt għal mistoqsija parlamentari 1515, jirriżulta li ma kienu ttieħdu l-ebda passi mill-gvern preċedenti biex is-sitwazzjoni ta’ stennija twila tiġi evitata u huwa għalhekk li bħalissa hemm waiting list tali li qed jingħataw appuntamenti għal Ottubru 2014.
Mid-Dipartiment jingħataw dawn is-servizzi:
A. Kura ta’ Emerġenza:
Li primarjament tinkludi qlugħ ta’ snien jew tneħija ta’ ugieħ;
B. Check up ma’ dentista;
C. Konsulta ma’ konsulent;
D. Kirugija tal-ħalq;
E. Kura Preventiva: li tinkludi edukazjoni fil-kura tas-snien u tneħija tal-ġebla kif ukoll pevenzjoni u kura tal-mard tal-ħanek.
F. Kura Restorativa: Kull min għandu karta roża u tfal sa sittax-il sena huma eliġibbli, din il-kura tinkludi, kura u mili ta’ snien, root canal treatment, prosthetics (dentaturi) kif ukoll kura tal-mard tal-ħanek.
Sevizz limitat ta din il-kura huwa offrut bil-loppju ġenerali lil-dawk il jsofru min xi disabilita fisika serja jew mentali. Dan is-servizz huwa mogħti b’diskrezjoni tal-konsulent/i.
G. Orthodontics (kura bil braces):
Adulti u tfal sa sittax il- sena huma intitolati għall- konsulta u parir għall- braces. Tfal sa sittax il-sena huma eligibbli għall- braces skond il-protocols stabiliti mid-dipartiment.
Il-persuna responsabbli minn dan id-Dipartiment huwa ċ-Chair ta’ din il-professjoni.
Biex titranġa s-sitwazzjoni ġie mifthiem li dawk tal-kartuna r-roża u tfal għal trattament ta’ wara ċ-check ups, iridu jiġu kkurati mid-dipartiment tas-saħħa u jingħataw vantaġġ, bil-kontra ta’ dawk li m’għandhomx dan l-avvanz..
Barra minn hekk, il-Ministeru għamel sejħa biex jimtlew ir-riżenji li saru dan l-aħħar u se jingaġġa 6 dentisti ġodda li se jilħqu f’Lulju li ġej.
B’hekk il-waiting list fiċ-check ups li tmur lura aktar minn sentejn, jiġu proċessati aktar malajr.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1328 u jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn l-Ear, Nose, Throat Department (ENT) spiċċa mingħajr basic specialist trainee?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sezzjoni tal-ENT fl-Isptar Mater Dei kien ilha titlob biex ikollha tobba barranin fil-grad ta’ Basic Surgery Trainees u Senior Registrars għal aktar minn sena u nofs.
L-amministrazzjoni tal-isptar bdiet taħdem fuqha minn Awwissu tas-sena li għaddiet, izda l-ex-Ministru Joe Cassar qatt ma ta l-attenzjoni meħtiega biex tinħareg is-sejħa pubblika ħalli jkunu ngaġġati dawn it-tobba barranin.
Hekk kif sirt naf, tajt struzzjonijiet permezz taċ-Chief Medical Officer, biex il-Public Service Commission (PSC) toħrog is-sejħa ħalli jiġu ngaġġati dawn it-tobba barranin.
Minkejja dan, is-servizz tal-emerġenza tal-ENT xorta waħda qiegħed jingħata minn tobba tal-Foundation Year 2 taħt is-superviżjoni ta’ Higher Surgical Trainess u Senior Registrars.
Dan kellu jsir minħabba li l-compliment tat-tobba ma kienx imħares sew mill-gvern preċedenti u għalhekk is-sitwazzjoni bħalissa hija waħda fejn fis-sezzjoni tal-l-ENT m’hemmx biżżejjed tobba tal-grad ta’ HST.
Li kieku dawk eżistenti bħalissa kellhom jintużaw għas-servizz tal-emerġenza tal-ENT, l-istennija tal-pazjenti (
waiting list
) fis-servizz tal-ENT kienet titwal.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi s-sitwazzjoni finanzjarja fil-preżent tal-Fond għall-Kawżi Ġusti? Jista’ jgħid kemm hemm talbiet pendenti quddiem dan il-Fond li saru qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali u kemm huwa l-ammont globali ta’ dawn it-talbiet ? Jista’ jgħid liema huma s-snin li fuqhom huma mqassma dawn it-talbiet ?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa hemm 34 talbiet pendenti quddiem il-Fond għall-Kawżi Ġusti, b'valur totali ta' €1,274,297.50, li huma mqassmin bejn l-2012 u l-2016.
Ma dawn iridu jiżdiedu talbiet oħra li kienu ġew aċċettati u commitmentsoħra li saru qabel l-aħħar elezzjoni minn dan il-fond u li l-ħlasijiet għalihom, li jaqbżu €3 miljun, għadhom pendenti. Dawn ukoll huma mqassmin bejn l-2012 u l-2016. Bilanċ fil-kont tal-bank tal-Fond tal-Kawżi Ġusti sal-aħħar ta’ April 2013 kien ta' €182,548.04.
Tista’ l-Ministru tgħid x’kienu l-proposti tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità (KNDP) li hija għamlet fis-sena 2010 sabiex jiġu żviluppati servizzi ta’ matul il-jum individwalizzati u bbażati fil-komunità?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Qasam tas-Saħħa Mentali — Servizzi ta’ Matul il-Jum
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti x-xogħol li jsir fis-Servizzi ta’ Matul il-Jum għal persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali? Fejn huma allokati dawn iċ-ċentri? X’għandu jagħmel wieħed biex japplika sabiex ikun klijent ta’ dawn iċ-ċentri? Hemm il-ħsieb li jitwaqqfu aktar ċentri għal benefiċċju ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali u l-familji tagħhom?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-għan taċ-Ċentru ta’ matul il-ġurnata fil-komunità huwa li jassisti fil-proċess ta’ rijabilitazzjoni ta’ individwi li jbatu minn problemi ta’ saħħa mentali. Issir evalwazzjoni sabiex jiġu identifikati oqsma problematiċi u l-aspettativi kemm tal-persuna li se tibda tuża s-servizz, kif ukoll ta’ dawk li jieħdu ħsiebha. Jiġi pjanat programm individwalizzat skont l-għanijiet li jirriżultaw mill-proċess tal-evalwazzjoni. Il-persuni li jużaw dawn is-servizzi, b`inkuraġġiment u motivazzjoni, jerġgħu jiġu kapaċi jinvolvu rwieħhom u jidħlu fir-rwoli li kienu sinifikanti għalihom u jerġgħu jiksbu l-ħiliet meħtieġa sabiex jiffunzjonaw fil-ħajja ta` kuljum tagħhom. Isir ukoll taħriġ pre-vokazzjonali u professjonali eżempju kif tikteb Curriculum Vitae, kif iġġib ruħek waqt intervista tax-xogħol eċċ.
Hemm ħames Ċentri ta` Matul il-Jum: f’Ħal-Qormi, Raħal Ġdid, Bormla, Żejtun u Furjana.
Dawn iċ-ċentri li jinsabu f`dawn il-lokalitajiet jiftħu mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-7.30am sas-2.30pm.
Dawn is-servizzi jipprovdu kura speċjalizzata u għalhekk biex tattendi f`dawn ic-centri jeħtieġ li tkun referut mingħand il-psikjatra.
Bħalissa il-funzjoni ta’ dan is-servizz qed ikun rivedut bil-għan li jiġi żviluppat pjan ta’ kif se jiġu estiżi dawn is-servizz, fid-dawl tal-operat li qed ikun imħejji permezz tal-Mental Health Act.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-klinika tal-ajruport internazzjonali ta' Malta se tingħalaq? Min ħa din id-deċiżjoni u għaliex?
Meta ttieħdet din id-deċiżjoni? Ma jaħsibx il-Ministru li jkun żball li dan isir meta wieħed iqis l-ammont ta' nies li jagħmlu użu mill-ajruport?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-iskop tal-klinika tal-ajruport huwa li isservi bħala lok fejn jistgħu jigu iżolati u ttratati nies li jaslu Malta b'xi marda infettiva jew suspett ta' tali marda. Matul is-snin bdiet tintuża bħala post fejn jirrikorru ħaddiema tal-ajruport jekk ma jħossuhomx sew fuq ix-xogħol. Huwa rari li din il-klinika toffri servizzi lil xi passiġġieri.
F'April 2012, kien sar rapport ta' evalwazzjoni ta' din il-klinika, liema rapport kien wera li l-ispiża finanzjarja relatata ma' riżorsi umami biss għas-sena 2011 kienet tammonta għal €290,431.39. Meta wieħed iqabbel din l-ispiza man-numru ta’ pazjenti eżaminati f'din il-klinika isib li kull pazjent kien qed jiġi jiswa madwar €387. Tajjeb li wieħed jgħid ukoll li l-każijiet li jiġu ittratti huma kważi kollha ta’ natura minuri. Għalhekk deher biċ-ċar li dan is-sevizz mhux vijabbli u li allura l-klinika se terġa’ tassumi biss ir-rwol li għalih kienet oriġinarjament istitwita - dak li għandu x'jaqsam mas-saħħa pubblika liema servizz jista' jingħata permezz ta' sistema ta' on call.
Id-deċizjoni li tingħalaq kienet ittieħdet mill-amministrazzjoni preċedenti, iżda jidher li l-għeluq kien ġie postpost minħabba l-elezzjoni. Wara li saret evalwazzjoni tal-fatti mill-ġdid, id-decizjoni li r-rwol ta' din il-klinika jinbidel, ġiet konfermata minn l-MIA din l-amministrazzjoni. Id-decizjoni ttiehdet wara konsultazzjoni li saret mal-Ministeru responsabbli mit-turizmu, mal-Malta International Airport u kif ukoll il-fatt li ftit kienu dawk il-passiġġieri li għamlu użu minn din il-klinika.
Mhux se jkun hemm impatt negattiv.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fil-binja ta' Cutrico House? Jista' jgħid ukoll jekk hux il-binja kollha hija mikrija lill-Gvern jew inkella partijiet minnha? Mill-partijiet li huma mikrija dawn kollha qed jintużaw? Jista’ jgħid ukoll mill-ħaddiema li hemm f'Cutrico House kemm minnhom kienu f'xi ministeru fil-leġiżlatura li għaddiet? F'liema ministeru kienu u x'kien ix-xogħol tagħhom? Jista’ jgħid ukoll meta marru f'Cutrico House u x'inhu x-xogħol tagħhom? Jista' jgħid ukoll min kien qed jaghmel ix-xogħol li qed jagħmlu huma fil-preżent x'qed jagħmel issa u allura jekk xi ħaddiema ġewx trasferiti minħabba f'dawn l-ex ħaddiema tal-ministeri ta' qabel?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm diretturi fil-qasam tas-saħħa u x'inhu x-xogħol u r-responsabbiltà tagħhom? Min huma dawn id-diretturi u meta ġew maħtura? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm xi sejħa jew ġew appuntati b'mod dirett?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Kummissjoni Nazzjonali għas-Saħħa Mentali — Twaqqif mill-ġdid
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 573 u jgħid jekk huwiex se jwaqqaf mill-ġdid il-Kummissjoni Nazzjonali għas-Saħħa Mentali li ilha wieqfa mill-31 ta’ Diċembru 2007?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-funzjoni prinċipali tal-Kummissjoni għas-Saħħa Mentali kien it-tfassil tal-liġi ġdida tas-saħħa mentali. Kif jaf l-Onorevoli Interpellant, din il-liġi ġiet approvata mill-Parlament f’Diċembru li għadda u tinkludi fiha l-ħatra tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali li l-funzjoni tiegħu hija li jara li l-liġi tigi implimentata.
Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali huwa suġġett għall-iskrutinju tal-parlament u wkoll tal-qrati.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 572 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-protokoll jew il-quality service charter tas-servizz importanti mogħti mill-Crisis Intervention Team? F’każ ta’ xi kriżi, x’servizzi konkreti qed jirċievu l-ġenituri ta’ membri tal-familja tagħhom li jsofru minn xi mard mentali? F'liema ħinijiet jistgħu jċemplu għall-għajnuna? Għaliex dan is-servizz mhux qed jingħata 24 siegħa kuljum u kemm ilu ma jinghata 24 siegħa kuljum? Isiru home visits mill-ewwel mill-professjonisti ta’ dan it-team meta jkun hemm ‘kriżi’ fil-familja?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument mitlub.
F`każ ta’ kriżi, kemm il-pazjent innifsu kif ukoll il-ġenituri u/jew qraba viċin tiegħu jingħataw support jew terapija minn dak il-professjonist li l-aktar huwa addattat għall-bżonnijiet tal-każ partikolari.
Il-professjonisti tat-tim jinkludu tabib, psychiatric nurses, social worker u psychologist li kollha joffru servizzi skont il-bżonniijiet tagħhom. Il-Crisis Intervention Team jagħtu servizz mit-Tnejn sal-Ħadd mis-sebgħa ta` filgħodu sas-sebgħa ta’ filgħaxija.
Is-servizz tal-Crisis Intervention Team beda fl-2010 u s’issa qatt ma offra servizz ta’ 24 siegħa kuljum. L-għan hu li s-servizz jiġi estiż għal 24 siegħa kuljum. Bħalissa mhux qed isiru home visits. Il- funzjoni ta’ dan is-servizz qed tkun riveduta bil-għan li jiġi estiż is-servizz u jibdew isiru l-home visits.
Jikkonferma l-Ministru li l-Port Health Medical Officer ilu nieqes xhur? X’inhu x-xogħol tal-Port Health Medical Officer? Min qed jagħmel dan ix-xogħol fin-nuqqas tiegħu?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
B'referenza għall-mistoqsija numru 1721, jista’ l-Ministru jgħid kemm ilha tinġabar din il-fee għall-court li kien imsemmi fit-tweġiba? Kemm huwa t-total tal-fee li nġabar tul il-perjodu minn meta bdiet tinġabar din il-fee ta' €50? Kemm hemm persuni jew għaqdiet li rreġistraw mal-Kunsill Malti għall-Isports sabiex jużaw din l-istess faċilità? X'maintenance sar fuq din il-faċilità, meta sar u kemm ġie jiswa? Jistgħu jpoġġu ritratti, jekk jeżistu, ta' kif kienet u kif saret il-faċilità wara tali maintenance? Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilha tokkupa din il-kariga u kif intgħażlet il-persuna li hija l-manager tal-Kumpless Sportiv tal-Marsa?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Kunsill Malti għall-iSport introduċa ħlas għall-użu tal-court fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa fl-2008. Kif ingħad fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 1721, f’Diċembru 2011 saret reviżjoni tal-ħlas. Minn meta saret ir-revizjoni u bdiet tinġabar il-fee ta’ €50 sal-lum inġabret is-somma ta’ €1,246.82. Il-maġġoranza ta’ dawk li ħallsu biex jużaw dawn il-courts huma aġenziji tal-ivjaġġar li ġabu timijiet barranin bħala turiżmu sportiv.
Individwi u għaqdiet sportivi ma jirreġistrawx mal-Kunsill Malti għall-Isport għall-użu ta’ faċilitajiet speċifiċi. Għalkemm l-użu tal-faċilitajiet sportivi b’rati sussidjati huwa wieħed mill-benefiċċji tal-għaqdiet sportivi li jirreġistraw mal-Kunsill Malti għall-Isport, tali għaqdiet sportivi u individwi li jirreġistraw mal-Kunsill Malti għall-Isport jagħmlu dan skont il-proviżjonijiet imsemmija f’Parti VII tal-Att dwar l-Isport (Kap 455). Fil-fatt illum il-KMS għandu aktar minn 400 għaqda, assoċjazzjoni u individwi reġistrati miegħu.
Bejn Novembru u Diċembru 2011 sar xogħol fuq dawn il-
courts
fosthom iż-żebgħa tal-art, tikħil u żebgħa oħra għat-taraġ, installazzjoni ta’ siġġijiet tal-plastik, u nżebagħ iċ-ċint tad-dawra. Il-materjal għal dan ix-xogħol sewa €3,184 u x-xogħol sar mill-ħaddiema tal-KMS.
Il-
Facility Manager
tal-Kumpless Sportiv tal-Marsa, ġie impjegat mal-Kunsill Malti għall-iSport fl-1 ta’ Novembru 2004 wara li saret sejħa u ġie magħżul wara li saru
interviews
.
Qatt ma ttieħdu ritratti qabel ma sar ix-xogħol f’dawn il-
courts
filwaqt li ritratti ta’ kif ġiet din il-faċilità qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1183, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet u għal xiex huwa dovut dan id-dewmien?
Response (BRINCAT, LEO)
Filwaqt li napprezza l-interess tal-Onorevoli kollega, nista’ nassigurak li m’hemm l-ebda dewmien li mhux iġġustifikat dwar l-investigazzjoni. Id-dewmien huwa dovut biss għal fatt li hija x-xewqa tal-Ministeru li kull investigazzjoni ssir fil-fond u b’mod l-aktar professjonali u dettaljat minflok ma jsir xogħol tal-għaġġla. Il-Kamra ser tkun aġġornata fil-mument opportun.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li fil-preżent qed jaħdmu mal-Kunsill Malti għall-Isport u li fil-leġiżlatura li għaddiet kienu f'xi ministeru? F'liema ministeru kienu, u meta daħlu u/jew ġew trasferiti mal-Kunsill?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1333, jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm tenderers interessati u fejn kienu s-siti? Kemm kienet il-kirja f'kull każ? Min iddeċieda liema kirja tintgħażel? Jista' jgħid jekk kienx hemm postijiet tal-Gvern li ġew ikkunsidrati? Jista' jghid ukoll jekk sarux xi spejjeż fuq postijiet tal-Gvern bil-ħsieb li numru ta' impjegati jmorru hemm? Liema kien, jew kienu, dawn il-postijiet u kemm kienu l-ispejjeż f'kull każ? Jista' jgħid ukoll min iddeċieda li minflok isir sforz ħalli tinstab binja pubblika l-Gvern preċedenti jikri mingħand il-privat?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid x'użu għandha l-villa li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Kemm ilha mikrija din il-Villa u kemm huwa l-ħlas? Meta tiskadi din il-kirja? Kemm hemm ħaddiema fiha li qed jagħmlu użu minn din il-kirja? Min kien iddeċieda li l-Gvern preċedenti jikri din il-villa?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid x'użu għandha l-binja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Kemm ilha mikrija din il-binja u kemm huwa l-ħlas? Meta tiskadi din il-kirja? Kemm hemm ħaddiema fiha li qed jagħmlu użu minn din il-kirja? Min kien iddeċieda li l-Gvern preċedenti jikri din il-binja?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li d-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard għandu l-uffiċċju tiegħu f’parti mis-settur numru 5 tal-binja “The Emporium”, C. De Brockdorff Str. Msida.
Infurmat ukoll li dan l-uffiċju ilu mikri mill-5 ta’ Lulju 2005 u kien ġie deċiż wara sejħa pubblika. Il-kera għas-sena 2012-2013 kienet ta’ €46,164.74.
Il-kuntratt kien d’terminu sat-30 ta’Awissu 2018 pero l-aħħar sitt snin m’humiex marbutin. Bħalissa hemm 28 staff u tlett studenti li jaħdmu f’dan l-uffiċju.
Peress li persuni responsabbli mill-proġett tal-bini tal-Parlament stqarrew li nxtraw bosta affarijiet li se jintużaw għal dan il-bini, jista’ l-Ministru jgħid u jagħti d-dettalji ta’ x’inxtara s’issa, kemm ġew jiswew, kif ġew magħżula l-affarijiet u minn fejn inxtraw? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm sejħa għall-offerti u kemm ġew mixtrija b’direct order? X’għad fadal li għadhom ma nxtrawx? Fejn qed jinżammu l-affarijiet li ġew mixtrija diġà? Jista’ jgħid jekk il-kumpaniji li minn għandhom ġew mixtrija dawn l-affarijiet tħallsux diġà jew le?
Response (MIZZI, JOE)
L-affarijiet mixtrija qegħdin jinżammu fl-istores tal-kuntratturi rispettivi jew fi stores fuq is-sit sa kemm dawn jiġu nstallati. Għad baqa’ il-loose furniture x’tinxtara għall-Parlament, li l-istima taghha hija ta’ €450,000. L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Bini tal-Parlament il-ġdid – akkomodazzjoni għall-ħaddiema barranin
Question
Peress li hemm numru ta’ persuni barranin li qed jaħdmu fuq is-sit tal-Parlament il-ġdid, jista’ l-Ministru jgħid jekk inkrewx xi postijiet sabiex dawn il-persuni joqogħdu fihom sakemm ikunu hawn Malta? Fejn jinsabu dawn il-postijiet, kemm hemm postijiet li qed jinkrew, kemm hija l-ispiża għal kull kirja u min qed iħallas għal dan?
Response (MIZZI, JOE)
Il-ħaddiema barranin fuq is-sit tal-proġett ta' Bieb il-Belt huma ngaġġati mill-kuntratturi rispettivi tagħhom.