Jista' l-Ministru jgħid jekk l-awtorita' ta' l-ippjanar għandhiex xi policy li permessi għal boundary wall jew xi fence tal-wire ma' postijiet fejn hemm xi ġardina f'xi housing estate, jiġu rifjutati b'konsegwenza li minħabba f'hekk jibqgħu mitluqin u mhux kultivati u dan b'detriment għall-ambjent?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-permessi għat-tip ta' xogħol li rrefera għalih l-Onor. Interpellant jiddependi mis-sit speċifiku ta' kull każ u huma marbutin ma' kif dawn jidhru fil-kuntest ta' l-ambjent urban tal-post.
Jista' l-Ministru jgħid kemm irċeviet talbiet il-Korporazzjoni Enemalta mingħand il-kunsilli lokali għal bozoz ġodda? Kemm hemm maħsub li jsiru minn dawn l-istess talbiet u f'liema lokalitajiet? Hemm il-ħsieb li l-proċedura li qed tintuża llum għal bozoz ġodda tinbidel? Jekk iva, kif inhu maħsub li ssir u jekk le, x'inhi l-proċedura li qed tintuża sabiex issir bozza ġdida?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-Onorevoli Interpellant ma speċifikax perjodu partikolari, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba li tkopri l-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 1999 u l-31 ta' Mejju 1999. Il-Korporazzjoni tinstalla bozza ġdida wara li tinkiseb l-approvazzjoni tal-Ministeru li minnu l-Korporazzjoni tifforma parti. Din hija l-proċedura preżenti li ilha fis-seħħ għal diversi snin. Il-proċedura attwali tista' tinbidel ladarba jintlaħaq ftehim mal-Kunsilli Lokali dwar din il-materja.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri mill-iskola ta' Bighi? Xi pjanijiet hemm għall-futur ta' din l-iskola? Min ħa dawn id-deċiżjonijiet u ma' min saru l-konsultazzjonijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tfal ta' l-ewwel sena li bħalissa jattendu l-ewwel sena fl-iskola tas-snajja' Abram Gatt minn Ottubru li ġej sejrin ikomplu l-kors fi skejjel tas-snajja' oħra skond fejn joqgħodu.
Il-bini li bħalissa jintuża bħala skola tas-snajja' se jibda jintuża bħala ċ-Ċentru Malti għar-Restawr bis-seħħ minn Lulju 1999.
Id-deċiżjonijiet ittieħdu mill-Kabinett bħala parti minn pjan sħiħ għall-iżvilupp tas-sit ta' Bighi kif ukoll riforma ta' l-iskejjel tas-Snajja'.
Saru konsultazzjonijiet fost l-oħrajn mad-diriġenti tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, l-għalliema ta' l-iskejjel tas-snajja', u esperti Taljani fuq ir-restawr.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx sar xi studju mid-Dipartiment tal-Lottu jew tal-Finanzi jew xi dipartiment ieħor dwar l-introduzzjoni tal-pools f'Malta? Jekk iva, jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li studju dwar l-introduzzjoni tal-pools f`Malta kien sar mid-Dipartiment tal-Lottu Pubbliku fl-14 ta` Frar 1997.
Ma naħsibx li hu opportun li jiġi ppublikat dan ir-rapport.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 6608?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul il-perjodu Jannar sa April 1999 saru 14-il laqgħa ta' l-għawm fil-Pixxina Nazzjonali u 16 fir-Razzett tal-Ħbiberija. Għalkemm l-attendenza tat-tfal tvarja, il-medja għal kull ġimgħa hija dik ta' 170 fil-Pixxina Nazzjonali u 110 fir-Razzett tal-Ħbiberija.
In-numru ta' għalliema għal kull laqgħa li sar it-taħriġ kien hekk:
9 - 9 u 23 ta' Jannar, 27 ta' Frar, 6 u 13 ta' Marzu,
24 ta' April
8 - 16 u 30 ta' Jannar, 6 ta' Frar, 20 u 27 ta' Marzu,
17 ta' April
7 - 13 ta' Frar
Fir-Razzett tal-Ħbiberija l-attendenza kienet aktar regolari u attendew 4 għalliema għal kull laqgħa.
S'issa tħallsu sitt pagamenti ta' Lm187.50 lir-Razzett tal-Ħbiberija għax-xhur Ottubru sa Marzu. Lm1655 ġew imħallsa lill-Pixxina Nazzjonali biex ikopri l-ħlas għas-sena 1997/98.
Jista' l-Ministru jgħid x'tibdil kien hemm fil-prezzijiet tal-Marsa Racing? X'kienu l-prezzijiet ta' qabel u kemm saru issa? Il-Ministru ta l-approvazzjoni tiegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kumitat il-ġdid mexa fuq deċiżjoni tal-kumitat preċedenti fir-rigward tal-prezz tad-dħul tal-Marsa Racing li tela' minn Lm1.25 għal Lm1.50. Fil-fatt dan il-Kumitat sab il-biljetti tad-dħul diġa' stampati bil-prezz rivedut. Ninforma lill-Onor. Interpellant li deċiżjonijiet simili ġew awtorizzati mill-istess Kumitat u ma jirrekjedux l-approvazzjoni tiegħi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi membri tal-kumitat tal-Malta Racing Club li rriżenjaw? Jekk iva, x'kienet ir-raġuni? Ġiet aċċettata r-riżenja tagħhom u f'każ li iva, min huma l-membri li ħadu posthom?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari tiegħu Nru 5749.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tinfetaħ Triq id-Dejma fiż-Żejtun? X'inhu jżomm li dan ix-xogħol ma jsirx?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq flimkien mal-Kunsilli Lokali qed jipprepara programm għal asfaltar ta` toroq simili ma` Malta kollha u x-xogħol f`dawn it-toroq isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol sabiex Triq id-Dwiemes fiż-Żejtun tinfed ma' Triq A. Buttigieg? X'inhu jżomm li dan ix-xogħol isir?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq flimkien mal-Kunsilli Lokali qed jipprerpara programm għal asfaltar ta` toroq simili ma` Malta kollha u x-xogħol f`dawn it-toroq isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy ta' l-awtorita' ta' l-ippjanar dwar persuni li jaħdmu f'garaxxijiet qalb l-abitat? X'isir fejn jirriżulta li jkun qed isir xogħol fl-abitat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li normalment l-Awtorita` ta' l-Ippjanar ma taċċettax applikazzjonijiet għal użu industrijali jew semi industrijali f'postijiet residenzjali, iżda ma jittieħdu l-ebda passi mill-Awtorita` tal-Ippjanar jekk ix-xogħol ikun kopert b'permess li nħareġ qabel l-Att ta' l-1992 ta' xi Awtorita` kompetenti, dejjem liema permess sa llum ġie mġedded.
Ninsab infurmat ukoll li fil-każi fejn jirriżulta li x-xogħol huwa llegali jittieħdu passi skond l-Att I ta' l-1992 dwar l-Ippjanar u ċioe`, jinħareġ Stop Notice u jekk l-ordni ma tkunx osservata tintalab l-assistenza tal-Pulizija skond l-artiklu 55 ta' l-istess Att.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' persuni li bħalissa qed jirreġistraw għax-xogħol? Kemm minn dawn huma nisa? Kemm mit-total huma żgħażagħ taħt it-tmintax (18)-il sena u kemm minnhom huma bejn id-dsatax(19) u l-wieħed u għoxrin(21) sena? Jista' jagħti l-figuri mitluba fit-tielet parti tal-mistoqsija maqsuma bejn nisa u rġiel?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fl-aħħar ta' April 1999 kien hemm 7,402 persuna tirreġistra għax-xogħol fuq l-ewwel Parti tar-reġistru. Minn dawn 1,043 kienu nisa.
ETA' IRĠIEL NISA TOTAL
Taħt it-18-il sena 287 161 448
Minn 18 sa 19-il sena 411 169 580
Minn 20 sa 24 sena 891 176 1,067
8.6.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm matul din is-sena skolastika ġew irrapportati każi ta': 1) abbuż ta' droga; u 2) abbuż ta' alkoħol fl-iskejjel statali? Kien hemm xi rapporti simili fl-iskejjel tal-knisja u dawk privati? Kemm kellhom snin dawk involuti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul din is-sena skolastika ġie rappurtat każ wieħed ta' abbuż ta' droga. Il-persuna involuta kienet ta' erbatax-il sena.
Ma jirriżultax rapport simili għall-iskejjel tal-knisja u privati.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6787, jista' l-Ministru jgħid jekk il-kabinett ħax deċiżjoni? X'kienet din id-deċiżjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Gvern iddiskuta r-Rapport Galdes dwar l-Istipendji fil-kabinett, b'mod ġenerali aċċetta r-rakkomandazzjonijiet magħmula u talabni nfassal ir-Regolamenti maħtieġa li eventwalment ser juru d-dettalji tas-sistema l-ġdid. Bħalissa qed naħdem fuq dawn ir-Regolamenti bl-għajnuna ta' l-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa flus l-bid sabiex Malta torganizza l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fis-sena 2003?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ispiża li għamel il-Gvern b'konnessjoni mal-bid biex Malta torganizza l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar saret biex ġew organizzati riċeviment u ikla li għalihom ġew mistiedna uffiċjali għolja mill-Kumitati Olimpiċi Nazzjonali tal-pajjiżi parteċipanti u personalitajiet distinti oħra. Din l-ispiża ammontat għal Lm1700. Spejjeż oħra biex ġew preparati video production u promotional pack saru kollha mill-Kumitat Olimpiku Malti.
B'riferenza għad-diversi rapporti li dehru f'ġurnali lokali dwar ir-riżenja tal-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet tar-riżenja tiegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant huwa uffiċjal tal-Kumitat Olimpiku Malti. Għalhekk mhux kompitu tagħna li nagħtu r-raġunijiet dwar ir-riżenja, jekk hemm riżenja, ta' din il-persuna.
Wara r-riżultati xejn sbieħ li ksibna fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar u l-kummenti ta' diversi diriġenti, x'jaħseb is-Segretarju Parlamentari dwar aktar edukazzjoni sportiva fl-iskejjel primarji u sekondarji? Kif qed jipproponi li ssir din l-edukazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel primarji u sekondarji hija kruċjali għall-iżvilupp sportiv. Kulħadd jaqbel li din għandha tissaħħaħ. Bħalissa d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qed tistudja diversi pjanijiet kif dan jista' jkun imsaħħaħ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus marbuta mal-logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saru dan l-aħħar u fiex intnefqu? Jista' l-Ministru jgħid ukoll x'inhi r-raġuni li din id-darba rbaħna inqas midalji?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mhux possibbli li jingħata rendikont preċiż tan-nefqa konnessa mal-parteċipazzjoni fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar għax l-ispiża ma ssirx mill-Gvern dirett. Il-Gvern jagħti għotja lill-Kumitat Olimpiku Malti biex tkopri parti mill-ispejjeż tal-parteċipazzjoni f'dawn il-logħob.
Il-Ministeru mhux responsabbli għall-ammont ta' medalji li ntrebħu jew ma ntrebħux għalkemm jagħmel l-assessment tiegħu fuq ir-riżultati miksuba. Ir-raġunijiet fuq l-ammont ta' medalji miksuba ingħataw mill-uffiċjali tal-Kumitat Olimpiku Malti u Assoċjazzjonijiet Sportivi.
Fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena, jista' l-Ministru jgħid kemm: 1) saru spezzjonijiet f'postijiet ta' divertiment biex ikun żgurat li persuni taħt l-eta' ma jkunux preżenti; 2) inqabdu nies li ma kellhomx sittax (16)-il sena f'dawn il-postijiet ta' divertiment; 3) X'passi ttieħdu kontra dawk li ħallew persuni taħt l-eta' jidħlu u jixorbu kontra l-liġi? Issa li dalwaqt ikun hemm żieda qawwija ta' żgħażagħ kemm lokali kif ukoll barranin minħabba l-btajjel tas-sajf f'postijiet fejn hemm divertiment, jista' jgħid jekk huwiex kontemplat żieda fin-numru ta' pulizija biex titħares il-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi, fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena il-Pulizija għamlet 1,340 spezzjoni f'postijiet ta' divertiment li b'riżultat tagħhom inqabdu 40-il persuna taħt is-sittax-il sena.
Ninsab infurmat ukoll illi fl-istess perijodu l-Pulizija ħadet passi kriminali kontra 11-il persuna talli ħallew persuni taħt is-sittax-il sena jidħlu f'dawn il-postijiet.
Kif diġa` kelli l-okkażżjoni ngħid fi Tweġiba preċedenti, ser jibqgħu jsiru spezzjonijiet sabiex kemm jista` jkun ma jkunx hemm dawn l-abbużi.