Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #9280 Sitting 145 1999-09-27 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MIA — Chairman - Salarju

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-paga u l-allowances taċ-chairman ta' l-MIA, anke fil-funzjoni tiegħu bħala Chief Executive? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt/i?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba diġa ingħatat fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 4014.

ETC — Għajnuna lil żgħażagħ bla xogħol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 8591?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ tagħraf il-bżonn li żgħażagħ li huma bla xogħol jingħataw kull għajnuna possibli biex kemm jista jkun malajr jiġu ntegrati fid-dinja tax-xogħol. Dan biex ikun ta' benefiċċju mhux għalihom biss iżda wkoll għas-soċjeta' kollha. Kull żgħażugħ jew żgħażugħa li jibdew jirreġistraw jiġu assessjati minn uffiċjali tal-Korporazzjoni fejn jiġu stabbiliti l-kompetenzi jew in-nuqqas tagħhom ta' kull individwu. Skond il-każ partikolari reġistrant jiġi riferut kemm għal taħriġ kif wkoll/jew għal xi xogħol li jkun adattat. 27.09.99
Leg 9 PQ #9261 Sitting 142 1999-07-27 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Taxxa fuq l-isports

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema hu l-isports l-ieħor, minbarra l-football, li fuqu issa se tibda tiġi mitluba li titħallas it-taxxa tal-VAT?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant jagħmel riferenza għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 7975.

EU — Programmi Edukattivi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk żgħażagħ li huma illitterati u bla snajja' jew inkella semi-skilled jew li għandhom livell ta' edukazzjoni medju, hux se jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-programmi ta' l-Unjoni Ewropea, jekk kemm-il darba Malta tissieħeb bħala membru sħiħ? X'inhuma l-possibbiltajiet li nibdew nipparteċipaw minn issa f'dawn il-programmi, u dan bħalma ġara anke fi żmien meta l-Partit Laburista kien fil-Gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Programmi Edukattivi ta' l-Unjoni Ewropeja ma jispeċifikawx il-kwalifiki u l-ħiliet li jrid ikollu bniedem biex jipparteċipa fihom. L-importanza tal-kwalifiki u l-ħiliet tiddependi mill-Programm u l-proġett partikolari li Malta tkun trid tieħu sehem fih. Il-gvern irid li l-organiżżazzjonijiet Maltin jipparteċipaw bħala sħab f' "networks" Ewropej bl-iskop li nikkumbattu l-illitteriżmu u ntejbu l-ħiliet tal-ħaddiem Malti. Il-gvern huwa npenjat li jikseb il-parteċipazzjoni ta' Malta f'dawn il-Programmi u diġa qed isiru sforzi diplomatiċi biex jintlaħaq dan il-għan. 27.7.99
Leg 9 PQ #9180 Sitting 141 1999-07-27 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ajruplani RJ 70s

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx xi tip ta' investigazzjoni dwar ix-xiri ta' l-ajruplani RJ70s? Jekk iva, x'kien ir-riżultat ta' l-investigazzzjoni u x'passi ttieħdu? Jista' l-Ministru jara li din l-investigazzjoni ssir?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #9181 Sitting 141 1999-07-27 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Marsa Sports Ground — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li filwaqt li ħarġu madwar seba' charges kontra ħaddiema tat-Taqsima Sport fil-Marsa Sports Ground, ma tteħdux passi simili kontra ħaddiema oħra li b'mod miftuħ jagħmlu ferm agħar minn dawk akkużati, minkejja li jafu bihom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ċ-charges li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant jirrigwardaw allegazzjoni ta' aġir irresponsabbli minn xi ħaddiema biex jimminaw l-awtorita` fit-taqsima ta' l-iSport fil-Marsa. Informat ukoll li kull min aġixxa b'dan il-mod inħariġlu charge kontra tiegħu. Ma jirriżultax li kien hemm xi ħaddiema oħra li aġixxew, jew qegħdin jaġixxu, b'dan il-mod irresponsabbli.
Leg 9 PQ #9236 Sitting 141 1999-07-27 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Armi reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' armi reġistrati f'Malta? Kemm kienu reġistrati fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena? Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' liema huma l-armi u kemm hemm reġistrati f'kull kategorija? Jista' l-Ministru jgħid jekk minbarra l-forzi ta' l-ordni hemmx xi nies li għandhom permess jġorru l-armi? Għaliex jingħata dan il-permess u fuq liema kondizzjonijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena ġew reġistrati mal-Pulizija 1,172 arma. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi t-tipi u l-ammont ta' armi tan-nar reġistrati sal-lum. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li fil-preżent m'hawn ħadd li għandu liċenzja sabiex iġorr arma tan-nar.
Leg 9 PQ #9237 Sitting 141 1999-07-27 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studenti li spiċċaw qabel iż-żmien

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm spiċċaw studenti qabel iż-żmien fis-sena skolastika li għadha kemm intemmet? Kemm kienu bniet u kemm subien? X'kienu r-raġunijiet għaliex ingħatalhom il-permess li jitilqu mill-iskola qabel ma għalqu s-16-il sena? Jista' jagħti breakdown tal-lokalitajiet ta' fejn kienu joqogħdu dawn it-tfal?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kulleġġ ta' St. Edward's — Tkeċċija ta' ħaddiema

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 8458, peress li t-tliet ħaddiema fil-Kulleġġ ta' St. Edward's ingħataw ittra li l-impjieg tagħhom spiċċa u dehru avviżi fil-gazzetti li sejħu għal min hu interessat biex jingħata kuntratt ħa jipprovdi l-ikel fil-kulleġġ, jista' l-Ministru jikkonferma li l-manager u żewġ koki spiċċaw? Jaf b'ittra li s-surmast ta' l-istess skola bagħat lill-ġenituri dwar dan u li issa l-istudenti se jkollhom jħallsu għal ikel, fejn dan qabel kien inkluż fil-miżata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ġejt infurmat mill-uffiċjal tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg li, wara nvestigazzjonijiet li saru, ma jirriżultax li nħarġu xi "notices" tat-tkeċċija lit-tlett impjegati msemmija fid-domanda parlamentari. Id-Dipartiment infurmani li qed isegwi din is-sitwazzjoni biex ikun żgur li ma jkunx hemm xi ksur tal-liġi tal-kundizzjonijiet tax-xogħol. 27.7.99
Leg 9 PQ #9239 Sitting 141 1999-07-27 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kulleġġ ta' St. Edward's — Surmast

Question

Peress li s-surmast tal-Kulleġġ ta' St. Edward's informa lill-ġenituri permezz ta' ittra li l-miżati tat-tfal kienu se jiżdiedu, jista' l-Ministru jgħid jekk intalabx permess mid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni dwar dan? Meta intalab il-permess u meta ngħata, jekk ingħata? Jaf il-Ministru li għandi lmenti minn ġenituri li fil-fatt il-miżati għolew aktar minn dak li hemm fl-ittra fl-10 ta' Lulju għaliex issa t-tfal iridu jħallsu ta' l-ikel kull darba jekk iridu jieklu hemm, waqt li s'issa parti mill-miżata kienet dejjem intiża bħala ħlas mill-ġenituri għal ikel ta' nofs inhar? Jaf li dik il-parti li kienet għal ikel ma tnaqqsitx?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s'issa l-Ministru tal-Edukazzjoni għadu ma rċieva ebda avviż mill-iskola msemmija dwar żieda fil-miżati għas-sena akkademika li jmiss. Ninsab infurmat ukoll li d-Diviżjoni tal-Edukazzjoni ma kellha ebda lmenti mill-ġenituri dwar il-kontenut tat-tieni parti tad-domanda ta' l-Onor. Kollega.
Leg 9 PQ #8944 Sitting 140 1999-07-26 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

KNZ/Sedqa — Korsijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti aktar dettalji u tagħrif dwar il-korsijiet ta' taħriġ li l-KNŻ qed jorganizza flimkien ma' l-Aġenzija Sedqa?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlametari Numru 8590. Il-Kunsill Nazzjonali Żgħażagħ huwa istituzzjoni awtonoma u l-Onor. Membru jista' jikkomunika mal-Kunsill għat-tagħrif li qed jitlob.

ETC — Xogħol għaż-żgħażagħ

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-ETC għamlitx xi studju jew hux beħsieba li tagħmel xi rapport dwar l-"opportunitajiet" ta' xogħol li l-Gvern Nazzjonalista spiss isemmi għall-persuni li qed ifittxu x-xogħol, b'mod speċjali ż-żgħażagħ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-5 ta' Settembru sallum diġa nħolqu aktar minn 1,000 impieg li minnhom gawdew dawk li qed iffittxu x-xogħol, fosthom u b'mod speċjali ż-żgħażagħ. Ta' min wieħed jgħid illi l-ETC tagħmel "monitoring" kontinwu w għalhekk din mhix sempliċiment kwistjoni ta' rapport. L-ETC għandha l-inkarigu li żżomm ruħha nfurmata dwar l-opportunitajiet ta' xogħol li jinħolqu għal kull kategorija ta' ħaddiema. 26.7.99
Leg 9 PQ #9025 Sitting 140 1999-07-26 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Għoli tal-ħajja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għoliet il-ħajja minn Settembru sal-lum xahar b'xahar?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba hija kif ġej: XAHAR INDIĊI ŻIEDA/TNAQQIS F'PERĊENTWALI Settembru 1998 107.85 0.38 Ottubru 1998 108.21 0.33 Novembru 1998 108.23 0.02 Diċembru 1998 108.70 0.43 Jannar 1999 108.62 -0.07 Frar 1999 109.06 0.41 Marzu 1999 109.46 0.37 April 1999 108.92 -0.49 Mejju 1999 109.64 0.66

Impjiegi — Qgħad reġistrat

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien il-qgħad reġistrat xahar b'xahar minn Settembru 1998 u kemm minnhom kienu żgħażagħ taħt it-30 sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-qgħad reġistrat xahar b'xahar minn Settembru 1998 sa Mejju 1999 kien hekk: XAHAR TOTAL TA' PERSUNI ŻGĦAZAGĦ TAĦT IT-30 JIRREĠISTRAW GĦAX- SENA JIRREĠISTRAW GĦAX- XOGĦOL XOGĦOL Settembru '98 7,184 2,835 Ottubru '98 7,288 2,918 Novembru '98 7,371 2,916 Diċembru '98 7,437 2,898 Jannar '99 7,528 2,981 Frar '99 7,653 3,062 Marzu '99 7,663 3,071 April '99 7,402 2,907 Mejju '99 7,301 2,838 26.7.99

Żejtun — Triq Tamburin

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-problemi sabiex Triq Tamburin, fiż-Żejtun tiġi rranġata? Jista' jgħid ukoll meta hemm il-ħsieb li din issir billi jagħti target date ta' meta din se ssir?

Response (GALEA, ĊENSU)

Ninsab infurmat li x-xogħol ta` d-Dipartiment. Dan sintendi meta t-twittija u l-bini tal-bażi tat-triq ikunu saru sew minn min għandu l-propjeta tħares fuq din it-triq kif ukoll wara li jiġi żgurat li t-triq fiha s-servizzi kollha fil-post.
Leg 9 PQ #9179 Sitting 140 1999-07-26 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — EU Liaison Officer

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-irwol ta' l-EU Liaison Officer fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni? Kif ġie appuntat dan l-uffiċjal u min hu? Għalkemm żmien ġie appuntat? X'inhu x-xogħol tiegħu fil-ministeru ta' l-edukazzjoni? Għandu xogħol ieħor fil-ministeru? Kemm qiegħed jieħu allowance? S'issa x'attivitajiet huma nvoluti fihom? Xi kwalifiki għandu dan l-uffiċjal u liema training ingħata f'dan il-qasam?

Response (GALEA, LOUIS)

L-irwol tal-EU Liaison Officer fil-Ministeru tal-Edukazzjoni hu li jikkordina l-ħidma tal-Ministru fil-proċess tal-i'screening' u, jekk ikun hemm bżonn, waqt il-proċess ta' negozjar u, meta eventwalment Malta ssir membru, l-istess uffiċjal jibqa' jikkordina l-ħidma li tkun trid issir fil-programmi edukattivi u ħidma oħra relatata magħha. Dan l-uffiċjal hu s-Sur Joseph Sammut, Direttur, Pjanar u Żvilupp, u ntgħażel minħabba l-esperjenza tiegħu f'dan il-qasam fi żminijiet preċedenti. Dan l-uffiċjal qed iwettaq din il-ħidma flimkien max-xogħol l-ieħor li għandu fid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni. Dan l-uffiċjal m'għandu ebda allowance għal dan ix-xogħol. Ix-xogħol ta' dan l-uffiċjal f'din il-ħatra s'issa kien l-aktar jikkonċerna l-proċess tal-i'screening'. Rigward il-kwalifiki u t-taħriġ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, nitolbu jara l-ewwel parti ta' din it-tweġiba.
Leg 9 PQ #8803 Sitting 139 1999-07-26 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Persuni ta' nazzjonalita' barranija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li jintużaw sabiex persuni barranin jingħataw permess għal xogħol f'pajjiżna?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-kriterji li minn dejjem intużaw fil-konsiderazzjoni ta' talbiet għall-ħruġ ta' liċenzji ta' impjieg lill-barranin huma jekk hawnx nies kwalifikati jew ħaddiema biżżejjed biex jagħmlu x-xogħol konċernat. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra fuljett maħruġ mid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta' Expatriates dwar liċenzji ta' impjieg.
Leg 9 PQ #8820 Sitting 139 1999-07-26 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sports — VAT

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-rakkmandazzjonijiet tiegħu u tas-segretarju parlamentari dwar il-VAT fuq l-isports? Sar xi studju sabiex jara l-impatt ta' din id-deċiżjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li saru diskussjonijiet u laqgħat dwar l-implikazzjonijiet tal-VAT fuq l-iSport mal-Ministru tal-Finanzi. F'dawn il-laqgħat ġie iċċarat fuq liema mill-bosta attivitajiet li fihom huma nvoluti għaqdiet sportivi għandha tinġabar it-taxxa tal-VAT. Saret ukoll rakkomandazzjonijiet li xi talbiet dwar ħlasijiet dovuti li seta' kien hemm minn snin mgħoddija jkunu maħfura għar-raġuni li l-pożizzjoni kienet għadha ma ġietx iċċarata. Dit it-talba ġiet milqugħa.
Leg 9 PQ #8892 Sitting 139 1999-07-26 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Postijiet ta' divertiment — Tfal taħt l-eta'

Question

Peress li qed ikun hemm diversi rapporti li tfal taħt l-eta' - kemm Maltin kif ukoll barranin - qed ikunu f'inħawi ta' divertiment speċjalment f'Paceville, jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna li m'għandhiex sittax (16)-il sena nqabdu f'xi wieħed minn dawn il-postijiet ta' divertiment matul Ġunju u l-ewwel ġimgħa ta' Lulju? Jista' l-Ministru jgħid f'liema lokalitajiet inqabdu? X'passi ttieħdu kontra s-sidien ta' dawn il-postijiet? Kemm minn dawn is-sidien inqabdu b'żgħażagħ fl-istabbiliment tagħhom li ma kellhomx l-eta' tal-liġi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li mill-01.06.99 fil-Mistoqsija, il-Pulizija għamlet 307 spezzjonijiet f'postijiet ta' divertiment madwar Malta u Għawdex li minnhom irriżulta każ wieħed fejn 6 żgħażagħ taħt is-16-il sena nqabdu preżenti waqt attivita` li nżammet f'Ta` Qali fis-6 ta' Ġunju, 1999. Il-persuna li f`isimha nħarġet il-liċenzja għal din l-attivita` ser tiġi mressqa l-Qorti. Fir-regolamenti l-ġodda, hemm previst multa ta' Lm100 għal kull persuna taħt 16-il sena li tinstab f'post ta' divertiment.
Leg 9 PQ #8893 Sitting 139 1999-07-26 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pixxina Nazzjonali — Wirja Russian Fantasy

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' l-ispejjeż li saru biex itellgħu l-wirja Russian Fantasy fil-Pixxina Nazzjonali? Jista' l-Ministru jgħid x'kien is-sehem tas-Segretarjat ta' l-Isport u Kultura f'din il-wirja? Kemm daħħlet il-Pixxina Nazzjonali minn sponsorships f'din il-wirja?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ispejjeż li saru biex ittellgħet il-wirja Russian Fantasy fil-Pixxina Nazzjonali kienu jammontaw għal Lm5,055.25, imqassmin hekk: Reklamar Lm 333.60 Titjiriet Internazzjonali inklużi t-Taxxi Lm 382.00 Kiri ta' Karozzi Lm 247.00 Hospitality, akkomodazzjoni, ikel Lm1207.55 Stampar Lm 405.00 Kiri ta' makkinarju Lm 185.00 Kiri ta' l-istage Lm 100.00 Comperes Lm 250.00 Sound and Lighting Effects Lm 750.00* Spejjeż żgħar oħra Lm 195.10 Troupe Russu Lm1000.00 Is-Segretarjat għaż-Żgħażagħ u Sport għen billi ħallas għall-ispiża tas-Sound & Lighting Effects u wkoll biex, bil-patroċinju tiegħu, jiffaċilita r-relazzjonijiet ma' l-Uffiċċju tas-Citizenship and Expatriate Affairs. Is-Segretarjat ħass li kellu jgħin f'din l-ewwel attivita` ta' dan it-tip għaliex tressaq nies ġodda lejn il-kumpless. B'aktar pubbliċita` dawn l-attivitajiet jistgħu jibdew isiru bi qliegħ. Id-dħul minn sponsorships għal din il-wirja kien jammonta għal Lm2,900.00. liema somma tinkludi Lm750* mgħotija mis-Segretarjat għaż-Żgħażagħ u Sport. L-ammont tad-dħul mill-bejgħ ta' biljetti kien jammonta għal Lm2,626.80.