Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid, matul Ġunju, Lulju, Awissu u Settembru, kemm-il żagħżugħ taħt l-eta' ta' 16-il sena nqabad jaħdem meta dan hu kontra l-liġi? F'liema xogħol u f'liema lokalitajiet? X'passi ttieħdu kontra s-sidien li impjegawhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fix-xahar ta' Ġunju nqabdu tmienja (8), f'Lulju nqabdu hamsa (5) u f'Awissu nqabdu erba' (4) żagħżagħ taħt l-eta' ta' 16-il sena.
Dawn inqabdu f'diversi postijiet tax-xogħol:
ĠUNJU
1 f'aġenzija ta' xorb - Sliema
1 ġewwa garaxx - San Gwann
1 f'kiosk tal-ġelati - Paceville
1 f'ristorant - Sliema
1 ma' kumpanija ta' l-indafa - Naxxar
1 f'ħanut ta' laħam - Paola
1 ma' kumpanija ta' tekniċi - Ta' Xbiex
1 f'ħanut tal-ħwejjeġ - Valletta
LULJU
1 f'xogħol ta' kostruzzjoni - Ricasoli
1 f'ħanut tal-merċa - Qormi
1 ma' kumpanija ta' l-indafa - B'Buġia
2 ġewwa lukanda - Għajn Tuffieħa
AWISSU
1 f'xogħol ta' kostruzzjoni - Luqa
1 f'ħanut tax-xorb - Baħar iċ-Ċagħaq
1 f'ħanut tal-merċa - Qormi
1 ġewwa lukanda - Bugibba
Ser jittieħdu passi legali kontra l-imgħallem.
4.10.99
Jista'l-Ministru jagħti n-numru ta' nies li hemm fil-Korp tal-Pulizija bħalissa? Jista' jgħid kif inhuma mqassma f'ranks? Kemm hemm nisa? Kemm fil-fatt għandu jkun hemm membri tal-Korp f'kull grad? Issa li għaddew ħafna xhur minn meta l-Ministru wiegħed li se jinħatru supretendenti biex jimlew il-vakanzi li hemm u dawn ma sarux, jista' jagħti ħjiel jekk dawn hux se jsiru qabel l-aħħar ta' Diċembru? Hemm xi ħsieb li r-rank ta' maġġur jispiċċa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fit-23 ta' Settembru 1999, in-numru totali ta' membri fil-Korp tal-Pulizija kien ta' 1,738 u kienu mqassma kif ġej :
Kummissarju 1
Deputat Kummissarju 1
Assistenti Kummissarji 7
Supretendenti 9
Spetturi 89
Surġenti Maġġuri 4
Surġenti 285
Kuntistabbli 1,342
Minn dawn hemm 11-il spettur, 26 surġent u 154 kuntistabbli li huma nisa. Dwar il-ħatra ta' Supretendenti, huwa maħsub li dawn il-vakanzi jimtlew wara li jiġu valutati l-ħtiġijiet tal-Korp tal-Pulizija u l-esiġenzi tas-servizz in ġenerali. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija għad m'hemmx deċiżjoni.
04.10.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li se jdaħħal flus il-gvern/id-Dipartiment tal-VAT mill-VAT miġbura minn fuq l-isports?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kif diġa kelli l-okkażjoni inwieġeb għall-Mistoqsijiet Parlamentari preċidenti Numru 7869, 7975, 8064 u 8136, il-provvista minn organizzazzjonijiet li ma jagħmlux proffit taż dawk is-servizzi li għandhom x jaqsmu ma rikreazzjoni sportiva jew fiżika huma eżenti bla kreditu. Iżda jekk l-istess organizzazzjonijiet jipprovdu servizzi u\jew prodotti taxxabli bi ħlas, dawk l-organizzazzjonijiet ikunu obbligati li jiġbru t-taxxa dovuta skond il-liġi. Mhux neċessarjament li dawn is-servizzi u\jew prodotti taxxabli jkunu marbuta ma l-isports. Din is-sitwazzjoni tapplika l-istess kemm taħt l-Att tal-1994 u l-Att tal-1998 dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, u kemm taħt l-Att tal-1997 dwar it-Taxxa tad-Dwana u tas-Sisa mingħajr ebda distinzjoni bejn organizzazjoni u oħra.
Rigward l-istima ta dħul minn organizzazzjonijiet bħal dawn, inżid ngħid li l-ammont ta taxxa li tinġabar minn persuni reġistrati mad-Dipartiment tal-VAT u li jipprovdu servizzi u\jew prodotti taxxabbli bi ħlas ikun magħruf meta dawn il-persuni reġistrati jibagħtu d-denunzji tat-taxxa tagħhom lid-Dipartiment. Dawn id-denunzji tat-taxxa ma jiddistigwux bejn attivitajiet taxxabbli individwali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' l-Board Sport for All minn wara l-15 ta' April, 1999 sal-lum? Meta saru dawn il-laqgħat u fiex wasal il-policy document li dan il-bord ġie mitlub li jagħmel? Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie allokat fondi dan il-bord u jekk il-membri tiegħu jeħdux xi ħlas?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kumitat 'Sports Għal Kulħadd' (Sports for All Committee) s'issa ltaqa' 16-il darba: darba f'April, darbtejn f'Mejju, erba' darbiet f'Ġunju, sitt darbiet f'Lulju, u tliet darbiet f'Awissu 1999. Barraminhekk, fil-weekend ta' bejn 20 u 22 ta' Awissu tnieda programm ta' beach volley u attivitajiet oħra f'Golden Bay, Għajn Tuffieħa.
Dwar il-policy document tħejja abbozz ta' politika li jeħtieġ ikun mirqum. Kif dan ix-xogħol jitlesta il-policy document jingħata pubbliċita` neċessarja anke permezz ta' attivitajiet bħal seminars.
S'issa ma ġiet allokata ebda somma lil dan il-Bord. Il-membri tal-Bord qegħdin jingħataw remunerazzjoni.
Peress li l-business plans għat-tliet snin li ġejjin, inkluż din is-sena, diġa' ġew mitluba mill-finanzi, jista' l-Ministru jgħid minn fejn se jiġu l-finanzi għaċ-ċentri sportivi li l-gvern qal li se jibni? Kemm se tkun is-somma vvutata kull sena għal dawn iċ-ċentri? Jista' l-Ministru jgħid ukoll min kienu t-tliet persuni li tqabbdu jagħmlu rapport fuq dawn iċ-ċentri u kemm tħallsu? Jista' jpoġġi kopja ta' dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kumitat li tqabbad sabiex iħejji rapport preliminari fuq il-bini ta' dawn it-tliet ċentri kien kompost minn dawn il-persuni: Pippo Psaila bħala Chairperson u Joe Cassar (Kunsill Malti għall-iSport), Louis Borg (Universita` ta' Malta), Joe Cassar (Kumitat Olimpiku Malti), Joe Psaila (E.O. Sport), membri, u Tanya Zahra, Segretarja.
Il-ħidma ta' dan il-kumitat kienet fuq bażi voluntarja u għaldaqstant ma kinitx tinvolvi spiża. Peress li r-rapport hu voluminuż ħafna mhux opportun li jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-finanzi li l-Gvern alloka għal dan il-proġett jibdew jidhru fl-Estimi konċernati wara l-approvazzjoni meħtieġa tal-Ministeru tal-Finanzi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus għall-ikla li saret f'Lichtenstein għall-bid ta' Malta sabiex torganizza l-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar fis-sena 2003? Kien hemm xi spejjeż oħra li ġew imħallsa mill-gvern, apparti l-għotja lill-Kumitat Olimpiku Malti? Jekk iva, kemm kienet is-somma u fuq xiex ġew minfuqa?
Response (GALEA, LOUIS)
Għall-ewwel parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 7559 mgħotija f'Seduta 117. Għat-tieni parti tal-Mistoqsija, it-tweġiba hija fin-negattiv.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex inbidlu l-pjanti tal-laboratorju tal-kumpless tal-Pixxina Nazzjonali? Min għamel dan it-tibdil u kemm tħallas?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma nifhimx eżatt għal liema pjanti speċifiċi qiegħed jirreferi l-Onor. Interpellant. Nassumi li dawn għandhom x'jaqsmu mal-Laboratorju Dijanostiku li huwa ppjanat li jitwaqqaf fil-West Block tal-Pixxina Nazzjonali fil-futur qrib. Ma jirriżultalix li f'dan ir-rigward kien hemm xi pjanti oriġinali, anqas u anqas li dawn ġew mibdula.
Il-pjanti eżistenti rilevanti għall-imsemmi proġett huma dawk imħejjija riċentement mill-perit tat-Taqsima tax-Xogħlijiet assenjat ma' dan is-Segretarjat. Ma kienx hemm spejjeż għal dan is-servizz.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-attivitajiet li fihom huma nvoluti l-għaqdiet sportivi fejn għandha tinġabar it-taxxa tal-VAT?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll fil-laqgħa li kien hemm mal-Ministru tal-Finanzi liema sport ġie msemmi?
Response (GALEA, LOUIS)
Nissuġerixxi lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat. Nissuġerixxi jirreferi wkoll għat-tweġibiet relevanti mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 7868, 8615 u 8820.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-ETC għamlitx xi studju dwar il-prospetti ta' xogħol kemm-il darba Malta ssir membru ta' l-Unjoni Ewropea? Jekk iva, jista' jpoġġi dan l-istudju/rapport/working paper fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Korporazzjoni Għax-Xogħol u Taħriġ twaqqfet bil-għan li tipprovdi servizzi indirizzati lejn dawk li qegħdin ifittxu x-xogħol billi tħarreġ fejn ikun hemm il-bżonn ta' taħriġ u billi tidentifika l-opportunitajiet tax-xogħol adattati għal dawk li jkunu jridu jaħdmu jew inkella jkunu jridu jbiddlu x-xogħol tagħhom.
Biex dawn l-għanijiet jintlaħqu, l-ETC żżomm kuntatt kontinwu mal-imsieħba soċjali biex flimkien magħhom tidentifika l-bżonnijiet preżenti u futuri ta' l-ekonomija Maltija. Fil-fatt, l-imsieħba soċjali huma rappreżentati fuq il-Bord tal-ETC stess.
L-ETC għandha l-istrutturi interni tagħha stess li jippermettulha tanaliżża l-qagħda fil-qasam tax-xogħol f'pajjiżna u tidentifika x-xejriet li jkunu qiegħdin jirriżultaw. Id-deċiżjonijiet jittieħdu skond x'jirriżulta minn din l-analiżi u mid-domanda fis-suq tax-xogħol.
Għalhekk, din ma tistax tkun kwistjoni ta' rapport wieħed li janaliżża l-prospetti tax-xogħol meta Malta ssir membru ta' "l-Unjoni Ewropea, iżda hi kwistjoni ferm aktar fonda u dettaljata minn daqshekk, anke għaliex pajjiżna qiegħed jiffaċċja r-realtajiet ta' l-iżviluppi teknologiċi li qedgħdin jġibu magħhom tibdiliet kbar.
M'hemmx dubju li s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea ġġib magħha opportunitajiet kbar għal pajjiżna. Dwar dan, jaqblu wkoll diversi Korpi Kostitwiti kif stqarrew pubblikament f'numru ta' okkażjonijiet tul is-snin li għaddew. L-isfida hi li jkollna ħaddiema mħarrġa biżżejjed biex jaħtfu dawn l-opportunitajiet. Huwa proprju għalhekk, li l-ETC qiegħda taħdem fil-viċin ħafna mal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni biex pajjiżna jkollu ħaddiema preparati speċjalment fil-qasam vokazzjonali.
28.09.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li attendew nies għall-attivita' li nżammet f'Ta' Qali fis-6 ta' Ġunju, 1999? Kemm kien hemm pulizija waqt l-istess attivita'? X'miżuri ta' sigurta' ġew meħuda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fl-attivita` li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant hu stmat li attendew madwar 4,000 persuna.
In-numru ta' pulizija u l-miżuri ta' sigurta` meħuda kienu adekwati u kif jirrekjedu tali attivitajiet.
28.09.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se tiġi mwettqa l-wegħda elettorali tal-Partit Nazzjonalista li s-CSAs ma jibqgħux jiġu kkonsidrati bħala self-employed imma jiġu kkonsidrati bħala part-time employees?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-wegħda elettorali tal-Partit Nazzjonalista li s-CSAs jiġu kkunsidrati bħala impjegati part-time tiġi mwettqa fil-mument opportun u għal dan il-għan qegħdin isiru l-preparamenti meħtieġa.
28.09.99
Membri Parlamentari Laburista — Ittappjar ta' telephone
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk, minn Settembru 1998 sal-lum, approvax l-ittappjar ta' telephones, personali tad-dar jew ta' l-uffiċċju, ta' Membru Parlamentari Laburista?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
M’ghandi xejn x’inzid mat-Twegiba moghtija ghall-Mistoqsija Parlamentari Numru 8273 fis-Seduta Numru 129.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru transfers fiċ-Ċivil minn Settembru, 1998 sal-lum, xahar b'xahar, u f'liema kategoriji kienu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra żewġ skedi li juru t-transfers, li saru xahar b'xahar, minn Settembru 1998 sal-5 ta' Lulju 1999. It-total ta' dawn it-transfers kien ta' 797.
Dawn it-transfers huma maqsumin kif ġej:
236 impjegat li ġew trasferiti minn jew għas-Segretarjati Privati ta' Ministri jew Segretarji Parlamentari wara l-bidla fil-Gvern ta' Settembru, 1998;
224 impjegat li ġew trasferiti fl-istess Ministeru bl-awtoriżżazzjoni tas-Segretarju Permanenti rispettiv;
337 impjegat li ġew trasferiti minn Ministeru għal ieħor bl-approvazzjoni tal-Management and Personnel Office tal-Uffiċċju tiegħi.
Minn dawn it-337 transfer ta' l-aħħar:
31 kienu ta' Uffiċjali Pubbliċi li qed jagħmlu xogħol ta' Segretarji fil-Kunsilli Lokali u li ġew trasferiti mid-Dipartiment sostantiv tagħhom għal dak responsabbli mill-Kunsilli Lokali;
25 huma skrivani li ntbagħtu Għawdex, bħala parti mill-inizjattiva biex is-sezzjoni tax-Short Term Benefits tad-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali tiċi trasferita għal Għawdex.
Irrid ngħid ukoll li, minn barra numru zgħir ta' eċċezzjonijiet, it-transfers li saru bl-approvazzjoni tal-Management and Personnel Office saru fuq talba ta' l-individwu bi ftehim bejn id-Dipartimenti konċernati. It-transfers l-oħra saru għall-esiġenzi tas-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 8607?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li bejn Settembru 1998 u Lulju 1999 għalqu erba' fabbriki mqassmin hekk waħda f'Jannar 1999, waħda f'Marzu 1999, waħda f'April 1999 u oħra f'Mejju 1999.
Matul l-istess perjodu fetħu sitt fabbriki mqassmin kif ġej waħda f'Settembru 1998, waħda f'Novembru 1998, tnejn f'Jannar 1999 u waħda f'April 1999.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi studju jew ħsieb dwar bini ta' mpjanti oħra bħal dak ta' Sant'Antnin jew inkella li l-istess impjant jiġi mkabbar?
Jekk iva, jista' jgħid fejn se jiġu mibnija u meta u fil-każ tat-tkabbir ta' l-impjant ta' Sant'Antnin meta se ssir dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ma hemm l-ebda ħsieb li jitkabbar l-impjant ta' Sant'Antnin.
Deċiżjoni dwar bini ta' mpjanti oħra tittieħed fl-isfond tal-pjan komprensiv dwar l-immanniġġjar ta' l-iskart li hu maħsub li jitħejja sa l-aħħar ta' din is-sena.