B'riferenza għat-tweġiba mogħtija mill-Ministru tal-Finanzi għall-mistoqsija parlamentari numru 9350, jista' l-Ministru jgħid kif intnefqu l-Lm140,000 mill-lotterija presto li għadda l-Ministeru tal-Finanzi għal dak ta' l-isports?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li nkun nista' ngħaddi l-informazzjoni mitluba fi tmiem is-sena finanzjarja kurrenti.
Tista' l-Ministru tgħid mill-vot kapitali 24 (Youth & Sport - Expenditure for Gozo) kemm intnefqu flus u kif intnefqu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Naħseb li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għall-flus li intefqu taħt item 25 tal-Vot Kapitali Nru XII tal-Ministeru għal Għawdex li jirrigwardja faċilitajiet sportivi. S'issa l-ispiża taħt dan l-item tammonta għal Lm7118.72. Minn dan l-ammont Lm327.58 intefqu fuq ix-Shooting Range fiż-Żebbuġ, Lm160 fuq il-pitch tal-boċċi f'Marsalforn, Lm399.05 intefqu sabiex tinbidel is-sistema tal-floodlighting fiċ-Ċentru Sportiv, Lm2300 intefqu sabiex jinxtraw planki għall-ground tal-football fix-Xewkija, Lm1733.09 intefqu fuq il-Korsa ta' Xħajma, Lm199 fuq il-Gozo Stadium filwaqt li Lm2000 intefqu f'pagi.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 9333, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma "dawn l-opportunitajiet kbar għal pajjiżna", kif ukoll b'mod konkret x'inhi tagħmel l-ETC mal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ETC qiegħda taħdem fil-viċin mad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni biex:
* Jiżdiedu l-opportunitajiet t'apprendistat billi jiġu ntrodotti apprendistati f'oqsma mhux tekniċi;
* Jiġu mħajjra aktar żagħżagħ biex jidħlu f'apprendistat speċjalment tfajliet,
* Il-guidance teachers jiġu nfurmati dwar "labour market" u mbagħad jgħaddu l-informazzjoni lill-istudenti;
* Jinħolqu programmi ta' taħriġ alternattivi għal dawk iż-żgħażagħ li spiċċaw l-iskola tas-snajja iżda ma daħlux f'apprendistat;
* Jiġi żviluppat qafas nazzjonali għall-iżvilupp ta' "standards" ta' kompetenzi nazzjonali. Dan iwassal biex persuna jkollha dritt li toqgħod għal eżami ta' kompetenza u jekk tgħaddi, tingħata ċertifikat li jikkonferma dan. B'hekk dawk il-persuni li kisbu ħiliet fuq il-post tax-xogħol ikollhom l-opportunita' li jieħdu ċertifikat ta' kompetenza.
Jista' l-Ministru jgħid x'hemm ta' natura kummerċjali billi jgħid jekk saritx investigazzjoni fuq ix-xiri ta' l-ajruplan RJ 70's? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk hux fl-interess tal-poplu li jkun jaf anke r-riżultat ta' din l-investigazzjoni, jekk saret x'investigazzjoni, ladarba l-Air Malta hija kumpannija tal-poplu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ma għandi xejn xi ngħid mat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet preċedenti dwar dan is-suġġett.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li se jibda x-xogħol fuq iċ-Ċentru Sportiv li se jinbena quddiem il-kulleġġ De la Salle? X'passi se jittieħdu biex dan il-kulleġġ u dak ta' St Edward's kif ukoll l-iskola Despott (magħrufa bħala Verdala) ma jiġux affetwati minn trabijiet u xogħlijiet oħra u b'hekk tiġi protetta is-saħħa ta'eluf ta' studenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba preċedenti għall-Mistoqsija Parlametnari Numru 9407 mogħtija f'Seduta Numru 146.
Informat li l-miżuri ta' sigurta` u protezzjoni ta' l-istudenti ta' l-iskejjel minn xi inkonvenjenti li jistgħu jirriżultaw mill-proġett indikat ikunu dawk li normalment huma assoċjati ma' proġetti ta' din l-entita`, anke permezz ta' kundizzjonijiet imposti mill-Awtorita` ta' l-Ippjanar u awtoritajiet kompetenti oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk din is-sena twaqqfitx unit fid-diviżjoni ta' l-Edukazzjoni biex torganizza u tieħu ħsieb għawm fix-xitwa fil-Pixxina Nazzjonali kif kien isir qabel? Jekk fl-affermattiv, x'kampanja qed issir dwar dan fl-iskejjel? Jekk le, għaliex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din is-sena, għadha s'issa ma twaqqfitx Unit tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni biex torganizza l-għawm fil-Pixxina Nazzjonali, iżda qegħda tittieħed azzjoni meħtieġa biex is-Swimming Unit titwaqqaf fuq bażi permanenti.
Informat li matul is-sena skolastika 1997-1998 kienet twaqqfet Swimming Unit, li kienet tikkonsisti f'Koordinatur u sitt għalliema.
Il-Koordinatur kien Mr Alfred Cachia (Headmaster) u sitt għalliema li kienu lkoll għadhom kif iggradwaw B.Ed (P.E. Mains) mill-Universita` ta' Malta.
Jista' l-Ministru jgħid fid-dawl tat-tneħħija ta' Tony Meilaq minn Chairman tal-Maltacom u l-proċess ta' liberalizzazzjoni, x'inhuma t-timeframes tal-gvern biex issseħħ il-liberalizzazzjoni?
Jikkonferma li l-gvern beħsiebu jibda jilliberalizza ċerti servizzi tal-Maltacom, fosthom l-Internet, qabel is-sena 2003?
Hemm xi ħsieb li l-gvern ineħħi l-monopolju tal-Maltacom fil-qasam tat-telefonija? Jekk iva, meta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Bħal ma wieħed jista' jara li qed jiġri kważi f'kull pajjiż ieħor; il-Gvern qiegħed iħares lejn il-liberalizzazzjoni fis-settur tat-telekommunikazzjoni bħal żvilupp importanti ħafna għall-bqija tal-ekonomija fejn ħafna mill-attivita ekonomika illum tiddependi minn aċċess għal mezzi moderni ta' telekommunikazzjoni.
Kif diġa stqarr iktar minn darba, il-Gvern qed iħares lejn is-servizz
ta' telefon ċellulari (mobile phone) bħala l-ewwel servizz ta' telekomunikazzjoni li ser jiġi lliberalizzat. Inizjalment dan ser issir billi jinħoloq spazju għal żewġ operaturi, il-Vodafone u il-Mobile, sussidjarja tal-Maltaocm. Dan għandu jseħħ diġa mis-sena li ġejja.
Kif diġa tħabbar ukoll, il-Gvern qiegħed bħalissa iħares b'mod wiesgħa lejn is-settur tat-telekommunikazzjoni sabiex ifassal strateġija globali għall-liberallizzazzjoni ta' dan is-settur.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir xogħol mid-Dipartiment tad-Drenaġġ fi Triq l-Isqof Galea, fiż-Żejtun minħabba l-urġenza marbuta ma' skadenzi oħra?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-offerta biex isir ix-xogħol ta' tħaffir tad-drenaġġ fi Triq l-Isqof Galea, Żejtun infetħet. Dan huwa WD 973/98. Wara li din tiġi ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern, jintgħażel il-kuntrattur u jkun jista' jibda x-xogħol.
Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Promozzjoni lil handyman
Question
Jista' l-Ministru jara jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament jingħata promozzjoni minħabba li ilu jagħmel xogħol ta' handyman żmien twil minkejja li fil-preżent mhux ix-xogħol tiegħu skond l-iskala li għandu llum?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-persuna ndikata, diġa' għandha 'appointment' ta' General Hand u preżentament qegħdha fuq il-massimu ta' skala 18.
Promozzjonijiet fis-Servizz Ċivili jingħataw wara li tkun ġiet ippubblikata sejħa għall-applikazzjonijiet. Naturalment meta jkun hemm sejħiet għall-applikazzjonijiet, għall-Operatives jew Tradesmen, l-individwu kkonċernat ikun jista' japplika dejjem jekk huwa eliġibbli u għandu l-kwalifiki meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid, dejjem fid-diskrezzjoni u r-rispett tal-qorti, fiex waslet l-inkjesta li kienet bdiet dwar għoti ta' eluf ta' liri lil club tal-waterpolo ta' San Ġiljan in konnessjoni mal-pitch li eventwalment baqa' ma sarx?
Response (GATT, AUSTIN)
L-inkjesta li ghaliha qed jirreferi l-Onor. Interpellant ma saritx minn dan il-Ministeru.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex Maltin li jaħdmu f'Għawdex ma jiġux trattati bl-istess mod li ġustament issir ma' ħaddiema Għawdxin li jaħdmu f'Malta, fir-rigward tan-noll tal-vapur tal-Gozo Channel?
Hemm ħsieb li din l-inġustizzja ma' ħaddiema li jkollhom jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer, tispiċċa?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li sa Jannar ta' l-1997 il-ħaddiema Maltin li kienu jaħdmu f'Għawdex fuq xogħol 'full time' kellhom pass speċjali - Workers' Pass - u li kien jintitulhom iħallsu l-istess noll bħall-Għawdxin. Dan il-pass kien tneħħa matul l-istess sena.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ta' min jgħid li l-inġustizzja ma' dawn il-ħaddiema kienet saret meta l-amministrazzjoni preċedenti mhux biss irtiratilhom dan il-pass speċjali, iżda għabbiethom bil-piż ta' noll iebes ħafna għall-bwiethom.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 9345, jista'l-Ministru jgħid kemm hija r-remunerazzjoni ta' kull membru li jifforma parti mill-kumitat Sports for All?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li r-remunerazzjoni tal-membri tal-Kumitat Sports for All hija ta' Lm6 għal kull sassjoni, filwaqt li taċ-Chairman hi ta' Lm8.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema dipartiment jew entita' fi ħdan il-gvern hija responsabbli mill-website uffiċjali tal-Gvern Malti li tinsab fuq http://www.magnet.mt? Kemm hemm impjegati jieħdu ħsieb direttament din il-website? Min hu responsabbli għad-domain magnet.mt li jintuża mill-Gvern Malti għall-paġna u n-network tiegħu? Veru jew mhux veru li kien hemm rapporti fil-mezzi tax-xandir li l-website uffiċjali tal-Gvern Malti kienet ikkupjata illegalment mill-website uffiċjali tal-Gvern Ingliż? Ġie nvestigat il-każ? X'kien ir-riżultat ta' din l-investigazzjoni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Id-Dipartiment ta' l-Informazzjoni huwa responsabbli għal Website uffiċjali tal-Gvern li hija l-MAGNET Internet Service.
Impjegat wieħed biss hemm li jieħu ħsieb din il-website. Hemm ukoll impjegati oħra f'diversi dipartimenti u aġenziji tal-Gvern li jieħdu ħsieb is-sites rispettivi tagħhom fuq il-MAGNET Internet Service.
MITTS Ltd hija responsabbli għad-domain tal-MAGNET.mt.
Ninsab infurmat li kien hemm rapport fil-meżżi tax-xandir li allega li l-website uffiċjali tal-Gvern Malti kienet ikkupjata.
Ninsab infurmat li d-Direttur tad-DOI talab spjegazzjoni mingħand l-Uffiċjal li jieħu ħsieb il-website u jirriżulta li s-similarita bejn l-Organisational Index tal-MAGNET Internet Service u dik tas-Central Computer and Telecommunications Agency (CCTA) hi komuni ma' ħafna websites oħra.
Intalab permess, li fil-fatt ingħata, mis-Central Computer and Telecommunications Agency (CCTA) ta' l-Ingilterra biex l-ikona tal-Government Information Service tiġi esibita fis-site tal-MAGNET.
Fid-dawl tat-tibdil li qed isir fil-qasam tat-telekommunikazzjoni minħabba l-liberalizzazzjoni, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li l-Uffiċċju tar-Regolatur tat-Telekommunikazzjoni jiġi msaħħaħ? Jekk iva, kif u meta se jiġri dan?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li għalkemm l-Uffiċċju tar-Regolatur qiegħed jinqeda mir-riżorsi umani tad-Dipartiment tat-Telegrafija mingħajr Fili, qegħdin isiru sforzi biex l-Uffiċċju tar-Regolatur jissaħħaħ iżjed biex ikun jista` jilqa` aħjar għal l-iżviluppi liberi li mistennija jseħħu f'dan is-settur.
Jista'l-Ministru jgħid jekk il-kwestjoni tal-Melita Cable u l-pjani tagħha li tipprovdi servizz ta' l-Internet fuq il-cable qattx ġiet diskussa fuq livell ta' Kabinett? Jikkonferma l-Ministru li l-gvern beħsiebu jneħħi l-monopolju tal-Melita Cable fil-proċess tal-liberalizzazzjoni fil-qasam tat-telekommunikazzjoni?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-Onorevoli Membru għandu japprezza li dak li jiġi diskus fil-Kabinett hu ta' natura kunfidenzjali.
Jista' l-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm priġunieri fit-taqsima taż-żgħażagħ fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? X'inhuma l-etajiet tagħhom? Hemm barranin miżmuma? Minn fejn?
X'inhu jiġi mgħallem lil dawn iż-żgħażagħ biex ikunu jistgħu jippreparaw għall-futur meta joħorġu mill-ħabs?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
07.10.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm sar xogħol (fi flus) ta' manutenzjoni fuq impjanti sportivi fl-iskejjel matul din is-sena finanzjarja? F'liema skejjel sar dan ix-xogħol u fiex kien jikkonsisti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'din is-sena saret ħidma sfiqa fuq żewġ proġetti, (1) wieħed għar-riabilitazzjoni ta' faċilitajiet sportivi fl-Iskola tal-Junior Lyceum Maria Reġina, Blata l-Bajda u ieħor (2) għat-tisħiħ ta' faċilitajiet sportivi fl-iskola tal-Junior Lceum San Ġużepp, Corradino. F'dan ta' l-aħħar sar xogħl fuq il-bini ta' athletics track madwar il-football ground eżistenti.
Dawn il-proġetti huma stmati li jiswew mal-LM35000. Partijiet minnhom mistennija jkunu lesti sa' l-aħħar ta' din is-sena.