Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #10576 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Finanzi

Bank Ċentrali — Gvernatur

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba siefer il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali preżenti mill-ħatra tiegħu sal-lum? X'kienet in-natura ta' kull safra?

Response (DALLI, JOHN)

Mill-ħatra tiegħu sal-lum, il-Gvernatur preżenti tal-Bank Ċentrali siefer darba. In-natura tas-safra kienet personali.
Leg 9 PQ #10667 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ajruplani RJ70

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 9334, jista' l-Ministru jgħid x'hemm kummerċjali billi jgħid jekk saritx jew le inkjesta dwar ix-xiri ta' ajruplani RJ70's?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nixtieq infakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-ajruplani msemmija fil-mistoqsija tiegħu kienu nxtraw qabel l-1996. Naħseb li kieku l-materja ma kienitx waħda ta' natura kummerċjali, l-Gvern Laburista ta' bejn l-1996 u l-1998 kien ikollu ċ-ċans kollu li jippubblika kull informazzjoni dwar is-suġġett.
Leg 9 PQ #10668 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Tarxien — Hompesch Steel Co. Ltd

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6006 (Seduta Nru.83), jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi dwar il-possibbilta' li l-Hompesch Steel Co. Ltd tiġi trasferita? Jista' l-Ministru jgħid jekk waslux l-ministeru jew f'xi dipartiment jew entita' oħra li tinsab fid-dekasteru tiegħu, ilmenti dwar din l-istess kumpannija?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ma għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 6006 li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #10669 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Permessi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm permessi maħruġa mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar, sabiex persuni jaħdmu ta' mechanics fi Triq id-Dulliegħ, Żejtun?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Awtorita` ta' l-Ippjanar ma ħarġet l-ebda permess biex persuni jaħdmu ta' mechanics fi Triq id-Dulliegħ, Żejtun. 25.10.99
Leg 9 PQ #10670 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Interim From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Żejtun - Triq id-Dulliegħ

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 8610, jista'l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu minn dak iż-żmien 'il hawn mill-Awtorita'ta'l-Ippjanar dwar iż-żewġ każijiet msemmija?

Response (BORG, TONIO)

Tweġiba tingħata f`xi Seduta oħra. 25.10.99
Leg 9 PQ #10489 Sitting 160 1999-10-19 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

PSC — Pulizija mressqa

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 9869 lill-Ministru ta' l-Intern: Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex qed jittieħed tant żmien mill-Kummissjoni għas-Servizzi Pubbliċi biex jiġu deċiżi każi ta' dixxiplina? Japprezza l-Prim Ministru li hemm każ ta' spettur tal-pulziija li ilu għaddej sentejn u ieħor aktar minn sena? Japprezza l-Prim Ministru li għalkemm huwa minnu li trid tinġabar l-evidenza kollha u evalwata sewwa xorta mhux fl-interess tal-persuna konċernata u lanqas fl-interess tal-Korp tal-Pulizija li l-każi jdumu żmien eżaġerat?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Kif indika l-Ministru ta' l-Intern fir-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 9869, bħalissa hemm każi ta' Spettur, żewġ Surġenti tal-Pulizija u Kuntistabbli li nbdew iżjed minn sena ilu u għadhom pendenti quddiem il-Bord tad-Dixxiplina. Ir-raġunijiet għal dan huma: l-iSpettur għandu każ pendenti quddiem il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni liema każ huwa relatat mal-każ tad-dixxiplina tiegħu; fil-każ ta' wieħed mis-Surġenti, ix-xhud prinċipali għaddej proċeduri kriminali li huma relatati mal-każ tad-dixxiplina; iż-żewġ uffiċjali l-oħra, jiġifieri s-Surġent u l-Kuntistabbli qed jiġu ttrattati flimkien għax huma nvoluti fl-istess każ. Il-każ tal-Kuntistabbli wasal fl-istadju finali u tas-Surgent huwa fi stadju avvanżat u jiddependi fuq il-konkluzjoni tal-każ tal-kuntistabbli.
Leg 9 PQ #10490 Sitting 160 1999-10-19 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Għases - Manutenzjoni

Question

Nirreferi lill-Ministru għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 9602. Jekk ma jinżammux dettalji separati dwar flus minfuqa speċifikament fuq manutenzjoni għall-għases, jista' l-Ministru jgħidilna kif jista' jsir kontroll fuq il-flus minfuqa fuq materjal li jintuża u jkun żgurat li ma jkunx hemm abbużi? Min hu responsabbli fil-Korp tal-Pulizija biex jara li l-infiq fuq manutenzjoni ta' għases ikun sar sewwa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li għalkemm ma jinżammux dettalji separati dwar flus minfuqa speċifikament fuq manutenzjoni għall-Għases, fl-Uffiċċju tal-Quartermaster jinżammu records ta' kull requisition u ħruġ ta` materjal u/jew provvisti oħra relatati ma' dan ix-xogħol. Billi dawn ir-records ma jinżammux taħt forma kompjuterizzata, biex tinġabar l-informazzjoni mitluba jrid isir eżami manwali tar-records li jinħtieġ ħafna żmien u riżorsi. Ma jidhirlix li l-użu ta' dan iż-żmien u riżorsi biex isir eżami msemmi hu ġustifikat. Ninsab infurmat ukoll li l-Korp tal-Pulizija għandu uffiċċjal inkarigat mit-Taqsima tas-Snajja li huwa responsabbli biex jara li x-xogħol kollu ta' dan it-tip ikun sar sewwa. 19.10.99 (p.m.)
Leg 9 PQ #10491 Sitting 160 1999-10-19 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Tal-Qroqq — Pixxina Nazzjonali

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 9599, jista' l-Ministru jelenka min kienu l-esperti barranin li saru laqgħat magħhom dwar dome jew xi forma ta' saqaf fil-pixxina nazzjonali? Meta saru dawn il-laqgħat? Min kien preżenti min-naħa Maltija f'kull laqgħa?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra
Leg 9 PQ #10492 Sitting 160 1999-10-19 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

PSC — Pulizija mressqa

Question

Jikkonferma l-Ministru li waħda mir-raġunijiet - jekk mhux dik prinċipali - li għadhom ma ġewx appuntati supritendenti ġodda fil-Korp tal-Pulziija huwa għaliex l-awtoritajiet qed jistennew l-eżitu ta' passi dixxiplinari kontra xi spetturi, kif elenkat fil-mistoqsija parlamentari numru 9869?

Response (BORG, TONIO)

M'għandi xejn xi nżid mat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 9597 dwar dan is-suġġett. 19.10.99 (p.m.)
Leg 9 PQ #10427 Sitting 159 1999-10-19 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tat-Taxxi Interni

Question

Jista' l-Ministru jgħid għad-Dipartiment tat-Taxxi Interni kif qed jiġi kkonsidrat bniedem miżżewweġ li mhux qed jgħix mal-mara tiegħu u lanqas mhu separat legalment? Għal fini tal-manteniment u l-eżenzjoni mill-income tax, kif jara lil persuna li hija separata mhux legalment, għalkemm qed tistenna sentenza mill-qorti li iżda xorta qed jiġi mġiegħel iħallas ta'ġuvni fl-istess nifs li mhux qed jaċċetta l-istess dipartiment li huwa separat? Jara l-Ministru li jista' jkun hemm xi anomaliji f'dan is-sens?

Response (DALLI, JOHN)

Persuna miżżewġa li mhux qed tgħix mal-parti l-oħra hija ntaxxata bir-rati ta` persuna waħidha. F`każ li tagħti manteniment li jkun ġie stabbilit b`digriet minn Qorti Maltija, l-ammont kollu li din il-persuna tkun qiegħda tħallas jiġi mnaqqas mill-income tagħha qabel ma tibda tinħadem it-taxxa. B`riżultat ta` emendi riċenti, persuna separata li tkun qed tmantni xi ulied, tista` taħt ċerti kundizzjonijiet tikkwalifika biex tiġi ntaxxata bir-rati ta` persuna miżżewġa.
Leg 9 PQ #10428 Sitting 159 1999-10-19 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Suġġetti obbligatorji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 8457?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qed twettaq il-verifika kollha biex jistabilixxi jekk is-suġġetti obbligatorji (i.e. l-Istudji Soċjali, l-Personal and Social Education u r-Religion) hux qed jiġu mgħallma kif stipulat fil-Kurrikulu Minimu Nazzjonali fl-iskejjel kollha. L-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti mhumiex marbutin li jaħdmu bl-istess ammont ta' ħin kif hemm fl-iskejjel ta' l-Istat. Informat ukoll li (1) it-tagħlim ta' l-Istudji Soċjali li jwassal għas-SEC mhux obbligatorju imma kkunsidrat bħala "option" (2) il-PSE fl-iskejjel ta' l-Istat jingħata żewġ lezzjonijiet fil-ġimgħa, i.e. Siegħa u nofs. Ir-regolamenti dwar suġġetti obbligatorji huma hemm għal kulħadd u kulħadd għandu jimxi magħhom. Il-P.S.E. mhux obbligatorju fil-Forms kollha, u anqas ma hu marbut ma' eżami. Fil-fatt jiġi mgħallem fil-Forms I u II fil-Junior Lyceums, fil-Forms I, II u III fl-iskejjel sekondarji u fil-Forms kollha fl-iskejjel sekondarji oħra (eż. Opportunity Centres). Fit-Trade Schools dan is-suġġett mhux mgħallem. Il-verifika li qed twettaq id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qed issir a bażi ta' "returns" li jibgħatu l-iskejjel kollha lid-Diviżjoni. Meta tkun saret il-verifika, inkun nista' nagħti t-tagħrif dettaljat. Jekk l-Onor. Membru jaf b'xi skejjel privati li mhux qed jgħallmu s-suġġett kif suppost jista' jindikahom biex id-Diviżjoni tieħu passi.
Leg 9 PQ #10429 Sitting 159 1999-10-19 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Gozo Channel — Maltin li jaħdmu Għawdex

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 10239, jista' l-Ministru jgħid x'se jagħmel il-Gvern Nazzjonalista issa ġaladarba jinsab fil-poter hu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-Kumpanija Gozo Channel qed tikkunsidra li tintroduċi l-Frequent Traveller Fares meta tiġi ntrodotta s-sistema ta' l-Automated Ticketing. Permess ta' din is-sistema ser jibbenefikaw dawk il-persuni kollha li jaqsmu fuq bażi regolari minn u lejn Għawdex. Huwa l-ħsieb tal-Kumpanija li din is-sistema tibda titħaddem fi żmien mhux il-bogħod.
Leg 9 PQ #10466 Sitting 159 1999-10-19 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pixxina Nazzjonali — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb għall-mistoqsija parlamentari numru 9608 dwar il-każ tas-Sur Silvio Zammit vis-a-vis il-Pixxina Nazzjonali?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li d-diskussjonijiet bejn il-partijiet involuti dwar soluzzjoni għall-kawża pendenti qegħdin fi stadju avvanzat.
Leg 9 PQ #10467 Sitting 159 1999-10-19 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Coaches barranin

Question

Nirreferi l-Ministru għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 9604. Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-tlett għaqdiet sportivi li qed isiru tħejjijiet biex il-coaches barranin impjegati magħhom jagħtu servizz fl-iskejjel? F'liema dixxiplina sportivi se jgħinu? L-għajnuna se tingħata fl-iskejjel tal-gvern biss?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-tliet għaqdiet sportivi li magħhom saru tħejjijiet biex il-coaches barranin impjegati magħhom jagħtu servizz fl-iskejjel huma: Malta Table Tennis Association (M.T.T.A) Malta Amateur Athletics Association (M.A.A.A) Pembroke Athleta Juvenis Sports Club Dawn il-coaches se jgħinu fit-Table Tennis u fl-Atletika. Fil-fatt, il-coaches ta' l-M.T.T.A. u tal-Pembroke Athleta diġa' bdew jagħtu dan is-servizz, u dak ta' l-M.A.A.A. kellu jibda nhar it-Tnejn, 18 ta' Ottubru 1999. Għalissa din l-għajnuna qed tingħata fl-iskejjel ta' l-istat.
Leg 9 PQ #10340 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skola Gużeppi Despott — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol ta' twaqqigħ u bini mill-ġdid fl-iskola Gużeppi Despott jew kif inhi wkoll magħrufa bħala Skola Verdala? Xi pjani hemm biex l-istudenti jkomplu jitgħallmu x'imkien ieħor? Kemm hemm studenti u għalliema nvoluti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s'issa sar biss "Development Brief" għad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni dwar kif il-post tal-Liċeo tas-Subien fil-Verdala, Kottonera jista' jiġi żviluppat, iżda s'issa ma saru ebda pjani ulterjuri. In-numru ta' studenti fil-Junior Lyceum tal-Verdala huwa 651. In-numru ta' għalliema huwa 61, inkuż il-Kap u l-Assistenti Kapijiet.
Leg 9 PQ #10341 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tal-Ħandaq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir it-twaqqigħ u bini mill-ġdid ta' l-iskola Tal-Ħandaq? X'arranġamenti qed isiru biex meta jkun qed isir ix-xogħol, l-istudenti jkomplu l-istudji tagħhom? Kemm hemm studenti u għalliema nvoluti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-preżent konsulenti tad-Diviżjoni ta'l-Edukazzjoni qegħdin jevalwaw il-pjanti mħejjija mill-perit inkarigat mill-proġett. Għaldaqstant għadu prematur biex wieħed jgħid meta ser isir it-twaqqiegħ u l-bini mill-ġdid tal-Liċeo tas-Subien Mikiel Anton Vassalli f'Ħal Qormi. Il-pjanti mħejjija jaħsbu biex filwaqt li jkunu għaddejjin ix-xogħlijiet, l-operat ta' l-iskola jkun disturbat mill-anqas. In-numru ta' studenti fil-Liċeo Vassalli, tal-Ħandaq huwa 867. In-numru ta' għalliema huwa 83, inklużi l-Kap u tlett Assistenti Kapijiet.
Leg 9 PQ #10342 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Ambjent

Għaqdiet sportivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-għaqdiet sportivi li għandhom titlu legali fuq il-proprjeta' li jokkupaw preżentement ġewwa Manoel Island u l-Pont ta' Tigne'?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba tingħata waqt id-diskussjoni fil-Parlament fuq il-proġett ta' Manoel Island u Tigne'.
Leg 9 PQ #10343 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Assoċjazzjoni Sportiva Tigne' — Statut

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar statut ta' l-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne'?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta` l-istatut li kienet ġiet ippreżentata ma` l-applikazzjoni sabiex tiġi reġistrata l-assoċjazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant. 18.10.99

VRT — Garaxxijiet

Question

Jista' l-Ministru jelenka l-affarijiet li l-garaxxijiet liċenzjati għall-VRT suppost jaraw fil-karozzi li jitilgħu għat-test?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li jiena tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. W78.

VRT — Testijiet fuq karozzi tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru testijiet tal-VRT fuq karozzi tal-Gvern? Kemm minnhom għaddew u kemm weħlu minn dan it-test?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal risposta mogħtija għad-domanda Nru 10020.