Jista' l-Ministru jgħid mil-liema vot jew line item is-somma ta' Lm200,000 se tingħata lid-Dipartiment ta' l-Isport?
Kif ġie deċiż li s-somma tkun ta' Lm200,000?
Response (DALLI, JOHN)
Għas-sena 2000, id-Dipartiment ta` l-Isport ġie allokat Lm200,000 fil-Vot Kapitali III `Edukazzjoni` Item 15 `Faċilitajiet Sportivi`. Biex jiġi deċiż l-ammont ta` allokazzjoni, jitieħed in konsiderazzjoni l-programm ta` xogħol konness ma` din l-Item għas-sena li għaliha tirreferi l-istess allokazzjoni.
Minn barra dan l-ammont, id-Dipartiment ta` l-Isport se jibbenifika wkoll minn facilita` finanzjarja addizzjonali ta` Lm200,000 oħra pprovduti mid-Dipartiment tal-Lottu Pubbliku għall-istess għanjiet. Dan l-ammont ma jidhirx fl-Estimi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ipparteċipaw persuni f'youth exchanges bejn l-1995 sal-lum?
Fejn saru dawn il-youth exchanges u kemm intnefqu flus f'kull exchange?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid mil-liema vot jew line item is-somma ta' Lm200,000 se tingħata lid-Dipartiment ta' l-Isport?
Kif ġie deċiż li s-somma tkun ta' Lm200,000?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba għal din il-Mistoqsija tingħata f`xi tweġiba oħra.
Jista' l-Ministru jgħid mil-liema vot joħorġu Lm200,000 li ġew ivvotati mid-Dipartiment tal-Lottu lid-Dipartiment ta' l-Isports?
Kif ġie deċiż li s-somma għandha tkun ta' Lm200,000?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Membru jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-PBS qed ixxandar il-logħob taċ-Champions League fuq Channel 12 minflok kif kien isir fil-passat fuq it-TVM?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mhux korrett l-Onor. Membru meta jgħid li l-logħob qed jixxandar fuq Channel 12 flok fuq TVM. Qabel, it-telespettaturi Maltin kienu jgawdu partita waħda kull round, fuq TVM, għax dan bħala stazzjon li għandu firxa kbira ta' programmi ma setax jittrasmetti aktar minn hekk. Ix-xandir fuq Channel 12 ta ċ-ċans lill-PBS li turi partita oħra kull round u li kieku ma kienx għal Channel 12 ma kenitx tixxandar, għallinqas diretta.
Informat ukoll li għalkemm partita tixxandar fuq Channel 12, is-siltiet tal-jumejn logħob jixxandru fuq TVM.
Jista' l-Ministru jgħid x'remunerazzjoni/benefiċċji għandu/kellu l-ex segretarju parlamentari, Richard Muscat, li ddaħħal bħala konsulent fil-ministeru/segretarjat parlamentari? Kemm ilu/dam f'din il-kariga? Għadu jokkupa din il-kariga wara li ġie maħtur ambaxxatur għall-Irlanda?
Response (GALEA, LOUIS)
Is-Sur Richard Muscat ilu jokkupa l-kariga ta' Advisor p.t. b'effett mill-1 ta' Ottubru 1998 b'remunerazzjoni ta' Lm3000 fis-sena.
Jista' l-Viċi Prim Mnistru jagħti n-numru ta' persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol illum, skond is-sess, l-etajiet maqsumin f'perijodu ta' ħames snin, iż-żmien ta' kemm ilhom jirreġistraw, x'tip ta'xogħol qed jirreġistraw għalih u xi kwalifiki edukattivi għandhom, f'kull lokal f'Malta u f'Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mhux possibbli li tingħata l-informazzjoni kollha li ġiet mitluba, minħabba l-volum tax-xogħol li jrid isir. Madanakollu, qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba għax-xahar ta' Ottubru 1999.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti n-numru ta' persuni li qed jaħdmu llum, skond is-sess, l-etajiet maqsumin f'perijodu ta' ħames snin, il-grad u t-tip ta' xogħol li qed jagħmlu u l-kwalifiki edukattivi, f'kull lokal f'Malta u f'Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mhux possibbli li tingħata l-informazzjoni kollha li ġiet mitluba minħabba l-volum ta' xogħol li jrid isir. Madanakollu, qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba kif inhi illum.
B'riferenza għal-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 10818, jista' issa jgħid kemm saru offerti għall-dome fuq il-pixxina nazzjonali u minn min saru? Kemm kienet kull offerta? Il-bord tal-pixxina nazzjonali kkonsidra l-proposti tekniċi? Min huma l-esperti tekniċi li ġew/se jiġu kkonsultati dwar dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kien hemm 17-il proposta miftuħa mill-Bord tat-Tmexxija tal-Pixxina Nazzjonali fil-preżenza ta' uffiċjal mid-Dipartiment tal-Kuntratti u numru ta' partijiet interessati li ssottomettew il-proposti rispettivi tagħhom.
Għandu jinkiseb parir tekniku fuq il-proġett tal-Pixxina Nazzjonali dwar l-impatt ta' l-istrutturi proposti fuq l-istruttura eżistenti.
Informat li l-Kunsiderazzjonijiet ta' natura finanzjarja huma maħsuba li jinfetħu mid-Dipartiment tal-Kuntratti f'każ li tittieħed xi deċiżjoni aħħarija dwar it-twaqqif ta' struttura biex titgħatta l-Pixxina Nazzjonali.
Jista' l-Ministru jgħid, jekk wara l-inċident li ġara s-Sibt 20 ta' Novembru, 1999, fil-Marsa Racing Club, saritx inkjesta sabiex jaraw jekk l-inċident kienx ikkawżat minn sustanzi jew drogi li xi żiemel jew żwiemel ingħataw?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond il-judges l-inċident imsemmi kien wieħed aċċidentali, kaġunat minn ġerrej waqt it-tiġrija li qala' minn wara żiemel ieħor u kkaġuna ħabta u għaldaqstant ma nħassitx il-ħtieġa ta' inkjesta.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, u li għandu persuna b'diżabilita' fil-familja tiegħu, jistax jingħata post?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari tiegħu Nru. 10575. M'għandi xejn xi nżid fuq dak li għidtlu dakinhar, ħlief li d-dipartiment qiegħed jagħmel investigazzjonijiet dwar din l-applikazzjoni.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 10974?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li applikaw dsatax (19)-il għalliem għal post ta' kordinatur ta' l-iSwimming Promotions Unit.
Il-Bord kien magħmul mis-Sur Joe Psaila - (Education Officer) - Chairman u Ms Doris Borg - (Physical Education Coordinator) - Membru.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kondizzjonijiet li jissejjaħ Classification, Regrading and Assimilation of the Social Work Class - Social Work Support Service?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7282.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 10728, jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti ngaġġati u x'konsulenza qed jagħtu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-konsulenti mediċi mpjegati mal-Ministeru tas-Saħħa huma skond il-lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Minbarra l-konsulenti msemmija hemm ukoll, Dr. Anthony Vassallo li huwa ngaġġat mal-Ministeru tas-Saħħa fuq bażi ta` kuntratt bħala adviser jgħin fl-'iscreening' tar-regolamenti tal-EU u fit-tfassil ta` liġijiet dwar is-Saħħa.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 10869, jista' l-Ministru jgħid għaliex Triq is-Sibbien, Triq tal-Ħamrija u Triq il-Lampuka ġewwa Marsascala mhux qegħdin fil-lista ta' toroq li se jiġu rranġanti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-lista tat-toroq ġiet magħżula wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali ta' Wied il-Għajn.
Jista' l-Ministru jgħid x'ħidma wettaq u qed iwettaq fil-preżent, mit-twaqqif tiegħu sal-lum, is-South Embellishment Committee?
Minbarra s-sindki ta' tliet lokalitajiet imsemmija f'mistoqsija parlamentari numru 10826, jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri l-oħra?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol li sar mis-South Embellishment Committee fit-tliet lokalitajiet huwa dan li ġej:
MARSASCALA
----------
1. Embellishment ta' Triq is-Salini minn ħdejn il-Jerma Palace
Hotel sa Pjazza Mifsud Bonnici. Dan ix-xogħol kien jinkludi pavimentar ġdid, railings, public convenience, twaħħil ta' siġar tal-palm, cycling track u traffic lights ġodda.
2. Embellishment ta' l-area madwar it-torri ta' San Tumas.
3. Restawr ta' faċċata tat-torri ta' San Tumas.
4. Irranġar tal-ġnien ta' San Tumas.
5. Embellishment ta' l-area taż-Żonqor inkluż pavimentar ġdid,
railings, public convenience u rranġar ta' mollijiet.
6. Re-surfacing ta' numru ta' toroq (Phase 1).
7. Flood Relief systems f'numru ta' toroq partikolarment fi Triq
San Ġwakkin, fi Triq La Sengle u fi Triq Sant'Antnin.
Xogħol ġdid
-----------
8. Re-surfacing ta' numru ta' toroq f'Marsascala (Phase II).
9. Passaġġ miż-Żonqor Housing Estate għal ħdejn l-Iskola Primarja.
10. Irranġar tar-Ridott tat-Torri ta' San Tumas.
11. Embellishment tal-bajja ta' San Tumas.
12. Embellishment tal-promenade minn ħdejn il-pitch tal-waterpolo
sa ħdejn il-Knisja ta' Sant'Anna.
13. Tindif u ġarr ta' materjal minn wara l-ex-pixxina nazzjonali,
Żonqor Point.
14. Twaħħil ta' l-arbli dekorattivi tad-dawl.
MARSAXLOKK
----------
1. Upgrading ta' Xatt is-Sajjieda inkluż pavimentar ġdid, bini
ta' żewġ public conveniences u twaħħil ta' siġar tal-palm.
2. Traffic junction fi Triq iż-Żejtun, Għaxaq.
3. Embellishment tal-parti ħdejn il-Hunter's Tower.
4. Bini tal-Ko-operattiva tas-Sajd.
5. Pavimentar tal-pjazza tal-knisja. Dan ix-xogħol mistenni
jkun lest sal-bidu tas-sena d-dieħla.
6. Estenzjoni ta' Triq il-Wilġa.
7. Sistemi ta' Flood Relief fi Triq il-Wilġa, Triq ix-Xatt u
fil-pjazza tal-knisja.
Xogħol ġdid
-----------
8. Re-surfacing ta' Triq it-Trunċiera u Triq il-Kavalerrizza.
9. Re-allokazzjoni tal-football ground u l-monti tal-Ħadd u
bini ta' Bus Terminus f'Kavalerrizza Area.
B'BUĠIA
-------
1. Upgrading ta' Ġnien San Ġorġ.
2. Car park ħdejn l-Al Fresco inkluż public convenience.
3. Re-surfacing ta' numru ta' toroq fil-Qajjenza.
4. Embellishment tal-Promenade fil-Bajja ta' San Ġorġ.
5. Embellishment tal-bajja ta' Pretty Bay. Ix-xogħol ta'
pavimentar inkluż twaħħil ta' "safety material" u "play equipment" mistenni jkun lest fil-bidu tas-sena d-dieħla.
6. By-pass fi Triq it-Trunċiera u Car Park ħdejn Għar Dalam.
Dan ix-xogħol mistenni jkun lest sa Frar 2000.
7. Sistemi ta' Flood Relief f'Summit Square u fil-Bajja ta'
San Ġorġ.
Xogħol ġdid
-----------
8. Re-surfacing ta' Triq San Ġorġ.
9. Twaħħil ta' arbli dekorattivi.
Is-South Embellishment Committee huwa presedut mill-Perit Joseph Falzon u n-nies tekniċi li huma membri jinkludu Periti, District Officers u Works Managers mit-Taqsima tax-Xogħlijiet.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra stqarrija taċ-Chairman tal-MRC li hemm riferenza għaliha f'mistoqsija parlamentari numru 11153?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-iStqarrija taċ-Chairman tal-Malta Racing Club li għaliha hemm riferenza fir-Risposta għall-Mistoqsija Parlametari Numru 11153 (Seduta 180).
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta hu maħsub li ssir il-maintenance tant meħtieġa fi Blk I, Ta' Ganza, Zejtun? Jista' jgħid ukoll ta' min hi r-responsabbilta' li meta l-bozza ta' fuq il-bieb ta' barra tinqata' tiġi mibdula?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar fejn jekk jinstab li hemm xogħol ta' natura urġenti dan ser jingħata prijorita'. Sadanittant ir-responsabbilta' biex tinbidel il-bozza ta' fuq il-bieb ta' barra hija tar-residenti ta' dan il-blokk.