Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna teknika u mod ieħor se tingħata mill-Commonwealth matul din is-sena finanzjarja fit-taqsimiet ta' l-edukazzjoni, kultura u sport, separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 13079, jista' l-Ministru jgħid: (1) liema huma dawk l-iskejjel li fil-fatt saret manutenzjoni fuq l-impjanti sportivi tagħhom mindu sar l-istudju fl-1995/96; (2) għalkemm fit-tweġiba jingħad li fis-sajf ta' l-1997 il-faċilitajiet sportivi ma kenux meqjusa bħala prijorita', issa inbidlet din il-politika? Jekk iva, kif?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn meta sar l-istudju fl-1995/96, fl-impjanti u faċilitajiet sportivi sar xogħol kemm ta' manutenzjoni kif ukoll ta' titjib.
Dan ix-xogħol sar fuq l-inizjattiva tal-Kunsilli ta' l-iskejjel; sar ukoll bħala parti mill-Pjan ta' Żvilupp maħsub u mwettaq mill-iskejjel infushom; kif ukoll fil-programm ta' manutenzjoni tas-sajf.
Informat ukoll li bħalissa qed isir 'up-date' ta' l-istudju msemmi (1995/96) u minnu nkun nista' ngħati tweġiba preċiża u attwali għad-dettalji kollha mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel li skond it-tweġiba għall-mistoqsija tiegħi numru 13079 "hemm faċilitajiet biżżejjed iżda jirrikjedu xogħol ta'manutenzjoni, x'uħud konsiderevoli"? X'inhu x-xogħol li hu rikjest f'kull każ? Sar xi ppjanar biex isir xi xogħol f'xi waħda minn dawn l-iskejjel matul din is-sena finanzjarja?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13722.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-iskejjel li skond it-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 13079 "l-istruttura fiżika u spazju ma jippermettux il-bini ta' faċilitajiet ġodda?"
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba għll-Mistoqsija Parlamentari Numru 13722.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hija stmata l-ħsara li saret fil-ground tal-football tal-Furjana, wara ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Millennju? Jista' jgħid jekk hemmx xi ħsieb li dan il-ground jingħata lit-tim Furjaniż biex imexxih?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istima tal-ħsara li saret fil-ground tal-football tal-Furjana qed tiġi kompilata. It-tmexxija tal-ground hi materja ta' konsiderazzjoni fid-dawl tal-pjan ta' struttura li jirriserva l-ispazju bħala wieħed ta' importanza nazzjonali.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12941, jista'l-Ministru jara li ssir xi ħaġa temporanja, minħabba li diġa' jeżistu culverts sabiex ma tibqax issir ħsara lill-abitanti ta' Triq il-Luq meta tagħmel ix-xita?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li saret spezzjoni wara d-djar li jagħtu fi Triq il-Luq fejn qed joqgħod l-ilma u d-Dipartiment ser jara jekk il-'culverts' humiex miżdudin.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-Malta Racing Club jistgħux isiru mħatri fuq tiġrijiet li jsiru barra minn Malta? Jikkonferma l-Ministru li din is-sena mill-inqas darbtejn saru mħatri fuq tiġrijiet li saru barra minn Malta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-isport tat-tiġrijiet taż-żwiemel u tal-klieb tal-liepru huwa l-uniku wieħed fil-Pajjiż li fuqu jistgħu jsiru imħatri b'mod organizzat.
Din is-sena kien hemm darba biss li saru imħatri fuq tiġrijiet internazzjonali. Din kienet meta riċentement sar il-Prix d'Amerique fi Franza li xxandret diretta fuq TVM. Dan kien ukoll mezz sabiex il-Malta Recing Club jakkwista aktar introjtu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat minn mindu ġie maħtur il-kunsill tal-Malta Racing Club mis-sena li għaddiet sal-lum? Meta saru dawn il-laqgħat? X'attendenza kien hemm ta' kull membru ta' l-istess kunsill?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sal-ġimgħa 11 ta' Frar 2000 saru 21 laqgħa mill-kunsill tal-Malta Racing Club. Dawn il-laqgħat isiru regolarment kull ġimgħa.
Informat ukoll li f'kull laqgħa kien hemm biżżejjed attendenza sabiex jintlaħaq quorum u ssir il-laqgħa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-allokazzjoni li kull kunsill lokali ħa bħala budget għal din is-sena bil-formula l-ġdida? Jista' jgħid ukoll kemm kienet l-allokazzjoni ta' kull kunsill fil-budget għas-sena li għaddiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-persuna li isimha qed jingħata separatament hix intitolati għal xi ammont ta' flus u/jew xi żieda fil-pensjoni, peress li għal numru ta' snin kienet taħdem mas-Servizzi Ingliżi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpelllant li d-Dipartiment informa lill-persuna konċernata fuq il-każ mressaq f'din il-Mistoqsija.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 12351 u t-tweġiba tagħha, jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt tħallas VAT fuq id-dħul mill-pixxina nazzjonali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ammont totali ta' taxxa li tħallset mill-Pixxina Nazzjonali fl-1999 kienet ta' Lm7,163.
Matul is-sena li għaddiet saru skambji ta' korrispondenza bejn il-Bord ta' Tmexxija tal-Pixxina Nazzjonali u d-Dipartiment tal-VAT bil-ħsieb li tiġi stabbilita l-kategorija li l-Pixxina għandha tikkonforma ruħha magħha. Il-kwistjoni għadha ma ġietx konkluża. Sadattant, is-somma sħiħa ta' Lm7,163 tħallset kollha.
Wara d-diskors tas-segretarju parlamentari ta'nhar is-Sibt li għadda meta ltaqa'ma' l-atleti u uffiċjali għall-għażliet ta'sportivi tas-sena, jista' l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti ppjanati li jsiru fil-pixxina nazzjonali matul din is-sena finanzjarja? Kemm se jqum kull proġett? Kif se jiġi ffinanzjat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-proġetti kapitali ipprogrammati li jsiru fil-Kumpless tal-Pixxina Nazzjonali għas-sena finanzjarja 2000 huma dawn:
Stima
* bini ta' żewġ Squash Courts ġodda
fi Block A Lm23,000
* tkomplija ta' l-East Block Lm38,400
* tlestija ta' Functional Diagnostic Lab
* tlestija ta' intermediate floor fil-
West Block* Lm70,000
* porġetti oħra bħal tlestija ta' fitness
gym, uffiċini tal-KOM, uffiċini tal-ASA
Il-finanzjament ta' dawn il-proġetti jiġu minn fondi allokati għal Vot Kapitali fil-budget għas-sena 2000 riservati għal programmi kapitali (Lm200,000).
* Rigward l-intermediate floor fil-West Block inkiseb il-kontribut tal-Ministeru ta' l-Ambjent permezz tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet.
Il-Bord tal-Pixxina sejjer jiffinanzja parti mill-ispejjeż ta' ċaqlieq ta' uffiċini.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-attivitajiet li organizza l-kumitat Sport for All matul l-1999? F'liema attivita' falla dan il-kumitat, u dan dejjem skond il-kritika li saret mis-segretarju parlamentari? Min huma l-membri ta' dan il-kumitat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul is-sena 1999 il-Kumitat Sport for All organizza Beach Volley Open Tournament flimkien mal-Malta Volleyball Association u weekend ta' attivitajiet (Beach games) f'Awissu. F'Diċembru ġiet organizzata Sports Extravaganza flimkien mal-Kumitat SkolaSport li fiha ħadu sehem diversi għaqdiet, fosthom għaqdiet ta' arti marzjali, ġinnastika u żfin.
Ta' min jinnota li fid-diskors tiegħu, s-Segretarju Parlamenetari b'ebda mod ma qal li l-Kumitat Sport for All kien falla. Huwa ikkummenta biss li kien stenna ħafna aktar minn dan il-Kumitat in vista ta' l-appoġġ li kien qiegħed jingħata mis-Segretarjat.
Il-membri tal-Kumitat huma:
Chairman - Dr Herbert Messina Ferrante
Viċi Chairman - Is-Sur Tony Debono
Segretarju - Is-Sur John Farrugia
Membri - Is-Sur Tony Ghio
Is-Sur Daniel Buhagiar
Is-Sur Joseph Urpani
Ms Tanya Zahra
Ms Mariella Piscopo
Ms Envic Galea
Is-Sur Joseph Cardona
Is-Sur Mark Farrugia
Ms Marina Bonello
Ms G. van Vuuren Cassar
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Enemalta hijiex marbuta li tagħti rċevuti fiskali meta jinxtraw ċilindri tal-gass, kemm ġodda kif ukoll bdil?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jinghad li l-Korporazzjoni Enemalta ma tigborx Taxxa fuq il-Valur Mizjud meta tbiegh prodotti taghha hlief fejn jidhol bejgh ta` petrol u diesel. Is-servizzi l-ohra provduti mill-Korporazzjoni huma ezenti mill-hlas tat-Taxxa fuq il-Valur Mizjud.
Ta` min jinnota li fil-kaz tac-cilindri tal-gass, dawn jitqassmu mid-distributuri u mhux direttament mill-Korporazzjoni Enemalta. Id-distributur mhuwiex obbligat johrog ricevuta fiskali lil kull konsumatur, izda johrog wahda fl-ahhar tal-gurnata li tkun tkopri l-bejgh kollu ta` dik il-gurnata partikulari. Il-bejgh kollu ta`cilindri tal-gass huwa kkontrollat mill-Korporazzjoni li min-naha taghha tinforma lid-diversi dipartimenti tal-Gvern dwar bejgh li jkun sar minn kull distributur.
Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ — Applikazzjonijiet għal safar
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-kunsill nazzjonali taż-żgħażagħ mhux joħroġ applikazzjonijiet fil-pubbliku għal safar, l-aktar fejn jidħlu korsijiet tal-lingwi u studju ieħor barra minn pajjiżna?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li meta l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ jirċievi applikazzjonijiet għal seminars u korsijiet barra minn Malta, dawn jippubblikhom fuq il-gazzetti lokali.
Bejn Ottubru 1999 u Jannar 2000 il-KNZ irċieva applikazzjonijiet għal seminars u korsijiet mill-Kunsill ta' l-Ewropa, The European Association ICYE, il-European Youth Forum, u mill-Commonwealth. Barra li ġew ippubblikati avviżi fuq il-gazzetti, intbagħtu wkoll applikazzjonijiet lill-għaqdiet taż-żgħażagħ oħrajn.
Fid-dawl ta' l-istudji li saru jew li qed isiru dwar il-possibbilta' ta'impożizzjoni ta' VAT fuq l-ikel, jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-prodotti li qed jiġu kkonsidrati fl-istudji?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mhux il-każ li saru jew qed isiru studji dwar l-impożizzjoni ta` VAT fuq l-ikel.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid il-corporate image tal-Ministeru tal-Politika Soċjali fejn sar u kemm ġie jiswa? Jista' jgħid jekk inħarġux tenders jew ingħatatx direct order?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Membru jispjega eżatt għal x'hiex qed jirreferi.