Jista' l-Ministru jgħid kemm saru attivitajiet organizzati mill-ministeru u d-dipartiment li jaqgħu tatħu, fiċ-Ċentru għall-Kreattivita' ġewwa St. James Cavalier?
Min ħa ħsieb li jorganizzahom u x'tip ta' attivita' kienet?
Xi pjanijiet oħra hemm maħsuba għall-futur u meta se jsiru u minn min?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li qed jagħti l-Ministru ta' l-Edukazzjoni għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15589 ta' din is-Seduta.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu dwar il-protesta simbolika li saret mill-Kunsilli Lokali taż-Żejtun, Marsaxlokk u Birżebbuġa dwar periklu eżistenti fi Triq Tal-Barrani?
Response (GALEA, ĊENSU)
Kif jaf l-Onor. Interpellant minbarra l-Kunsilli msemmija hemm Kunsilli oħra li jistgħu jiġu affettwati jekk dak li talbu dawn il-Kunsilli jiġi mplimentat. Għalhekk, id-Dipartiment tat-Toroq irid isib bilanċ bejn id-diversi talbiet qabel jieħu xi passi partikulari.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' ħaddiema Għawdxin li qegħdin jaħdmu Malta, f'dipartimenti tal-gvern u korpi parastatali?
F'liema dipartimenti huma mqassma?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux rapporti li watchman tat-Teatru Manoel li joqgħod il-Belt, ġieli ma kienx fuq il-post tax-xogħol waqt il-ħin tax-xogħol? Jekk iva, jista' jgħid x'passi ttieħdu?
Response (GALEA, LOUIS)
Iva u l-Bord tat-Tmexxija ħa l-passi li deherlu xierqa fiċ-ċirkustanzi.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-reazzjoni jew il-kummenti tad-Direttur tal-ħabs wara l-ħarba li saret mid-Diviżjoni Nru. 6?
Il-gvern qed jikkonsidra li jbiddel lid-direttur tal-ħabs speċjalment fid-dawl tal-ħarba ta' Elzabi li sal-lum għadu ma nstabx?
Wara l-ħarba ta' l-erba' ħabsin kien hemm xi mument fejn id-direttur tal-ħabs offra r-riżenzja tiegħu?
Response (BORG, TONIO)
Skond kif inhu meħtieġ mir-regolamenti tal-ħabs, id-Direttur minnufih kif sar jaf bil-ħarba, informa lill-Kummissarju tal-Pulizija u tah deskrizzjoni sħiħa tal-priġunieri. Ħa wkoll il-passi kollha meħtieġa min-naħa tal-ħabs biex jinqabdu l-priġunieri maħruba u fil-fatt hu stess personalment idderiġa lill-uffiċjali tal-ħabs inkarigati mis-sigurta` waqt li dawn, flimkien mad-diriġenti tal-Pulizija u tal-Armata, kienu qed ifittxu lill-priġunieri. Ta` min jgħid ukoll li d-Direttur kien wieħed minn ta` l-ewwel li fil-preżenza tiegħu u ta` uffiċjali għolja tal-Pulizija nqabdu l-priġunieri wara sigħat twal ta` tfittxija matul il-lejl ta` qabel. Kif inhu meħtieġ minnu wkoll mill-istess regolamenti tal-ħabs, id-Direttur qed jagħmel inkjesta interna dwar iċ-ċirkostanzi tal-ħarba. Kif jitlesta r-rapport dan għandu jintbagħat lili bħala l-Ministru responsabbli u kopja tiegħu tintbagħat ukoll lill-Avukat Ġenerali.
Il-Gvern mhux qed jikkunsidra li jbiddel id-Direttur tal-Ħabs billi għandu fiduċja sħiħa fih u fl-operat tiegħu.
Id-Direttur, bħala persuna responsabbli u tal-affari tiegħu, baqa` f`postu jaqdi d-dmirijiet tiegħu minkejja l-attakki kontinwi kontrih minn sorsi barra mill-ħabs li setgħu fixxklu u imminaw l-operat tat-tfittxija u l-awtorita` tiegħu biex imexxi. Dan huwa ta` mertu u kredtu għalih billi jkun ta` detriment kbir għall-pajjiż li kieku kellna naslu għall-istat li meta tinqala` problema min għandu l-awtorita` jieħu t-triq faċli u jirreżenja u jħalli l-problemi f`idejn ħaddieħor.
Jista' l-Minsitru jgħid x'passi ttieħdu dwar reklamar li sar fl-Olanda fejn fih dehru l-kuluri tat-team tal-football nazzjonali Malti?
Response (BORG, JOE)
Skond rapport li deher f'gażżetta, il-Malta Football Association qed tikkonsidra li tieħu passi legali kontra l-Macdonalds, Netherlands. S'issa lill-Ministeru ma'saritlu l-ebda protesta jew rappreżentazzjoni formali fuq ir-reklam imsemmi. Sadanittant, skond rapport ieħor aktar riċenti, issa jidher li dan ir-reklam ġie rtirat. Minn mindu dehret din l-aħbar fil-gażżetta, il-Ministeru talab kopja tal-filmat sabiex wara li jarah ikun jista jirregola ruħu dwar dan il-każ.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-club tar-Regatta tal-Birgu din is-sena ma ngħatax aċċess għall-post li ilu juża għal numru ta' snin minħabba r-Regatta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Club tar-Regatta tal-Birgu ma ngħatax aċċess għall-post li soltu jużaw mid-Direttur tal-Mużew Marittimu. Dan il-post jaqa' taħt il-Mużew Marittimu u d-Direttur ma kienx dispost iħallihom jużawh għaliex kien ġie ppreparat biex jilqa' fih u jsir il-konservazzjoni u restawr ta' kanun antik u rarissimu li nstab dan l-aħħar fil-baħar. Barra s-sigurta` ta' l-oġġett imsemmi l-proċess kollu jirrikjedi ċerta kawtela u kontroll assolut. Ta' min isemmi wkoll li fil-post tinsab maħżuna kollezzjoni ta' dgħajjes antiki u vetrini tad-Dipartiment tal-Mużewijiet.
B'danakollu, kif qal is-Segretarju Parlamentari fid-diskors tiegħu f'din il-Kamra nhar l-Erbgħa 29 ta' Marzu, il-Club tar-Regatta ġew offruti l-użu ta' containers pero` din is-soluzzjoni ma ġietx aċċettata. Fl-aħħar irnexxielna nġibu commitment li dan il-post jitpoġġa għad-dsipożizzjoni tal-Club iżda huma raw li kien tard wisq u ma kellhomx żmien biżżejjed biex jittrenjaw.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed issir inkjesta dwar il-ħarba ta' erba' priġunieri mill-ħabs ta' Kordin, eżattament mid-Diviżjoni Nru. 6?
Min qed imexxi din l-inkjesta u meta hemm il-ħsieb li tkun lesta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li dwar il-każ li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant bħalissa qed issir Inkjesta Maġisterjali li qed titmexxa mill-Maġistrat Miriam Hayman mgħejuna minn diversi esperti.
Ninsab infurmat ukoll li kif inhu pprovdut fir-regolament 89 (5) tar-Regolamenti ta` l-1995 dwar il-Ħabs, id-Direttur tal-Ħabs qed jagħmel inkjesta interna dwar l-istess każ.
Qed isir ukoll eżami tas-sistema tas-sigurta` fil-Ħabs b`mod partikolari f`Taqsima 6, liema eżami ser jinvolvi anke persuna/i minn barra l-Faċilita`.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu l-ħsieb tad-Dipartiment tat-Toroq li Triq il-Gandoffli ġewwa Wied il-Għajn tiġi rranġata u kif se tiġi rranġata jekk hux bħala triq għall-karozzi jew inkella żona pedonali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq flimkien mal-Kunsill Lokali qed jipprepara programm għal asfaltar ta` toroq simili ma` Malta kollha, u x-xogħol fil-lokal isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hu jew xi ħadd imqabbad minnu jew il-perit li kien u għadu responsabbli mix-xogħol ta' Saint James Cavalier Project, tkellmux ma' għaqdiet li jinteressaw ruħhom, f'siti u bini storiku bħal ngħidu aħna "Din l-Art Ħelwa"?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fi Frar ta' l-1996, qabel saru l-pjanti ta' St. James Cavalier, saret laqgħa ta' diskussjoni fuq dan il-proġett. Għal din il-laqgħa attendew kemm il-pubbliku in ġenerali kif ukoll għaqdiet li jinteressaw ruħhom f'siti u bini storiku, fosthom rappreżentanti ta' 'Din l-Art Ħelwa'. Kulħadd kien mistieden jagħti s-suġġerimenti tiegħu, anki bil-miktub wara dik il-laqgħa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk intnefqux aktar flus fuq is-Saint James Cavalier Project, mill-bidu tas-sena 2000 sal-lum?
Jekk iva, kemm u fuq xiex saret din l-ispiża?
Kemm hemm maħsub li se jintnefqu fil-futur u għal-liema xogħlijiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx sejħa pubblika sabiex jiġi magħżul perit biex jagħmel xogħol marbut ma' St. James Cavalier?
Jekk iva, meta saret u kemm kienu dawk interessati u min kienu?
Xi kriterji ntużaw sabiex saret l-għażla u min kien jew kienu li ħadu din id-deċiżjoni?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13025 fejn hemm id-dettalji mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm scrapyards fi Triq tal-Barrani, fil-limiti taż-Żejtun u ta' Ħal Għaxaq li għandhom il-permess u kemm huma dawk li m'għandhomx permess?
Liema huma dawk li m'għandhomx permess? X'passi ttieħdu mill-awtorita' ta' l-ippjanar sabiex din is-sitwazzjoni ma tkomplix?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fiż-żona indikata mill-Onor. Interpellant jeżistu erba` siti li qed jintużaw bħala scrap yards. Tnejn minnhom huma koperti bil-permessi neċessarji mill-Kummissarju tal-Pulizija. Iż-żewġ siti l-oħra m`humiex koperti bil-permess meħtieġ u f`kull każ inħareġ avviż ta` infurzar skond l-Att I ta` l-1992 dwar l-Iżvilupp.
Ninsab infurmat ukoll li dwar dawn iż-żewġ każijiet hemm proċeduri fil-Qorti li għadhom sub judice. L-azzjonijiet skond l-avviżi ta` infurzar huma sospiżi sakemm tittieħed deċiżjoni mill-Qorti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartiment tas-Sanita' kienx involut fil-każ li l-estensjoni taċ-ċimiterju ta' Ħaż-Żabbar? Jekk iva, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-reazzjonijiet ta' l-istess dipartiment? Kien hemm xi dipartiment ieħor li ġie nvolut fuq din il-kwestjoni?
Response (DEGUARA, LOUIS)
B`referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 15465, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li jirriżulta li l-aħħar talba li l-Kappillan ta` Haż-Żabbar għamel lit-Tabib Ewlieni tal-Gvern, sabiex jestendi ċ-ċimiterju tal-Paroċċa ta` Haż-Żabbar saret fit-12 ta` Mejju 1993.
Wara li ġiet studjata t-talba fid-dawl tal-bżonnijiet tal-paroċċa ta` Haż-Żabbar, wara konsultazzjoni mal-Avukat tar-Republika fuq ir-rikors li kien sar fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili minn residenti kontra il-Kappillan ta` Haż-Żabbar u Joseph Zammit (Kuratur), u wara anke konsultazzjoni mal-General Services Board u l-Planning Authority, ġie deċiz li d-Dipartiment tas-Saħħa jilqa` t-talba għall-estenzjoni skond l-Kodiċi tal-Pulizija Kap 10 Sezz. 136 li tippermetti estenzjonijiet ta` ċimiterji li jkunu mibnija qabel 1932 bħal ma hu dan il-kaz, anke jekk id-distanza bejn iċ-ċimiterju u l-abitant hi anqas minn 183 metru.
Wara li fil-Parlament ġiet ippreżentata petizzjoni ffirmata minn diversi residenti li joqogħdu viċin iċ-ċimiterju ġewwa Ħaż-Żabbar, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-reazzjoni u l-opinjoni ta' l-awtorita' ta' l-ippjanar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ma tistax tgħaddi kummenti fir-rigward tal-petizzjoni msemmija mill-Onor. Interpellant peress li l-Awtorita` tikkunsidra petizzjoni ta` dan it-tip waqt l-ipproċessar ta` l-applikazzjoni partikolari relatata magħha.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartiment tal-lottu għandux il-ħsieb li jintroduċi xi logħba jew lotterija oħra?
Jista' jgħid ukoll jekk sarux xi diskussjonijiet dwar il-possibbilta' li dan id-dipartiment jiġi privatizzat? Jekk iva, ma' min saru?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma hemm ebda ħsieb li d-Dipartiment tal-Lottu jintroduċi xi logħba jew lotterija oħra.
Dwar il-possibilta` li d-Dipartiment tal-Lottu jiġi privatizzat il-Gvern għadu bil-ħsieb tal-amministrazzjoni preċedenti u minn żmien għal żmien jaġġorna l-pożizjoni sakemm tittieħed deċiżjoni finali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk logħob fuq tiġrijiet taż-żwiemel li jsiru barra minn Malta huwiex permess mill-pulizija jew le?
Jekk iva, kif inhu riżolt dan u fejn jista' jsir?
Jista' l-Ministru jgħid meta hu l-ħsieb tad-dipartiment tat-toroq li Triq Labour ġewwa Ħaż-Żabbar, speċjalment il-parti li tinsab in-naħa tal-Kottonera tiġi rranġata, minħabba li jrid isir xogħol estensiv ġewwa fiha u għaldaqstant ma taqax taħt ir-responsabbilta' tal-kunsill lokali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li diġa` saru diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali ta` Ħaż Żabbar dwar ix-xogħolijiet f`din iż-żona, u saru anke testijiet fil-`Girdle Road` sabiex tkun tista` titranġa.
Fil-preżent id-Dipartiment qiegħed jara kif ser jimplimenta l-proġett ta` titjib tal-`junction` minn Labour Road għall-Bypass ta` Wied il-Għajn peress li għalkemm inħareġ il-permess ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar, hemm mandat ta` inibizzjoni kontra li jsir xogħol fil-lokalita` li għadu `invigore`.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-għaqdiet jew clubs sportivi li ġiet mgħoddija lilhom proprjeta' pubblika b'titlu ta' ċens? X'inhija l-proprjeta' li ġiet mgħoddija lil kull waħda minn dawn l-għaqdiet jew clubs? Kemm hija l-kera li qed iħallsu dawn l-għaqdiet u l-clubs għall-użu ta' din il-proprjeta' separatament? Fuq liema kriterji ġew iffissati dawn il-kirjiet u jekk sarux diskussjonijiet qabel ma dawk konċernati, qabel ma dawn saru?
Response (GALEA, LOUIS)
Tweġiba għal domanda simili ngħatat f'risposta numru 8356. Informat ukoll li l-kirjiet proposti lill-klabb jew għaqdiet ġew imfassla fuq il-kirjiet adottati fir-Riżoluzzjoni Parlamentari ta' Ottubru 1997.
L-Onor. Membru jaf ukoll li bħalissa dawn il-kuntratti, flimkien mal-kirjiet rispettivi qed jiġu diskussi ma' dawk l-għaqdiet jew klabbs konċernati.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma dawk l-uffiċjali għolja fid-dekasteru tiegħu li huma ntitolati li jkollhom il-karozza mikrija jew mogħtija lilhom mill-gvern anke wara l-ħin normali tax-xogħol?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-uffiċjali għolja fid-dekasteru tiegħi li huma ntitolati li jkollhom karozza tal-Gvern jew tal-kiri anke wara l-ħin normali tax-xogħol huma:
Is-Segretarju Permanenti, is-Segretarju tal-Kabinett, l-ex Segretarju tal-Kabinett, id-Diretturi Generali, id-Diretturi, il-Kummissarju Elettorali Prinċipali, is-Segretarju tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, ir-Registratur tat-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji, il-Kap tad-Defence Section, il-Prinċipal Information Officer u dawk il-persuni fis-Segretarjat Privat tiegħi li huma ntitolati għal karozza skond id-dokument Engagement of Staff for Private Secretariats li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra fit-2 ta' Novembru 1998.
Fl-EU Negotiations Secretariat hemm tliet Negotiations Coordinators li huma ntitolati għal karozza waqt li Research Analyst għandha car allowance.
Fil-Forzi Armati dawk il-fizzjali li għandhom il-grad ta' Logutenent Kurunell jew ogħla għandhom il-faċilita li jużaw staff car u sewwieq għal waqt il-ħin tax-xogħol kif ukoll għal obbligi uffiċjali wara l-ħin.
Fil-Management Efficiency Unit hemm persuna waħda li għandha karozza mikrija mill-Gvern, filwaqt li 13-il persuna oħra fil-kariga ta' Manager, Managing Consultant u Consultant jingħataw allowance biex jużaw il-karozza privata tagħhom fuq ix-xogħol uffiċjali tal-Unit.
Fil-MITTS Ltd ic-Chief Executive Officer huwa ntitolat li jkollu karozza, anki wara l-ħin normali tax-xogħol. Hemm 42 uffiċjal għoli ieħor li għandhom allowance biex jużaw il-karozza privata tagħhom fuq ix-xogħol uffiċjali.