Jista' l-Ministru jgħid meta xi persuna tinżamm mill-pulizija ta' l-immigrazzjoni għal xi raġuni għal perijodu ta' żmien fl-ajruport u/jew fil-port, x'faċilitajiet jeżistu biex dawn jistrieħu, jieklu u jinħaslu? Fil-każ tal-baħrin Pakistani, li nżammu għal jumejn sħaħ (22/23 ta' April), dawn kellhom fejn jorqdu u faċilitajiet oħra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li meta persuna ta` nazzjonalita` barranija tkun ġiet rifjutata dħul fil-pajjiż u jkun meħtieġ li tinżamm għal xi żmien fl-ajruport, din tiġi miżmuma f`ċentru maħsub għal dan il-għan li qiegħed fl-ajruport stess. Dan iċ-ċentru huwa mgħammar b`faċilitajiet fejn persuna tista` torqod u tistrieħ, kif ukoll b`faċilitajiet sanitarji. Persuni hekk miżmuma jkunu provduti ukoll bl-ikel u anke` jingħataw faċilita` li jużaw it-telephone kemm għal sejħiet lokali kif ukoll għal barra minn Malta. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, infurmat li dawn il-faċilitajiet kollha kienu disponibbli.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-aħħar żviluppi dwar l-irranġar tal-ground tal-football fil-Furjana wara li dan intuża għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-millennju? Kemm hu stmat li jrid jintnefaq b'kollox biex il-ground jiġi għalli kien?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi għat-Tweġiba li tajt għal Mistoqsija numru 15650.
B'riferenza għat-tweġiba li tani għall-mistoqsija tiegħi numru 15047, matul din is-sena skolastika, kien hemm skejjel tal-gvern, indipendenti u tal-Knisja li rrapportaw lid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni li keċċew u/jew issospendew studenti tagħhom? Jekk fl-affermattiv, minn liema skejjel tkeċċew/ġew sospiżi? Għal-liema raġunijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mill-bidu ta' din is-sena skolastika mill-iskejjel statali ġew irrappurtati lil din is-sezzjoni ħames studenti li kienu ġew sospiżi mill-kap ta' l-iskola minħabba 'disruptive behaviour'. Ebda student mill-iskejjel indipendenti u tal-knisja ma ġew irrappurtati li ġew sospiżi. Ma jidhirlix li għandi niżvela l-ismijiet ta' l-iskejjel li rrappurtaw dawn il-każi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk intnefqux aktar flus fuq is-Saint James Cavalier Project, mill-bidu tas-sena 2000 sal-lum?
Jekk iva, kemm u fuq xiex saret din l-ispiża?
Kemm hemm maħsub li se jintnefqu fil-futur u għal-liema xogħlijiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-bidu tas-sena 2000 sa llum intnefqu Lm439,000. għal xogħlijiet li saru matul l-1999 u Lm72,639. għal xogħlijiet li saru wara din id-data.
Fil-futur huwa maħsub li jintnefqu Lm683,700. kemm għal xogħlijiet li saru qabel l-aħħar tas-sena 1999, iżda li għadhom ma tħallsux, u għal xogħlijiet li saru matul din is-sena. Minbarra dan, iridu jintnefqu wkoll Lm166,000. fi ħlas ta' 'retention money' lill-kuntratturi wara li jgħaddi ż-żmien stipulat fil-kuntratt tagħhom.
L-ispejjeż imsemmija jkopru ħlas lill-kuntratturi, xiri ta' materjal u pagi u overtime tal-ħaddiema tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid min qed jagħmel xi xogħol fil-pixxina nazzjonali? Saret sejħa pubblika jew ingħataw b'direct order? Kemm hu stmat li se tqum kull biċċa xogħol li qed issir fil-preżent?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li qed isiru diversi xogħlijiet fil-Pixxina Nazzjonali:
Fil-fatt, ix-xogħol fuq l-uffiċini tal-Kumitat Olimpiku Malti qed isir minn kuntrattur 'turnkey' imqabbad mill-Kumitat Olimpiku Malti.
Ix-xogħol fuq l-ewwel sular (taħt il-main terrace) qed isir mid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi fi ħdan il-Ministeru ta' l-Ambjent.
Ix-xogħol l-ieħor fil-livell tal-'pool deck' qed isir mill-kutrattur, is-Sur G Ellul ta' Triq il-Latmija, Żabbar, u dan ġie mqabbad mill-'Board' tat-Tmexxija tal-Pixxina skond il-proċeduri normali. Dan ix-xogħol ser jiswa' madwar Lm2000 (elfejn lira).
Jista' l-Ministru jassigura li xogħlijiet li qed isiru fil-preżent fil-pixxina nazzjonali m'hu qed isir xejn li ser inaqqas is-safety f'każ ta' emerġenza jew xi bżonn ta' ambulanza jew fire engine?
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet għal bini ta' ċentru sportiv fil-Kottonera? Jekk hemm xi pjanti, jista' jpoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Ma' min saru diskussjonijiet fuq dan iċ-ċentru sportiv? Jikkonferma li l-ground tal-football se jkun biss għal five-a-side u mhux full size? Għaliex ittieħdet id-deċiżjoni li tkun biss għal five-a-side?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-pjanti ġew sottomessi l-Planning Authority u ser inħallihom għal xahar fl-Uffiċċju ta' l-Iskrivan tal-Kamra biex l-Onor. Membru jkun jista' jikkonsultahom.
Id-diskussjonijiet saru kif hemm indikat fir-rapport li minħabba l-voluminosita` tiegħu wkoll ser inħalli għal xahar fl-Uffiċċju tal-Clerk biex jiġi konsultat mill-Onor. Membru.
Rigward il-pitch għal five-a-side, nirreferi l-Onor. Membru għat-Tweġiba tar-Risposta numru 13720.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet minn studenti Maltin u barranin biex jagħmlu studji/riċerka li twassal għal-lawrija ta' Ph.D. fl-Universita' ta' Malta matul dawn l-aħħar tliet snin u f'liema fakultajiet kienu dawn? Kemm minn dawn ġew aċċettati u kemm rifjutati u f'liema fakultajiet? X'kienu r-raġunijiet li kienu japplikaw fil-każ ta' dawk li ġew rifjutati?
Response (GALEA, LOUIS)
Lista ta' l-għadd ta' applikanti għall-gradi ta' Masters of Philosophy u Doctor of Philosophy, kif ukoll l-għadd li ġew aċċettati u li ġew irrifjutati ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ġew inklużi kemm dawk li applikaw għall-grad ta' Master of Philosophy kif ukoll dawk għad-Doctor of Philosophy għax min jiġi aċċettat għall-ewwel grad imsemmi jista' jitħalla jittrasferixxi l-istudji tiegħu għall-grad ta' Doctor of Philosophy wara li jgħaddi ċertu żmien ta' studju u jitqies il-livell tax-xogħol li jkun għamel sa dak iż-żmien.
Informat li l-applikazzjonijiet ma jiġux aċċettati jew għax l-applikanti ma jkollhomx il-kwalifiki meħtieġa, jew għax l-Universita` ma jkollhiex min jista' jagħmilha ta' superviżur fil-qasam mixtieq mill-applikant.
B'riferenza għat-tweġiba li tagħni għall-mistoqsija parlamentari numru 15046 dwar il-partita U/18 Fgura/Vittoriosa tat-18 ta' Marzu fil-ground tas-Siġġiewi, jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet tal-pulizija? Dwar il-logħba U/16 Sliema/Floriana tal-Ħadd, 11 ta' Marzu fil-ground ta' Marsaxlokk, jista' jgħid itteħdux xi passi kontra xi persuni u fuq liema akkużi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li dwar l-ewwel każ li rrefera għalih l-Onorevoli Interpellant, jiġifieri dak tat-18 ta` Marzu fil-ground tas-Siġġiewi, ser jitressqu 6 persuni quddiem il-Qorti fuq diversi akkużi. Dwar it-tieni każ, jiġifieri dak tal-11 ta` Marzu fil-ground ta` Marsaxlokk, ninsab infurmat li l-persuna li allegatament kienet insulentat lil wieħed mill-uffiċjali tal-logħba, baqgħet ma ġietx identifikata.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fi tmiem il-ġimgħa ta' l-Għid, 22/23 ta' April, ħames baħrin ta' nazzjonalita' Pakistana nżammu fl-ajruport għal jumejn sħaħ flok ma tħallew joqogħdu f'lukanda jistennew biex jingħaqdu ma' vapur? Għaliex żewġ baħrin ta' nazzjonalita' Indjana u li kienu ma' dan il-grupp u li kienu se jingħaqdu ma' l-istess vapur tħallew mill-pulizija ta' l-immigrazzjoni jmorru f'lukanda sakemm qabdu l-vapur it-Tnejn 24 ta' April? La ma kienx hemm xi ħaġa kriminali kontra l-ħames Pakistani, għaliex ġew ittrattati diversament?
Response (BORG, TONIO)
Rigward il-wasla f`Malta ta` ħames baħrin Pakistani nhar il-21 ta` April 2000u li nżammew fl-Ajruport Internazzjonali ta` Malta u ma tħallewx joqgħodu f`lukanda sakemm jingħaqdu mal-vapur, ninsab infurmat li mal-wasla tagħhom minn Dubai, dawn ippreżentaw dokumenti 'seaman`s book' li juru li servew fuq vapuri oħra preċedentament, iżda meta ġew mistoqsija, dawn il-baħrin lanqas biss għarfu jirrispondu x`kien l-isem tal-istess vapur li servew fuqu għal sitt xhur sħaħ. Dan qajjem suspett fl-awtoritajiet li dawn il-persuni setgħu ma kellhomx intenzjonijiet ġenwini, bħal ma ġara f`każijiet simili fil-passat fejn baħrin li suppost ġew biex jaqbdu vapur minn hawn Malta, fil-fatt spiċċaw ħarbu mill-lukanda fejn kienu alloġjati. Kien għalhekk li ġie deċiż li dawn jibqgħu fl-ajruport u jiġu eskortati sal-port jumejn wara, meta kellu jasal il-vapur tagħhom M.V. Tia. Fir-rigward taż-żewġ baħrin ta` nazzjonalita` Indjana ninsab infurmat li dawn ma qajjmux l-istess suspetti għaliex mid-dokumenti u l-imġieba tagħhom kien jidher ċar li kienu baħħara ġenwini.
Jista' l-Ministru jgħid, b'mod ġenerali, x'inhi tagħmel id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni dwar il-problema ta' l-assenteiżmu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul din is-sena skolastika s-Sezzjoni Welfare tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ffukat l-attenzjoni tagħha fuq numru ta' skejjel sekondarji partikolari. B'dan il-għan is-Social Workers ħadmu mat-tfal, mal-ġenituri, il-familji, l-istaff ta' l-iskejjel u professjonisti oħrajn biex jippruvaw inaqqsu l-assentejiżmu f'dawn l-iskejjel. Eżerċizzju simili qiegħed isir fil-primarji.
Furjana — Arena ta' l-Indipendenza - Faċilitajiet sportivi
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li tlesta dwar ir-riabilitazzjoni tal-faċilitajiet sportivi fl-arena ta' l-Indipendenza fil-Furjana?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Arena ta' l-Indipendenza ser tkun riabilitata sa dan is-Sajf. Ta' min jgħid li x-xogħol fuq it-turf ser isir mill-Floriana FC skond programm li tfassal ma' esperti fis-suġġett u dak skond il-proċeduri normali li jsiru fuq grounds ta' dan it-tip.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 15135, jista' l-Ministru jgħid jekk sarux rapporti lill-pulizija iżda minħabba nuqqas ta' evidenza/provi l-persuni konċernati ma setgħux jitressqu l-qorti? Jekk iva, kemm kienu dawn ir-rapporti u liema kienu dawk id-dixxiplini nvoluti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ma kienx hemm każijiet kif imsemmija mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid min huma s-sindki u l-viċi sindki tat-68 kunsill f'Malta u f'Għawdex? Jista' jgħid ukoll f'isem min ikkontestaw l-elezzjonijiet lokali?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 14919, jista' l-Ministru jgħid jekk mill-ħatra tiegħu sal-lum, iċ-chairman ta' l-MDC qattx iddikjara li kellu xi konflitt ta' interess? Jekk iva, fuq liema każi kien?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li kull meta xi membru tal-Bord tad-Diretturi tal-Korporazzjoni ghall-Izvilupp ta` Malta, inkluz ic-Chairman, jista` jkollu xi konflitt ta` interess minhabba x-xoghol privat tieghu, tigi segwita invarjabbilment il-procedura kontemplata fi klawsola 7 ta` l-iSkeda annessa ma` l-Att dwar il-Korporazzjoni ghall-Izvilupp ta` Malta.
In kwantu ghal dak li jirrigwarda kazijiet specifici fejn ic-Chairman tal-Korporazzjoni iddikjara konflitt ta` interess, l-Onorevoli Interpellant japprezza li l-informazzjoni li qed jitlob ma tistax tigi ppubblikata peress li hija ta` natura kummercjali u koperta bil-kunfidenzjalita` skond l-Att dwar l-Izvilupp Industrijali u l-Att dwar is-Segretezza Professjonali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-gvern li jkollu ambaxxata f'kull pajjiż membru jew applikant ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (BORG, JOE)
S'issa m'hux il-ħsieb tal-Gvern li jkollu ambaxxata f'kull pajjiż membru jew applikant ta' l-Unjoni Ewropeja, iżda li maż-żmien tinfetaħ Ambaxxata Maltija f'kull kapitali li l-Gvern jidhirlu li tkun għall-benefiċċju ta' Malta kemm fil-qasam politiku kif ukoll dak ekonomiku.
Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport — Għajnuna finanzjarja
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-għaqdiet sportivi li ngħataw xi għajnuna finanzjarja mis-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport fi snin 1998 u 1999?
Kemm kienet din l-għajnuna lil kull għaqda u għal-liema skop ingħatat?
Response (GALEA, LOUIS)
Lista ta' l-għaqdiet sportivi li ngħataw għajnuna finanzjarja matul l-1998 ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-għajnuniet li ġew mogħtija mis-Segretarjat Parlamentari matul l-1999 nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 11935.
Informat li l-għajnuniet li ngħataw minn Settembru 1998 'l hawn huma mogħtija skond dawn il-kriterji: għal organizzazzjoni u kompetizzjonijiet internazzjonali f'Malta, parteċipazzjoni f'kompetizzjonijiet barra minn Malta, għajnuna lil nurseries, titjib u żvilupp ta' faċilitajiet u attivitajiet mixxelanji.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għal dan l-aħħar xahar b'mod partikolari, kien hemm tnaqqis fil-pressa ta' l-ilma fiż-Żejtun?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni ghas-Servizzi ta` l-Ilma ma jirrizultalhiex li hemm problema dwar il-provvista ta` l-ilma fiz-Zejtun. Madanakollu, jekk l-Onorevoli Interpellant joghgbu jaghti aktar dettalji, l-Korporazzjoni tkun tista` taghmel l-investigazzjoni mehtiega.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' ħaddiema Għawdxin li qegħdin jaħdmu Malta, f'dipartimenti tal-gvern u korpi parastatali? F'liema dipartimenti huma mqassma?
Response (BONNICI, JOSEF)
In-numru ta` haddiema Ghawdxin f`Dipartimenti tal-Gvern u entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tieghi li bhalissa qed jahdmu f`Malta huwa ta` 71. Dawn qed jahdmu f`dawn il-postijiet
Ufficju Centrali ta` l-Istatistika 2
Dipartimenti ghall-Affarijiet tal-Konsumatur 1
Ufficcju tal-Proprjeta` Industrijali 2
Ufficcju tal-Kompetizzjoni Gusta 1
Korporazzjoni ghas-Servizzi ta` l-Ilma 3
Korporazzjoni ghall-Izvilupp ta` Malta 1
Korporazzjoni Enemalta 9
Awtorita` ta` Malta ghall-Ghemil ta` Standards 1
Maltacom 5
Malta Shipbuilding 1
Malta Drydocks 1
Air Malta 8
Gozo Channel 5
Sea Malta 6
Maltapost 24
Mal ta International Airport 1
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru attivitajiet mill-ftuħ uffiċjali sal-lum fiċ-ċentru għall-kreattivita' ġewwa St. James Cavalier?
Min ħa ħsieb li jorganizzahom u x'tip ta' attivita' kienet?
Kemm kienu nvoluti skejjel?
Kemm kienu nvoluti għaqdiet taż-żgħażagħ?
Xi pjanijiet oħra hemm maħsuba għall-futur u meta se jsiru u minn min?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li wara l-inawgurazzjoni uffiċjali taċ-Ċentru tal-Kreattivita` St James Cavalier, fil-31 ta' Diċembru 1999, baqa' jsir xogħol fiċ-ċentru li ma ppermettiex li fih isiru attivitajiet.
Dwar il-pjani futuri ta' dan iċ-Ċentru, irid jingħad li bħalissa ċ-Ċentru qed jikkunsidra numru ta' talbiet u proposti li jvarjaw minn esibizzjonijiet, rappreżentazzjonijiet teatrali u kunċerti mużikali. Iċ-Ċentru rċieva wkoll numru ta' talbiet minn ambaxxati u istituzzjonijiet privati għall-użu ta' xi swali.
Bħalissa ċ-Ċentru ta' Kreattivita` beda wkoll numru ta' laqgħat ma' artisti individwali u istituzzjonijiet oħra bl-iskop li jinstiga numru ta' proġetti mmirati lejn setturi speċifiċi tal-komunita` u anke bl-iskop li npoġġu ċ-Ċentru fuq il-mappa kulturali internazzjonali. Fost dawn hemm proġetti li jinvolvu tfal ta' l-iskola, kunsilli lokali u nies minn oqsma differenti tas-soċjeta`.
Iċ-Ċentru qed jaħdem ukoll fuq żewġ festivals b'tema Mediterranja.