Jista' l-Ministru jgħid jekk fit-tiġrijiet taż-żwiemel li saru fit-13 ta' Mejju, 2000 fil-korsa ta' Għawdex l-organizzaturi għamlux użu mis-servizzi tal-ħaddiema tal-Malta Racing Club? Jekk iva, min ħallas u kif ġew magħżula minħabba li ma marrux kollha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kien hemm xi ħaddiema tal-Malta Racing Club Committee li taw servizz biex ġew organizzati t-tiġrijiet li saru Għawdex fit-13 ta' Mejju 2000. Dawn il-ħaddiema ġew magħżula mill-Kumitat Organizzattiv magħmul minn rappreżentanti ta' l-Oracle Group, li sponsorizza l-attivita`, u l-Kumitat ta' Għawdex. Il-Kumitat tal-Malta Racing Club ma kienx responsabbli mill-organizzazzjoni u għalhekk m'għandux dettalji ta' min ħallas lil dawn il-ħaddiema.
Tista' l-Ministru tgħid jekk fil-meeting tat-13 ta' Mejju, 2000 li sar fil-korsa ta' Għawdex kienx hemm servizz ta' bookmakers? Jekk iva, kemm ħallsu lill-organizzaturi u għand min marru l-flus?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Tista' l-Ministru tgħid kemm inġabret VAT fuq id-dħul fil-korsa ta' Għawdex fit-13 ta' Mejju, 2000? Tista' tgħid ukoll kemm tħallsu l-impjegati tal-korsa taż-żwiemel ta' Għawdex fl-istess meeting u kemm tħallset VAT? Jekk tħallsu, min ħallas dawn il-ħaddiema?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, ninsab infurmata li l-impjegati tal-korsa ma tħallsu xejn 'extra' għal din l-attivita'.
Jista' l-Ministru jgħid meta, bejn wieħed u ieħor, Triq it-Tanbunn fiż-Żejtun se ssir minħabba li tinsab fi stat mhux aċċettabbli?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq flimkien mal-Kunsilli Lokali qed jipprepara programm għal asfaltar ta` toroq simili ma` Malta kollha, u x-xogħol fil-lokal isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu sabiex pajjiżna jiġi in line mad-direttivi u r-regolamenti ta' l-Unjoni Ewropea f'dak li għandu x'jaqsam ma' reklamar u sponsorships minn azjendi tat-tabakk u ta' l-alkoħol, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma' għaqdiet sportivi?
Response (GALEA, LOUIS)
Bħala riżultat tar-rwol edukattiv tiegħu, u sensibbli għall-ħsara għal saħħet il-bniedem, il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni jifhem il-bżonn ta' regolamentazzjoni ta' dan it-tip ta' reklamar u sponsorships, irrispettivament jekk Malta ssirx membru ta' l-Unjoni Ewropea. Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn diversi Dipartimenti interessati dwar is-suġġett.
Rigward il-possibbilta' tad-dħul ta' l-edukazzjoni fiżika (PE) bħala eżami tas-SEC, jista' l-Ministru jgħid jekk sarux xi diskussjonijiet ma' xi awtoritajiet barranin fuq dan? Jaf il-Ministru li studenti Maltin li jattendu kulleġġ indipendenti (St. Edward's College) diġa' jagħmlu dan l-eżami fuq bażi optional organizzat mill-Universita' ta' Cambridge, magħrufa bħala IGCSE li dawn isiru Malta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma kienx hemm diskussjonijiet uffiċċjali rigward is-suġġett ma' awtoritajiet barranin, iżda l-PE Programme ta' l-Universita` flimkien mal-PE section tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni iltaqgħu ma' esperti barranin (fosthom Dr Bob Carroll li huwa kkunsidrat bħala l-awtorita` fuq PE eżaminat fl-Ingilterra, u Dr Jim Parry kap tal-Filosofija ta' l-Edukazzjoni Fiżika u Sport ġewwa Leeds University), u anke studja s-Syllabi ta' bordijiet ta' Eżamijiet barranin differenti; qabel ma tfassal il-proġett li ġie ppreżentat lill-MATSEC Board. Kien wara din il-perżentazzjoni li l-MATSEC Board iddeċieda li jagħmel it-talba tiegħu lis-Senat.
Informat li St Edwards College ilhom joffru dan is-suġġett fuq bażi 'optional' dawn l-aħħar sitt snin. Huwa magħruf ukoll li l-iskejjel ta' San Anton u San Andrea qegħdin fil-proċess li joffruh bħala 'option' tramite IGCSE.
Peress li l-assistent kummissarju, is-Sur Brincat, stqarr pubblikament li ma kienx ta ordni biex jintefa' l-ilma fuq in-nies fil-logħba tar-Rothmans Trophy Final bejn Birkirkara u Sliema, jista' l-Ministru jgħid ġiex stabbilit min ta din l-ordni? Kemm weġġgħu nies u pulizija fl-inkwiet li nqala' waqt din il-logħba? Kemm saru arresti u kemm se jitressqu nies il-qorti u fuq liema akkużi? Peress li sar ħafna xogħol bejn il-pulizija u l-awtoritajiet tal-football b'laqgħat kontinwi meta jkun hemm logħbiet jaħaqru, jista' l-Ministru jgħid għandhomx isiru lectures mill-pulizija lis-supporters biex aktar juru l-kruha tal-vjolenza fl-isport?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li l-każ qed jiġi investigat u jekk ikun il-każ jittieħdu dawk il-proċeduri skond kif jirriżulta mill-istess investigazzjoni.
Dwar it-tieni u t-tielet parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li l-Pulizija ma kelliex rapporti li weġġgħu xi spettaturi, pero` kien hemm żewġ membri tal-Korp tal-Pulizija li sofrew xi feriti ħfief. Infurmat ukoll li fl-investigazzjoni ta` dawn l-inċidenti l-Pulizija żammet diversi persuni u huwa mistenni li jinbdew proċeduri kriminali kontra numru ta` persuni, skond l-eżitu ta` l-investigazzjonijiet, fuq ksur tal-bon ordni u ksur tar-Regolamenti dwar l-Ordni Pubbliku fil-Grounds ta` l-Isports.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat li l-Pulizija dejjem ipparteċipat meta kienet mistiedna f`seminars organizzati mill-M.F.A.
Japprezza l-Ministru li x-xorb alkoħoliku fost iż-żgħażagħ qed jikber sew, u dan minn studju li sar minn diversi għaqdiet serji?
Peress li qed ikun hemm diversi lmenti, anke fil-gazzetti, li qed ikun hemm ħafna tfal taħt l-eta' legali (16-il sena) f'postijiet ta' divertiment, speċjalment f'Paceville matul tmiem il-ġimgħa li jikkunsmaw xorb alkoħoliku, jista' l-Minsitru jgħid x'kontroll qed isir mill-pulizija?
Mill-1 ta' Jannar kemm instabu persuni taħt l-eta legali fi ħwienet tax-xorb u postijiet ta' divertiment? Ittieħdu passi kontra sidien li qed iħallu tfal taħt l-eta' fl-istabbilimenti tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Pulizija kienet u ser tibqa` tagħmel spezzjonijiet fil-postijiet li qiegħed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant, sabiex kemm jista` jkun ma jsirux l-abbużi msemmija fil-Mistoqsija. Infurmat ukoll li matul l-ewwel ħames xhur ta` din is-sena ma kienx hemm persuni taħt is-sittax-il sena li nqabdu f`postijiet ta` divertiment.
Jikkonferma l-Ministru li se jinħatar kumitat għat-tmexxija tal-Marsa Sports complex? Min huma l-membri u fuq liema kriterji ġew magħżula?
Response (GALEA, LOUIS)
Bħalissa qegħdin fil-proċess li nappuntaw il-Marsa Complex Co-Ordinating Board. Ix-xogħol ta' dan il-Kumitat se jkun li jistudja u jagħti parir lill-Gvern dwar l-iżvilupp tal-faċilitajiet ġewwa l-Kumpless Sportiv tal-Marsa. Il-membri se jiġu maħtura minn rappreżentanti tal-Kunsill Malti għall-Isport, id-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport u għaqdiet / assoċjazzjonijiet li jokkupaw art jew jagħmlu użu minn faċilitajiet fl-istess kumpless.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru jew le li waqt xi xogħol li kien qed isir fil-Malta Racing Club kien hemm xi persuni li għamlu xi ħsara jew vendikazzjonijiet fuq il-makkinarju li kien qed jiġi wżat sabiex ifixkel ix-xogħol li kien qed isir dan l-aħħar sabiex tiġi rranġata l-korsa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li waqt li kien qed isir xogħol ta' tqegħid ta' ramel fuq il-korsa, il-ħaddiema sabu xi makkinarju bit-tyres imniżżlin, tnejn minnhom b'puncture. Il-Kumitat ħa passi immedjati biex dawn ġew irranġati biex seta' jitkompla x-xogħol.
Jikkonferma l-Ministru li ċ-chairman tal-Malta Racing Club irriżenja? X'ġara wara li l-istess persuna bgħat l-ittra tar-riżenzja tiegħu? Il-kumitat għadu qed jiltaqa'? Hemm xi ħsieb li jinħatar persuna oħra minfloku? Jekk iva, min hi din il-persuna?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Kumitat tal-Malta Racing Club għadu qed jiltaqa' regolarment u ser jibqa' kompost kif inhu sat-terminu tal-ħatra tiegħu. Iċ-Chairman informani li meta jispiċċa l-perjodu tan-nomina tiegħu ma jixtieqx li jerġa' jingħata l-inkariku.
Peress li jidher li xi kapijiet ta' l-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti għad m'għandhomx stuzzjonijiet eżatti dwar liema huma s-suġġetti li jridu jidħlu bħala obbligatorji fis-sena skolastika li tibda f'Settembru 2000, jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk is-suġġetti obbligatorji u optional li jridu jiġu mgħallma fil-primarji u/jew sekondarji?
Jekk ikun hemm suġġett fil-lista ta' l-optional bħalma ġie mħabbar il-European Studies, allura tista' skola ma toffrihx lill-istudent tagħha?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Kurrikulu Minimu Nazzjonali jitkellem ċar minn x'inhuma s-suġġetti bażiċi fil-livell Primarju (Paġna 77) u fil-livell Sekondarju (Paġna 81). F'paġna 82 il-Kurrikulu jagħti wkoll gwida ċara dwar x'tagħlim għandu jiġi offrut fil-lingwi.
L-iskejjel iridu jiddistingwu bejn suġġetti bażiċi u dawk "optional" jew li għalihom hemm għażla u ma jinsewx l-anqas li waqt li l-kurrikulu joffri qafas u gwida, huwa jisħaq fuq flessibilta` u fuq pjan ta' żvilupp partikulari għal kull skola.
Wara li l-gruppi mwaqqfa mill-Kumitat Nazzjonali għat-Twettiq tal-Kurrikulu jispiċċaw il-ħidma tagħhom u wara l-Konferenza Nazzjonali dwar l-Edukazzjoni li se ssir bejn id-9 u l-11 ta' Ġunju, se jitfassal Pjan ta' Strateġija li jkollu aktar dettalji dwar it-twettiq ta' dan il-Kurrikulu. Dan il-Pjan ta' Strateġija wkoll se jgħaddi minn fażi ta' konsultazzjoni ma' skejjel u msieħba oħra qabel jiġi finalizzat għal Diċembru 2000.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pulizija mhux qed jieħdu l-passi mixtieqa fuq abbuż li qed isir fi Triq il-Dulliegħ, ġewwa ż-Żejtun?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Pulizija tad-Distrett regolarment tagħmel ronda fit-triq imsemmija u ma ġew innotati l-ebda kontravenzjonijiet. Għalhekk nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema abbuż qiegħed jirreferi.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar mhux qed tieħu passi sabiex l-irregolaritajiet u l-inkonvenjenti maħluqa, li qed jagħmel persuna li qed jagħmel ċertu xogħol f'post abitat fi Triq id-Dulliegħ, Żejtun u mhux kollu kopert bil-permess meħtieġ, ma jitkompliex b'detriment għar-residenti?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsiiet Parlamentari Nru. 8610 u Nru. 10670 dwar is-suġġett tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li dan il-każ qiegħed fuq il-lista ta` dawk il-każi li qegħdin jistennew sabiex tittieħed azzjoni diretta fuqhom.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 16051 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni u ċioe' jista' jgħid jekk it-tiġrijiet taż-żwiemel li se jsiru ġewwa Għawdex fit-13 ta' Mejju, 2000 ġewx sponsorjati mill-Maltapost jew le? Hemm xi entita' oħra fid-dekasteru tiegħu li wkoll qed tisponsorja dan l-avveniment? Jekk il-Maltapost qed tisponsorja dan l-avveniment, din hija l-ewwel darba li qed jissponsorjaw avveniment simili? Jista' jgħid jekk hemmx xi membru tal-bord tad-diretturi tal-Maltapost li huwa involut anke fl-organizzazzjoni ta' dawn it-tiġrijiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jinghad li t-tigrijiet taz-zwiemel li saru f`Ghawdex fit-13 ta` dax-xahar, saru fuq inizjattiva ta` azjenda kummercjali ewlenija. Kif deher fil-gurnali u kif ixxandar fuq il-mezzi tax-xandir, din l-attivita`, li l-gurnali rreferew ghaliha bhala `storika`, tat l-opportunita` lill-Maltapost li tissieheb ma` numru ta` entitajiet ohra, privati u mhumiex, sabiex tiehu beneficcju mill-aqwa fil-qasam tar-reklamar. Dan sar fl-ispirtu ta` progettazzjoni ahjar u modern ta` kumpanija li qed thares ghall-futur f`ambjent kummercjali u kompetittiv.
Din mhijiex l-ewwel darba li l-Maltapost sponsorjat attivitajiet jew irriklamat skond il-htiega. F`dan il-kaz, kif diga` ghidt, ma kienx hemm attivita` ohra bhal din li ghaliha qed issir riferenza. Jiena nfurmat li wiehed mid-diretturi tal-Maltapost kien il-konsulent ta` l-organizzazzjoni ta` l-attivita`.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġet flus fuq sponsors għall-isport mill-Maltapost minn Settembru 1998 sal-lum?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li minn Settembru 1998 `l hawn, il-Maltapost hallset l-ammont ta` Lm3,000 fi sponsorizzar fil-qasam sportiv. Minbarra dan, il-kumpanija tisponsorizza zewg impjegati taghha fis-sens li tippermettilhom imorru jilghabu mat-tim nazzjonali Malti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx xi stima għar-riabilitazzjoni tal-faċilitajiet sportivi fl-Arena tal-Indipendenza fil-Furjana?
Jekk iva, jista' jgħid min ser iħallas għal kull biċċa xogħol?
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li ġie mhejji dwar il-faċilitajiet imsemmija?
Response (GALEA, LOUIS)
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija diġa' għedna fil-pubbliku li l-Gvern jirrijabilita l-Arena għas-spejjeż tiegħu, u dwar il-bqija nissuġġerixxi li jindirizza l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru għall-Ambjent.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew arrestati persuni waqt u wara l-logħba ta' nhar il-Ħamis, 11 ta' Mejju bejn Sliema W. u Valletta fl-istadium nazzjonali?
X'kien in-numru ta' vetturi li ġarrbu ħsarat waqt it-tfigħ ta' ġebel u fliexken wara din il-partita? Il-pulizija, għaliex ma neħħietx nies li kienu qed jostakolaw il-ħruġ ta' nies u vetturi mill-parking tal-VIP fejn kellhom jistennew aktar minn siegħa biex joħorġu minn hemm?
Għaliex ma kienx hemm preżenza tal-SAG li tant spikkaw fl-aħħar logħbiet li saru? Din il-logħba ma kenitx meqjusa bħala waħda li taħraq?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi b`konsegwenza ta` l-inċidenti li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant, kien hemm persuna li ġiet miżmuma mill-Pulizija fl-Istadium. Din il-persuna tressqet ukoll quddiem il-Qorti. Il-Pulizija għadha sejra bl-investigazzjonijiet tagħha u hu mistenni li jitressqu aktar persuni quddiem il-Qorti. Infurmat ukoll li wara li spiċċat il-logħba, kontinġent ta` Pulizija li kienu ġewwa l-Istadium, inħarġu barra ħdejn il-parking tal-VIP area, fejn ġiet ikkontrollata s-sitwazzjoni u anke tneħħew xi nies li kienu fil-viċin. Fl-ebda ħin ma nżammu xi nies milli jitilqu, imma kien hemm min iddeċieda li ma jitlaqx mill-ewwel. Aktar tard kien hemm 13-il persuna li għamlu rapport lill-pulizija li l-vetturi tagħhom ġarrbu ħsarat filwaqt li kienu pparkjati fil-viċinanzi ta` l-Istadium. Id-deployment ta` pulizija għall-manifestazzjonijiet pubbliċi isir skond kif tkun antiċipata li ser tkun is-sitwazzjoni, fejn f`dan il-każ ma kenitx meqjusa li kien hemm tali ħtieġa. Fil-fatt din ma kenitx l-unika darba li ma kienx hemm presenza ta` l-S.A.G. waqt logħob ta` din l-entita.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex Skolasajf mhux se tuża l-Pixxina Nazzjonali għall-għawm? Se jsir xi ħlas minn Skolasajf għall-użu tat-tlett pitches tal-għawm? X'inhu n-numru ta' coaches tal-għawm li se jkunu ingaġġati għal dan il-għan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sena li għaddiet kienet ittieħdet deċiżjoni li jiġi organizzat it-taħriġ ta' Skolasajf fil-pitches ta' assoċjazzjonijiet sportivi biex jistgħu jintlaħqu u jiġu akkomodati l-akbar numru ta' tfal minn kull naħa ta' Malta. Id-deċiżjoni li jkunu wżati pitches fil-lokalitajiet differenti ttieħdet ukoll sabiex tidħol aktar il-kultura li l-clubs tal-waterpolo isiru 'nurseries' għall-għawm u l-waterpolo.
Minħabba r-riżultati tajbin li kellna s-sena l-oħra, id-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport iddeċieda li din is-sena wkoll jaddotta din is-sistema. Dawn il-faċilitajiet jiġu provduti bla ħlas. In-numru ta' coaches li jiġu ngaġġati jiddependi min-numru ta' applikazzjonijiet li jidħlu.