Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-għaqdiet, clubs, jew organizzazzjonijiet li għandhom premises fil-kumpless tal-pixxina nazzjonali? Fuq liema kriterji ngħataw u kemm hu l-ħlas dovut f'kull każ?
Jista' l-Ministru jistħarreġ ilmenti li qed isiru minn residenti ta' Sqaq il-Vitorja, Birkirkara, dwar inkonvenjenti speċjalment ta' saħħa, minħabba trobbija ta' żwiemel u ż-żamma ta' tagħmir industrijali (cranes) fl-inħawi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li mill-investigazzjonijiet li għamlet l-Awtorita` ta` l-Ippjanar seta` jiġi kkonfermat li ġewwa Sqaq il-Vitorja, B`Kara, jinstab 'crane' żgħir ipparkjat f`nofs is-sqaq. Dan l-apparat qed jintuża minn resident ta` l-istess sqaq li qed jibdel xi soqfa perikolużi fir-residenza tiegħu. Waqt li s-sezzjoni ta` l-Infurzar ta` l-Awtorita` qed tkompli tinvestiga dwar dan l-iżvilupp, l-istess sezzjoni ġiet infurmata li l-Pulizija qed tinvestiga minn naħa tagħha dwar l-ingombru tal-'crane' fejn il-persuna ikkonċernata ġiet imwissija.
Dwar il-parti l-oħra tal-Mistoqsija jirriżulta li ġewwa remissa li tinsab fil-viċin qed jinżamm żiemel tas-serkin minn wieħed dilettant. Minn informazzjoni li nkisbet jirriżulta li din ir-remissa ilha tintuża għal dan l-iskop minn żmien ilu. Għaldaqstant ma jirriżultax ksur ta` l-Att Nru. 1 ta` l-1992 dwar l-Ippjanar. Dwar l-allegat inkonvenjent dwar is-saħħa pubblika nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ma jridx jagħti informazzjoni dwar iċ-ċentru informazzjoni Malta-EU, skond kif wieġeb f'mistoqsija parlamentari numru 16617 u dan minkejja li dan iċ-ċentru qed jiġi miżmum finanzjarjament minn flus il-poplu Malti, li għandu kull dritt ikun jaf l-informazzjoni kollha?
Response (BORG, JOE)
M'għandi xejn x'inżid ma' l-informazzjoni li tajt fil-Mistoqsija Numru 16617.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-meeting tat-13 ta' Mejju, 2000 li sar fil-korsa ta' Għawdex kienx hemm servizz ta' bookmakers? Jekk iva, kemm ħallsu lill-organizzaturi u għand min marru l-flus?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kumitat tal-Malta Racing Club ma kienx responsabbli mill-organizzazzjoni ta' din l-attivita` u għalhekk m'għandux it-tagħrif mitlub.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inġabret VAT fuq id-dħul fil-korsa taż-żwiemel ġewwa Għawdex fit-13 ta' Mejju, 2000?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-dikjarazzjoni fid-denunzji tat-taxxa taħt l-Att tal-1998 dwar Taxxa Fuq il-Valur Miżjud tkun tkopri perjodu sħiħ ta` taxxa kif stabbilit skond l-istess Att u mhux xi attivita` partikolari.
Jista' l-Ministru jgħid jekk prodotti li jkollhom EUR 1 Certificate jeħlux dazju? Jekk iva, liema huma dawn iċ-ċirkostanzi fejn dawn il-prodotti, minkejja li jkollhom EUR 1 Certificate, xorta waħda jeħlu dazju ta' 8.1% ?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li normalment il-prodotti li jkollhom EUR 1 Certificate li jkun validu ma jeħlux dazju.
Jista` jkun hemm każi fejn għad li l-prodotti jkollhom EUR 1 Certificate waqt l-eżami tal-merkanzija jirriżulta li huma magħmula barra mill-Unjoni Europeja. Għalhekk jeħlu d-dazju dovut. Mhux l-ewwel darba li wara verifika rriżulta li l-EUR 1 Certifacte mhux suppost inħareġ.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li prodotti li jkunu manufatturati f'xi pajjiż ta' l-UE u allura jkollhom EUR 1 Certificate xorta waħda jeħel id-dazju għax xi item minn dan il-prodott ikun magħmul f'xi pajjiż barra l-UE?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-prodotti li jkunu magħmula fl-U.E. u li jkunu jinkorporaw `item` li jkun magħmul barra mill-U.E. biex jikwalifikaw għall-oriġini Ewropeja jridu jissodifaw il-kriterji ta` l-oriġini skond l-`EEC\Malta Agreement`. Jekk jonqsu li jissodisfaw dawn il-kriterji jeħlu d-dazju dovut. Dawn il-kriterji jvarjaw skond il-kategorija tal-prodotti.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir xogħol relatat ma' drenaġġ fi Triq l-Ispirtu s-Santu fiż-Żejtun, eżattament fi djar numri 40 u 41, minħabba li wara inspection li saret irriżulta li kien hemm main maqsum?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li din hija triq dejqa ħafna. Diġa' mar kuntrattur biex iħaffer fuq dan il-main xi sena ilu, iżda minħabba l-kwantita' ta' servizzi, speċjalment ta' cables, dan it-tħaffir ma kienx possibbli, it-trinka ntradmet u x-xogħol ma tkompliex. Qiegħed isir studju fuq sistema ġdida ta' in-lining, fejn it-triq nippruvaw ma nkisruhiex.
Aktarx li dan il-fawran ġie kkaġunat minn xogħol ħażin ta' trinek ta' kuntratturi oħrajn f'din it-triq.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 16537, jista' l-Ministru jgħid meta bdew id-diskussjonijiet, fiex waslu u x'kienet ir-raġuni prinċipali sabiex bdew dawn id-diskussjonijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-Mistoqsija waslet il-Ministeru nhar il-Ġimgħa li għadda wara nofs in-nhar, meta bdew in-nofs ta' nhari, it-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta, bejn wieħed u ieħor, Triq it-Tamburin fiż-Żejtun se ssir minħabba li tinsab fi stat mhux aċċettabbli?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq flimkien mal-Kunsilli Lokali qed jipprepara programm għal asfaltar ta` toroq simili ma` Malta kollha, u x-xogħol fil-lokal isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li f'Wied il-Għajn din is-sena mhux se ibixxu t-toroq li m'humiex asfaltati, bħalma kien isir qabel?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Peress li l-Ministru qal kemm-il darba li l-ħatra ta' supretendenti fil-Korp tal-Pulizija kienu se jsiru sa nofs dan ix-xahar u issa l-Kummissarju ġie irrapportat li qal li m'hemmx ċans li jsiru qabel l-aħħar ta' Lulju, jista' l-Ministru jgħid għaliex hemm dawn id-diverġenzi? Kemm fil-fatt hemm vakanzi fir-rank ta' supretendent fil-Korp?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa` kelli l-okkażżjoni ngħid kemm-il darba, il-vakanzi ta` Supretendenti jimtlew wara li jkunu valutati l-ħtiġijiet attwali tal-Korp u l-esiġenzi tas-servizz in ġenerali. Qed isir minn kollox sabiex fejn hemm vakanzi dawn jimtlew f`temp qasir, iżda naturalment il-proċeduri jridu jgħaddu mill-Public Service Commission.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru applikazzjonijiet lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex jinbnew ċentri/complexes sportivi? Minn min saret kull applikazzjoni? F'liema lokalita'? F'liema stadju tinsab kull applikazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li saru erba' applikazzjonijiet lill-Awtorita` ta' l-Ippjanar. F'kull każ l-applikazzjoni saret mid-Direttur taż-Żgħażagħ u Sport.
PA 00661/2000
Bini ta' ċentru sportiv fil-Kottonera.
Qiegħed jiġi drafted rapport mill-Awtorita` ta' l-Ippjanar fuq l-applikazzjoni.
PA 00939/2000
Bini ta' blokk amministrattiv u faċilitajiet sportivi fil-Kumpless tal-Marsa.
Qiegħed jiġi drafted rapport mill-Awtorita` ta' l-Ippjanr fuq l-applikazzjoni.
PQ 2740/2000
Bini ta' ċentru sportiv fil-Karwija limiti ta' Ħal Safi.
Id-Dipartiment issottometta Outline Development Permission.
PA 931/2000
Diversi xogħlijiet fil-Kumpless tal-Pixxina Nazzjonali.
L-applikazzjoni ġiet rakkomandata għall-approvazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' priġunieri li bħalissa qed jinżammu fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? Ta' liema nazzjonalita' huma l-barranin? Kemm hemm persuni li huma diġa issentenzjati u kemm qed jistennew biex jiġu sentenzjati? Kemm, f'kull każ qegħdin il-ħabs fuq akkużi ta': a)traffikar; u b)traffikar u pussess ta' droga? Kemm minn dawn huma barranin u ta' liema nazzjonalita'?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel żewġ partijiet tal-Mistoqsija, dwar in-numru u n-nazzjonalita` tal-priġunieri, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 16664.
Fir-rigward tal-parti l-oħra tal-mistoqsija ninsab infurmat li l-priġunieri fit-8 ta` Ġunju 2000 kienu mqassma kif ġej : -
Arrestati - 82
Sentenzjati - 152
Total - 234
Dawk fuq pussess, traffikar u pussess jew Importazzjoni ta` droga huma maqsuma kif ġej : -
Maltin - 59
Barranin - 40
Il-barranin huma mqassma kif ġej :
Sentenzjati Arrestati
----------- ---------
Libjani 15 15
Olandiżi / 3
Tuneżini 3 /
Alġerini 1 1
Eġizzjani 1 1
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 16544, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-disinji tal-proġetti msemmija, kif ukoll stima ta' kull proġett u minn fejn hu maħsub li ser jiġu finanzjati?
Response (GALEA, LOUIS)
Kopja tad-disinji tal-proġetti ta' l-entratura u enclosure ġodda fil-Malta Racing Club qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-kamra flimkien ma' kopja ta' l-istima tax-xogħlijiet. Il-Malta Racing Club Committee għadu qiegħed jistudja l-possibilitajiet varji kif ser ikunu finanzjati dawn il-proġetti.
Jista' l-Ministru jintervjeni biex l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tieħu l-passi kollha meħtieġa biex struttura li hemm bla permess fuq il-bejt ta' blokk A, qasam tad-djar Ta' Ġiorni, titneħħa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li minn stħarriġ li sar fir-'records' ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ma jidhirx li nħarġet enforcement notice fuq Blokk A, Qasam tad-Djar ta` Ġiorni. Qegħdin isiru l-investigazzjonijiet neċessarji sabiex tiġi vverifikata s-sitwazzjoni fir-rigward ta` dak li rrefera għalih l-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanat xi xogħol fil-Malta Racing Club? Jekk iva, x'inhuma dawn il-proġetti? Fiex waslu dawn il-proġetti? Il-gvern ħareġ flus għal dawn il-proġetti? Jekk iva, kemm inħarġu flus s'issa u kemm se jinħarġu fil-futur?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li diġa' tlestew disinji biex isiru entratura u enclosure ġodda fil-Malta Racing Club. L-applikazzjoni għall-entratura diġa' ġiet mibgħuta lill-Awtorita` ta' l-Ippjanar. Huwa maħsub ukoll li 'l quddiem tiġi mdawla l-korsa. Ma sar ebda commitment minn naħa tal-Gvern biex joħroġ flus għal dawn il-proġetti.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu sabiex ħaddiema ta' nazzjonalita' barranija li qed jaħdmu f'pajjiżna b'mod illegali, ma jkomplux jagħmlu dan?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti statistika li għandha l-ETC dwar kemm instabu ħaddiema ta' nazzjonalita' barranija jaħdmu b'mod illegali f'dawn l-aħħar ħames snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Minn żmien għal żmien, il-Korporazzjoni tirċievi rapporti ta' nies barranin li qed jaħdmu Malta mingħajr permess. Kull fejn hu possibli l-Korporazzjoni tinvestiga dawn il-kazi hi stess u fejn jirrizulta xi ksur ta' liġi tieħu l-passi neċesarji. Il-Korporazzjoni dejjem titlob l-għajnuna tal-Puluzija kull meta spetturi tal-ETC jiltaqgħu ma barranin bla permess guq lantijiet tax-xogħol.
Waqt il-qadi normali ta' dmirijiethom, l-ispetturi tal-ETC dejjem ikunu attenti għal kull ksur ta' liġi, jiġi minn fejn jiġi u jsir minn min isir.
L-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija hi kif jidher fit-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu u meta se jsir ix-xogħol meħtieġ sabiex soqfa perikolużi u toilets li jinsabu fl-iskola primarja B fiż-Zejtun, jiġu rranġati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tender għax-xogħol ta' ranġar tal-faċilitajiet sanitarji fl-iskola Primarja 'B' taż-Żejtun qiegħed jiġi pproċessat mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Hu previst li x-xogħol isir tul il-vaganzi tas-sajf li ġej.