Jista'l-Viċi Prim Ministru jagħti ċ-ċifri ta' dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol miż-Żejtun, Żabbar u Wied il-Għajn fuq l-ewwel parti u fuq it-tieni parti, xahar b'xahar, minn Frar 1999 sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Viċi Prim Ministru ġentilment iwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 3734 skond l-aħħar statistika disponibbli?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' żgħażagħ taħt il-25 sena li kienu qiegħdin jirreġistraw għax-xogħol fl-aħħar ta' Diċembru 2000 kien ta' 1,810. Dan in-numru jirrapreżenta 27.5% ta' dawk li kienu qiegħdin jirreġistraw għax-xogħol.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli li juru l-informazzjoni dwar għal liema kategorija ta' xogħol kienu qiegħdin jirreġistraw dawn iż-żgħażagħ u l-persentaġġ ta' żgħażagħ li kienu qiegħdin jirreġistraw għax-xogħol fl-Unjoni Ewropeja f'Novembru 2000.
Jista' l-Ministru jgħid x'korsijiet ġew organizzati mis-segretarjat jew mid-dipartiment taż-żgħażagħ minn Settembru 1998 sal-lum?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li:
Fl-1999 - Adventure '99 - Saru żewġ korsijiet bażiċi dwar diversi attivitajiet sportivi ta' livell avventuruż.
Fl-2000 - Adventure 2000
F'Ġunju 2000 - 2 korsijiet għall-għalliema tal-P.E.
a) Sport fl-iskejjel Primarji
b) Sport għall-kulħadd fil-lokalitajiet
F'Novembru 2000 - Kors ta' ġimgħa intensiva li wassal lill-parteċipanti għal ċertifikat intenazzjonali ta' Sport for All leaders level 3.
Bħala parti mill-proġett tal-Youthnet saru korsijiet għall-group leaders ta' l-għaqdiet taż-żgħażagħ dwar l-użu tal-kompjuters u Internet fil-kumpless tal-Pixxina, f'Tal-Qroqq.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema programm/i ta' l-Unjoni Ewropea xi dipartiment jew entita' oħra li tinsab fid-dekasteru tiegħek qed tipparteċipa? Liema huma dawn il-programmi u x'utilita' għandhom u kemm qed jieħdu sehem persuni? Kemm hu l-ħlas ta' Malta u dak ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-kooperazzjoni proposta bejn il-Gudikatura u l-Ufficcju tal-Avukat Generali f`Malta u dawk tal-pajjizi membri tal-Unjoni Europeja mhix indikata ghalissa bhala participazzjoni f`xi programm specifiku mniedi mill-Unjoni.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari nru. 2275, jista' l-Ministru jgħid fiex waslu t-thejjiet għat-twaqqif ta' dan il-unit?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li d-Diviżjoni tas-Saħħa ħejjiet pjan ta' kif għandha tiġi ndirizzata t-taqsima ta' kura għaż-zgħażagħ. Fil-preżent għaddejjin diskussjonijiet mas-Segretarjat taż-żgħażagħ sabiex ikun hemm ko-ordinazzjoni sħiħa tal-proġett.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjani dwar id-dipartiment tal-kultura u kif dan jiġi mtejjeb?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġie mfassal pjan sabiex id-Dipartiment tal-Kultura jiżvolġi ruħu f'Kunsill Nazzjonali għall-Kultura u l-Arti. Huwa ppjanat li dan il-Kunsill jippromwovi u jimplimenta l-politika kulturali ta' Malta.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-kunsill nazzjonali taż-żgħażagħ u lil min jirrappreżentaw?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-membri tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ huma:
Alessandro Farrugia - President - Nominat mill-Ministru
Stefan Vella - Viċe President - F.Z.I.
Andre` Chetcuti - Secretary General - M.Z.P.N.
Mario Sacco - Deputy Secretary General - U.H.M.
Luke Vella - Teżorier - co-opted
Joseph Mifsud - International Secretary - Gh.S.L.
Ivan Saliba - Deputy International Secretary - co-opted
Edmond Buhagiar - P.R.O - co-opted
Lorraine Aquilina - Equal Rights Officer - co-opted
Lorraine Busuttil - Membru - irriżenjat
Arthur Azzopardi - Membru - Nominat mill-Ministru
Francis X.Ciantar - Executive Secretary
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari nru. 4035, jista' l-Ministru jgħid fiex inhuma l-affarijiet fil-preżent?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għadhom qed isiru diskussjonijiet bejn il-partijiet konċernati biex jinstabu 'premises' alternattivi u li jissodisfaw l-esiġenzi tal-partijiet konċernati.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk żgħażagħ li huma illiterati u bla snajja', jew inkella semi-skilled jew li għandhom livell ta' edukazzjoni medju, hux qed jew hux ser ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-programmi ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
It-tmexxija f'Malta tal-programmi edukattivi ta' l-Unjoni Ewropea ma' jaqgħux taħt ir-responsabbilita' tad-dekasteru tiegħi u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni matul is-sena 2000 jilagħbu u/jew jorganizzaw logħob klandestin ta' kull tip?
Fejn inqabdu u kemm kienu li ttieħdu passi kontrihom u x'weħlu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000, kien hemm 63 persuna li ġew imressqa quddiem il-Qorti fuq reati konnessi ma` xi tip ta` logħob klandestin. Il-lokalitajiet fejn inqabdu huma l-Marsa, Ħaż Żabbar, il-Gżira, Marsaxlokk, Raħal Ġdid, il-Fgura, Ħal Luqa, Ta` Xbiex, il-Belt Valletta, Buġibba u Ħaż Żebbuġ. Il-pieni mogħtija kienu jinkludu sentenza sospiża, ammenda, konfiska ta` flus jew twiddiba.
Jista' l-Ministru jgħid jekk trabi u tfal taħt l-eta', minkejja li jkunu akkumpanjati mill-ġenituri tagħhom, jistgħux idumu addirittura jidħlu fi stabbilimenti li huma ntiżi għal divertiment ta' persuni adulti, anke minħabba l-fatt li jkun hemm mużika tgħajjat u xorb alkoħoliku?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi r-Regolamenti ta` l-1995 dwar iż-Żamma ta` Bon Ordni fl-Lokalitajiet ta` Divertiment jipprojbixxu li persuni taħt l-eta` ta` sittax-il sena jitħallew jidħlu ġewwa lokal ta` divertiment.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jagħtu u/jew ibiegħu alkoħol lil tfal taħt is-16-il sena matul is-sena 2000? Kemm ittellgħu l-qorti persuni għal dan ir-reat u kemm weħlu f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000 kien hemm persuna waħda li ġiet imressqa quddiem il-Qorti talli biegħet xorba alkoħoliku lill-persuni taħt is-16-il sena. Dan il-każ għad mhux deċiż.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 21558 li oriġinarjament kienet saret lill-Viċi Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' l-Prim Ministru jgħid: (1) X'inhu n-numru ta' ħaddiema Għawdxin li qegħdin jaħdmu Malta? (2) X'inhu l-grad ta' dawn il-ħaddiema? (3) F'liema dipartiment jew korporazzjoni qegħdin jaħdmu? (4) X'inhi d-date of appointment tagħhom? (5) Min huma dawk il-ħaddiema?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ ħaddiema li joqgħodu Għawdex li kienu jaħdmu Malta fid-Dipartimenti kollha tal-Gvern fis-7 ta’ Diċembru 2000 kien ta’ 344, filwaqt li dawk li kienu jaħdmu f’korpi parastatali jew entitajiet pubbliċi li jaqaw taħt id-dekasteru tiegħi kien ta’ 3.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda li turi f’liema dipartiment/entità pubblika, u f’liema grad kienu dawn il-ħaddiema.
Ma nħossx li hija etika li jingħataw dettalji oħra mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq informazzjoni fuq xi korpi parastatali oħrajn, huwa mitlub jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema programm/i ta' l-Unjoni Ewropea xi dipartiment jew entita' oħra li tinsab fid-dekasteru tiegħek qed tipparteċipa?
Liema huma dawn il-programmi u x'utilita' għandhom u kemm qed jieħdu sehem persuni?
Kemm hu l-ħlas ta' Malta u dak ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li d-dipartimenti/entitajiet fid-dekasteru tiegħi qed jipparteċipaw f’programmi ta’ l-Unjoni Ewropea kif ġej:
Uffiċċju tal-Prim Ministru
Id-Direttorat Ġenerali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru huwa n-“National Contact Point” għal Malta responsabbli għat-“Twinning Programme”. Il-funzjoni ewlenija tal-“Contact Point” f’dan ir-rigward hija li jikkordina l-programmi identifikati u approvati taħt din l-iskema.
Dan il-Programm huwa skema intiża biex tgħin pajjiżi applikanti jsaħħu l-istituzzjonijiet amministrattivi tagħhom u jimplimentaw l-“acquis”. Dan il-proċess jinkludi għajnuna teknika u taħriġ minn esperti mill-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea.
Il-fondi allokati għat-“Twinning Programme” huwa ta’ EURO 660,000 mill-EU u EURO 60,000 mill-Gvern Malti.
Forzi Armati ta’ Malta
Bħalma tħabbar uffiċjalment fl-Istqarrija għall-Istampa Nru 1597, Malta wriet ir-rieda tagħha li tipparteċipa b’numru ta’ suldati fir-“Rapid Reaction Force” ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-kontribut tal-Forzi Armati għal dan il-għan ikun jikkonsisti fi “platoon” ta’ 30 suldat u “national headquarters element” ta’ madwar 4 suldati. Is-sehem ta’ Malta f’dan il-programm se jkun limitat għal missjonijiet ta’ assistenza umanitarja u ta’ salvataġġ. Dan is-sehem se jseħħ ukoll bil-kollaborazzjoni ta’ Qawwiet Militari Taljani.
L-utilita’ tas-sehem Malti għal din il-Forza Ewropea, li l-għan tagħha hu li tilqa’ u tirreaġixxi għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi li jistgħu jolqtu l-interessi ta’ l-Unjoni, joħroġ mid-dmir li għandu pajjiżna biex jaħdem għall-istabbilità, s-sigurtà u l-paċi internazzjonali, speċjalment fir-Reġjun tagħna. Peress li t-tħejjijiet speċifiċi għad iridu jiġu kkonsidrati, għalissa mhux possibli li dak li jkun jikkwantifika l-ispejjeż ta’ dan is-sehem.
MITTS
Ninsab infurmat li l-MITTS Ltd qiegħda tagħmel kuntatti sabiex tieħu sehem fil-programm “EUMEDIS” permezz tal-proġett:
“EUro-MEDiterranean network for information Technology promotion and transfer project (EUMED4IT)”
Huwa ppjanat li permezz tal-parteċipazzjoni f’dan il-proġett l-impjegati tal-MITTS Ltd ikollhom l-opportunità li jitgħallmu minn din l-esperjenza kemm teknikament kif ukoll personalment.
F’dan l-istadju mhux magħruf kemm jiswa l-proġett għalkemm huwa maħsub li l-involviment tal-MITTS Ltd ikun kollu kemm hu iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-istudenti li jinsabu fl-ewwel sena tal-kors tal-Animal Husbandary & Horticulture fl-Istitut Ġuże' Micallef ġewwa Ħal Luqa għadhom qatt ma ngħataw l-istipendju dovut lilhom?
Jista' jgħid meta se jitħallsu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti ta' l-ewwel sena tal-kors ta' l-Animal Husbandry and Horiclutre fl-Istitut Ġuże` Micallef għadhom ma ngħatawx il-Maintenance Grant. Dan ġara għax il-konferma min naħa tal-Kulleġġ dwar min kienu l-istudenti li bdew jattendu, ma waslitx qabel is-6 ta' Diċembru 2000. Skond ir-regolamenti tal-finanzi, dan kien tard wisq biex jirċievu l-grant sa l-aħħar ta' Diċembru 2000.
Dawn l-istudenti ser jingħataw il-grant fl-aħħar ta' Jannar 2001.
Il-kumplament ta' l-istudenti tal-Kulleġġ irċivew il-Maintenance Grant fil-ħin.