Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li Triq il-Batterija taz-Zonqor ġewwa M'Scala tingħata t-tarmac minħabba l-istat ħażin li tinsab fih u dan għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 23449.
Jista' l-Ministru jitlob lill-Enemalta sabiex jikkunsidraw li ssir bozza ġdida fi Triq il-Batterija taz-Zonqor ġewwa M'Scala eżattament f'dawra li tinsab għal nofs din it-triq fil-qrib ta' razzett?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferita lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet simili oħra.
B'referenza għall-mistoqsija nru. 23773, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-istess persuna jiġi terminat is-secondment tiegħu? F'liema dipartiment qed jaħdem issa l-istess persuna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Numru 23956 f'din l-istess Seduta.
Ninsab infurmat li l-persuna li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant qiegħda taħdem fil-Management and Personnel Office.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 23771, jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti l-lista ta' l-applikanti kif mitlub fil-mistoqsija numru 23771 jiġifieri l-post minfejn huma u l-punti li kellhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-applikanti li ġew allokati kienu minn diversi lokalitajiet madwar Malta u l-punti tagħhom ivarjaw bejn 142 u 17.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawk il-membri mhux akkademiċi fl-Universita' ta' Malta li ngħataw allowance (mhux qualification allowance) mis-sena 1996 'l hawn sena b'sena?
1. Kemm hi l-allowance ta' kull wieħed minnhom?
2. Għal-liema raġuni ngħatat jew għada tingħata din l-allowance?
Response (GALEA, LOUIS)
Lista ta' membri ta' l-istaff mhux akkademiku li ngħataw allowance (mhux qualification allowance) mis-sena 1999 'l hawn sena b'sena qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid:
1. Kemm ingħataw flus kapitali u rikorrenti fid-dipartiment tal-farmaċija fl-Universita' ta' Malta f'dawn l-aħħar għaxar snin?
2. Xi proġetti ta' riċerka qegħdin għaddejjin bħalissa?
3. Min qed jagħmilhom?
4. Kemm ħarġu papers?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni għall-ewwel parti tal-Mistoqsija qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Rigward it-tieni, it-tielet u r-raba' parti tal-Mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23713 f'Seduta 506.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li d-dettalji tiegħu qed jingħataw b'mod separat, ma ħax is-somma li hu ntitolat għaliha meta dan spiċċa mill-Maltacom ftit taż-żmien ilu?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw alternative accomodation mid-dipartiment tad-djar minn Jannar 2000 sall-um? Minfejn huma l-applikanti u kemm kellhom punti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali alloka 188 post minn Jannar 2000 sallum. L-applikanti huma minn nadwar Malta kollha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament tkeċċa mill-Awtorita' tad-Djar? Jista' jgħid kemm ilha sejra il-kwistjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant hi uffiċċjal pubbliku li kienet sekondata ma' l-Awtorita' tad-Djar u issa reġet lura mas-servizz pubbliku.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'ser jiġri minn nies li sa ftit żmien ilu kienu fil-bini magħruf WSSA fil-Blata l-Bajda mmexxi mill-YMCA u li ser jispiċċaw bla saqaf fuq rashom?
Jista' jgħid ukoll x'ser jiġri minn każi ġodda li fl-aħħar mill-aħħar diversi minnhom huma riferuti minn istituzzjonijiet tal-gvern?
X'alternattivi ser joffri l-gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Ministeru qiegħed f'kuntatt kontinwu mal-YMCA biex tinstab soluzzjoni għal kull persuna li kienet qiegħda tingħata kenn fil-bini magħruf bħala WSSA fil-Blata l-Bajda.
Tul is-sentejn li għaddew, il-Gvern ħa numru ta' inizjattivi biex tittaffa l-problema ta' min ikollu bżonn kenn temporanju:
- infetaħ ċentru ġdid ta' emerġenza għal nisa u tfal li jkollhom bżonn kenn protett;
- intlaħaq ftehim mal-Knisja biex tinfetaħ dar ta' kenn għal nisa u tfal li jkollhom bżonn ambjent ta' sapport fejn joqgħodu fi żmien ta' tranżizzjoni.
Dan is-servizz beda jopera;
- żdied sostanzjalment il-finanzjament tal-Fondazzjoni Suriet il-Bniedem li toffri kenn temporanju għall-irġiel;
- kera proprjeta' lill-Fondazzjoni Suriet il-Bniedem biex din titranġa u tintuża għal min ikollu bżonn kenn temporanju fit-tul;
- żdied sostanzjalment il-finanzjament li l-Gvern jagħti lil Dar Merħba Bik;
- żdied sostanzjalment il-finanzjament lid-Dar Osanna Pia biex din id-dar tkabbar s-servizzi tagħha;
- l-Awtorita' tad-Djar żviluppat skema ta' għajnuna lill-għaqdiet volontarji li jipprodu servizzi ta' kenn temporanju.
Il-Gvern ser ikompli jiżviluppa s-servizzi ta' kenn temporanju skond il-bżonn, kemm b'mod dirett kif ukoll f'għajnuna lill-għaqdiet volontarji li jipprovdu jew jixtiequ jipprovdu dan is-servizz.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu dwar drenaġġ li jinsab fi Triq Ħajt il-Wied fiż-Żejtun, minħabba li s-sitwazzjoni għadha dik li kienet minkejja li fi tweġiba oħra kien intqal li ħarġet it-tender sabiex isir ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Waqt li nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12335 (Seduta 221), nixtieq inżid li f'dik ir-risposta ma ntqalx li ħarġet it-tender għax-xogħol imma li ser toħroġ tender fil-futur.
Fil-fatt qegħdin isiru l-preparamenti neċessarji mal-Kunsill Lokali dwar dan ix-xogħol, minħabba li parti mix-xogħol irid jgħaddi minn għelieqi privati. Trid tinbena wkoll Silting Trap.
Din it-tender mistennija tiġi ppubblikata fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ħarġitx permess għal roundabout fil-ħruġ miż-Żejtun għat-Triq il-Barrani.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li kienet saret applikazzjoni mid-Direttur tad-Dipartiment tat-Toroq (PA 1764/00) għall-"immaniġjar tat-traffiku" fil-post li rrefera għalih l-Onor. Interpellant. Din l-applikazzjoni ġiet approvata mill-Kummissjoni għall-Kontroll ta` l-Iżvilupp (DCC) fit-23 ta` Ottubru 2000 u l-permess ġie maħruġ fit-13 ta` Novembru 2000.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-persuni li qed jieħdu ħsieb iż-żjara li l-Qdusija tiegħu l-Papa ser jagħmel f'Malta f'Mejju li ġej?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-arċidjoċesi ta' Malta u l-Gvern qed jikkoordinaw l-organizzazzjoni taż-żjara tal-Qdusija Tiegħu l-Papa. Il-Kumitat Organizzattiv tal-Gvern hu magħmul mir-rappreżentanti ta' dipartimenti u entitajiet li soltu jkunu nvoluti f'viżti statali u hu mmexxi mill-Assistent Personali tiegħi.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dak li ġie mitlub f'mistoqsijiet parlamentari numri 22741 u 22743, minħabba li r-riċerka mitluba minni hija ta' interess pubbliku w ġentilment nitlob li l-Ministru jipprovdi din l-informazzjoni anke minħabba l-fatt li huwa diffiċli ħafna li riċerka bħal din issir minna stess?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m'ghandi xejn x'inzid ma r-risposti li nghataw fid-domandi parlamentari nru 22741 u nru 22743.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 23449, jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq li se jingħataw it-tarmac ġewwa Marsaskala, u dan wara ftehim li ġie milħuq ma' l-istess kunsill lokali ta' Marsaskala?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-lista tat-toroq kif fil-preżent mifthiema mal-kunsill lokali hija skond l-iskeda anessa.
1 Car Park and P/O Promenade St. Thomas bay Marsascala
2 Triq Għaxqet il-Għajn - M'Skala
3 Triq Gidwet - M'Skala
4 Triq Munxar - M'Skala
5 Triq Maħsel - M'Skala
6 Triq P.Wistin Borne - M'Skala
7 Triq Mriekeb - M'Skala
8 P/O Triq Vajrita - M'Skala
9 Triq Qawwara - M'Skala
10 Triq is-Sibbien - M'Skala
Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna ġiet mitluba mill-kunsill lokali taż-Żejtun minn Ottubru 1998 sal-lum u għaliex? Jista' jgħid ukoll x'għajnuna ngħata l-istess kunsill u fiex kienet tikkonsisti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kunsill Lokali taż-Żejtun baqa' jinsisti fuq talba għal Lm3000 għotja għat-tkomplija taċ-Ċentru Sportiv San Girgor. Wara li qies l-għajnuniet lil diversi Assoċjazzjonijiet u Kunsilli Lokali oħra ma' Malta u Għawdex matul is-sena, is-Segretarju Parlamentari offra massimu ta' Lm1000 liema offerta ma ġietx aċċettata minn dan il-Kunsill. S'issa l-kunsill kien irċieva Lm6500 f'għajnuna għall-istess proġett.
Madanakollu fl-okkażjoni ta' l-inawgurazzjoni taċ-Ċentru f'Novembru 2000, id-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport bagħat tlett ħaddiema biex jgħinu fl-immarkar bil-linji tal-multipurpose hall. Dan ix-xogħol dam tlett ijiem. Barra minn dan il-Kumitat 'Sport for All' ipprovda s-servizz ta' sport leader biex jgħin fl-attivitajiet sportivi fil-lokal.
Jista' l-Ministru għid x'ħidma twettqet mill-Foundation for Intenational Studies minn Ottubru 1998 sal-lum? Jista' jgħid ukoll x'ħidma hemm il-ħsieb li titwettaq matul din is-sena?
Min huma l-persuni nvoluti f'din il-ħidma?
Response (GALEA, LOUIS)
Kopja tar-rapporti annwali tal-Fondazzjoni għas-snin 1998 - 1999 flimkien ma' lista ta' l-impjegati attwali se ngħaddihom lill-Onor. Membru.
Jista' l-Ministru jgħid x'ħidma saret minn Ottubru 1998 sal-lum mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija? Min hija l-persuna nkarigata minn dan il-kunsill? Jista' jgħid ukoll x'inhi r-raġuni li ċ-chairperson ta' dan il-kunsill irriżenja?